This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005TJ0458
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
Kawża T-458/05
Tegometall International AG
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)
“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali TEK — Suġġett tal-kawża — Rispett tad-drittijiet tad-difiża — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Artikolu 7(1)(b), (ċ) u (g), u Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”
Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) ta’ l-20 ta’ Novembru 2007 II - 4724
Sommarju tas-sentenza
Trade mark Komunitarja – Proċedura għat-tressiq ta’ kawża – Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja – Limitazzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi wara d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 63(2) u Artikolu 135(4))
Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità – Reġistrazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94
(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(ċ) u 51(1)(a))
Fil-kuntest ta’ appell minn deċiżjoni ta’ Bord ta’ l-Appell ta’ l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni), il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni appellata ħlief jekk, fil-mument meta din tkun ittieħdet, kienet ivvizzjata minn wieħed mir-raġunijiet ta’ annullament jew ta’ tibdil previsti mill-Artikolu 63(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, jiġifieri nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, tar-Regolament Nru 40/94 jew ta’ kull regola ta’ dritt li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter. Dan l-istħarriġ tal-legalità għandu jsir fid-dawl tal-kuntest fattwali u ġuridiku tal-kawża hekk kif tressaq quddiem il-Bord ta’ l-Appell.
F’dan ir-rigward, jekk l-Artikolu 44(1) tar-Regolament Nru 40/94 jipprovdi li “[l]-applikant jista’ f’kull ħin jirtira l-applikazzjoni tiegħu għal trade mark Komunitarja jew jirrestrinġi l-lista ta’ prodotti jew servizzi li jkunu jinsabu fiha” limitazzjoni ta’ l-imsemmija lista wara d-deċiżjoni appellata tal-Bord ta’ l-Appell ma tistax tippreġudika l-legalità tagħha, li hija l-unika kkontestata quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
Ċertament, f’ċerti ċirkustanzi, dikjarazzjoni ta’ l-applikant tat-trade mark quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li jgħid li qed jirtira l-applikazzjoni tiegħu unikament għal uħud mill-prodotti msemmija fl-applikazzjoni inizjali, tista’ tiġi interpretata kemm bħala dikjarazzjoni li d-deċiżjoni appellata hija kkontestata biss safejn din tkopri l-bqija tal-prodotti mitluba, kif ukoll, jekk dikjarazzjoni bħal din saret fi stadju avvanzat tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, bħala irtirar parzjali.
Madankollu, jekk, permezz tal-limitazzjoni tiegħu tal-lista tal-prodotti msemmija fl-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, l-applikant tat-trade mark m’għandux l-intenzjoni li jirtira wieħed jew bosta prodotti minn din il-lista, iżda li jemenda karatteristika, bħad-destinazzjoni tal-prodotti kollha li jidhru f’din il-lista, ma jistax jiġi eskluż li din l-emenda tista’ jkollha effett fuq l-eżami tat-trade mark Komunitarja mwettaq mid-dipartimenti ta’ l-UASI matul il-proċedura amministrattiva. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ammissjoni ta’ din l-emenda fl-istadju ta’ l-appell quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza hija ekwivalenti għal emenda tas-suġġett tal-kawża, li hija pprojbita mill-Artikolu 135(4) tar-Regoli tal-Proċedura. Għalhekk, restrizzjoni bħal din ma tistax tittieħed in kunsiderazzjoni mill-Qorti tal-Prim’Istanza għall-eżami tal-mertu tar-rikors.
(ara l-punti 19, 20, 22-25)
It-terminu TEK ma kellux jiġi rreġistrat bħala trade mark Komunitarja għal “xkafef u biċċiet minn xkafef b’mod partikolari, qofof li jiddendlu minn ma’ xkaffef, l-oġġetti metalliċi kollha” fil-klassi 6 u l-prodotti kollha li mhumiex ta’ l-injam fil-klassi 20 skont il-Ftehim ta’ Nizza, minħabba l-eżistenza ta’ raġuni assoluta għal rifjut prevista fl-Artikolu 7(1)(ċ), tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja li tirrigwarda l-karattru deskrittiv tat-trade mark mill-perspettiva tal-konsumatur medju li jitkellem bil-Franċiż u bit-Taljan.
Fil-fatt, fit-Taljan u fil-Franċiż, il-kelma “tek” isservi sabiex tindika l-injam tat-tik u b’hekk tindika tip ta’ injam u l-karatteristiċi ta’ dan l-injam.
Fir-rigward tal-lista tal-prodotti li għalihom it-trade mark TEK ġiet irreġistrata, il-proprjetarju huwa f’pożizzjoni li jippreżenta fil-futur il-prodotti tiegħu f’materjal bħall-plastik jew metall li madankollu jagħtu l-apparenza ta’ injam tat-tik. Fil-fatt, il-prodotti in kwistjoni, b’mod partikolari dawk iffabbrikati minn materjal tal-plastik, jistgħu minn naħa tal-lewn tagħhom, l-aspett estern tagħhom, minħabba t-teknika kollha eżistenti ta’ imitazzjoni ta’ l-injam attwalment fis-suq, jagħtu l-impressjoni li huma magħmula mill-injam tat-tik jew li għandhom ta’ l-anqas ċerti karatteristiċi ta’ injam tat-tik. B’hekk, ir-rabta eżistenti bejn is-sens tat-terminu “tek”, minn naħa, u l-ixkafef u biċċiet minn xkafef u qofof li jiddendlu, l-oġġetti kollha ċċitata iktar’il fuq tal-metall u mhux ta’ l-injam, min-naħa l-oħra, jidhru suffiċjentement qrib sabiex jaqgħu taħt il-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94.
(ara l-punti 83, 85, 87, 92, 93)