Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0405

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-405/05

Powerserv Personalservice GmbH

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti għal dikjarazzjoni ta’ invalidità — Trade mark Komunitarja verbali MANPOWER — Raġunijiet assoluti għal rifjut — Karattru deskrittiv — Emenda parzjali — Karattru distintiv miksub permezz tal-użu — Artikolu 7(1)(ċ), Artikolu 51(1) u (2), u Artikolu 63(3) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) tal-15 ta’ Ottubru 2008   II ‐ 2887

Sommarju tas-sentenza

  1. Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(ċ) u (3), u 51(1)(a) u (2))

  2. Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(b) sa (d), u 51(1)(a) u (2))

  3. Trade mark Komunitarja – Ċessjoni, revoka u invalidità – Raġunijiet assoluti ta’ invalidità

    (Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikoli 7(1)(b) sa (d), u 51(1)(a) u (2))

  1.  Ir-reġistrazzjoni tas-sinjal verbali MANPOWER bħala trade mark Komunitarja għall-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 35, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza ma tistax tiġi invalidata minħabba l-eżistenza tar-raġuni għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(ċ) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja.

    Mill-perspettiva tal-popolazzjoni kollha li għandha l-età għax-xogħol, dan is-sinjal jiddeskrivi, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(ċ) ta’ dan ir-regolament, fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għal impjieg temporanju li jinsabu fil-klassi 35 ta’ dan il-ftehim u li fir-rigward tagħhom ġie rreġistrat. Fil-fatt, fir-rigward tar-Renju Unit u tal-Irlanda, il-kelma Ingliża “manpower” effettivament tippreżenta, flimkien mas-servizzi inkwistjoni, relazzjoni diretta u konkreta biżżejjed b’mod li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jipperċepixxi immedjatament, u mingħajr riflessjoni oħra, deskrizzjoni ta’ dawn is-servizzi. Fir-rigward tal-Ġermanja u tal-Awstrija, dan it-terminu huwa, skont id-dizzjunarju Duden, l-ekwivalenti għall-kelma “Arbeitskraft” (riżorsi umani). Il-konsumaturi li jitkellmu bil-Ġermaniż rilevanti jistabbilixxu għalhekk immedjatament u mingħajr riflessjoni oħra relazzjoni konkreta u diretta bejn it-terminu u s-servizzi ta’ uffiċċji ta’ kollokament u ta’ provvista ta’ impjieg temporanju. Dan huwa aktar minnu peress li l-kelma “MANPOWER” hija kelma popolari fis-sistema ta’ referenza lingwistika Ġermaniża.

    Mill-perspettiva tal-popolazzjoni kollha li għandha l-età għax-xogħol, dan is-sinjal ukoll jiddeskrivi, fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, il-parti l-kbira tal-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 ta’ dan il-ftehim li fir-rigward tagħhom ġie rreġistrat. L-ewwel nett, il-kelma tista’ tinftiehem li tindika l-kontenut ta’ dawn il-prodotti u servizzi meta jintużaw fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament. F’dan il-kuntest, il-pubbliku rilevanti, li wara kollox huwa l-istess għal dawn il-prodotti u servizzi bħal dak stabbilit għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament jew ta’ aġenzija għal impjieg temporanju fil-klassi 35, jagħraf għaldaqstant fit-trade mark inkwistjoni referenza diretta u konkreta għal dawn il-prodotti u servizzi. It-tieni nett, sa fejn dawn il-prodotti u servizzi jinkludu prodotti jew servizzi li ma jippreżentaw l-ebda rabta mas-servizzi ta’ kollokament u ta’ provvista ta’ impjieg temporanju, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “MANPOWER” ġiet irreġistrata għal kull wieħed minnhom komplessivament.

    Mill-perspettiva tal-popolazzjoni kollha li għandha l-età għax-xogħol, min-naħa l-oħra, fl-Olanda, fl-Iżvezja, fid-Danimarka, fil-Finlandja u fil-bqija tal-Istati Membri tal-Komunità li fihom mhuwiex mitkellem l-Ingliż, dan is-sinjal ma jiddeskrivix prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 35, 41 u 42 skont il-Ftehim ta’ Nizza, li fir-rigward tagħhom ġie rreġistrat,. Fil-fatt, ma ġiex ipprovat li, fil-kuntest tal-prodotti u tas-servizzi protetti mit-trade mark, l-Ingliż intuża, anki jekk biss f’alternanza mal-lingwa nazzjonali, sabiex jiġu indirizzati l-membri tal-pubbliku li hija ħadet inkunsiderazzjoni.

    B’hekk, fir-Renju Unit, fl-Irlanda, fil-Ġermanja u fl-Awstrija, it-trade mark kisbet karattru distintiv permezz tal-użu għas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament u ta’ aġenzija għal impjieg temporanju fil-klassi 35. Dan il-karattru distintiv kellu jiġi estiż għall-prodotti u servizzi protetti mit-trade mark, li jinsabu fi klassijiet oħra. Fil-fatt, it-trade mark hija deskrittiva biss fir-rigward ta’ wħud mill-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42. Il-kelma “MANPOWER” tista’ tinftiehem li tindika biss il-kontenut ta’ dawk minn fost dawn il-prodotti u servizzi li jintużaw fil-kuntest tas-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament, u l-konsumatur li jagħmel il-konnessjoni bejn dawn il-prodotti u servizzi fil-klassijiet 9, 16, 41 u 42 u s-servizzi ta’ uffiċċju ta’ kollokament u ta’ uffiċċju għall-provvista ta’ impjieg temporanju jkun jista’ jifhem it-trade mark bħala l-indikazzjoni tal-oriġini ta’ dawn il-prodotti u servizzi, b’referenza għall-proprjetarju.

    (ara l-punti 57-59, 66-68, 79, 80, 85, 89-92, 135-141, 144-145)

  2.  Skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d) ta’ dan ir-regolament, hija ma tistax madankollu tiġi ddikjarata invalida jekk, permezz tal-użu li jkun sar minnha, wara r-reġistrazzjoni tagħha hija tkun kisbet karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata.

    Jekk l-Artikolu 51(2) ta’ dan ir-regolament kellu jinftiehem fis-sens li ma jirreferix għall-użu tat-trade mark li tagħha ntalbet l-invalidità wara r-reġistrazzjoni tagħha, dan ikun superfluwu u ma jkunx jagħmel sens. Skont l-Artikolu 7(3) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, fil-fatt, jista’ jiġi rreġistrat sinjal deskrittiv li, minħabba l-użu li jkun sar minnu qabel il-preżentazzjoni ta’ applikazzjoni intiża għar-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja, ikun kiseb karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi msemmija fl-applikazzjoni għal reġistrazzjoni. Trade mark irreġistrata b’dan il-mod ma tistax tiġi invalidata skont l-Artikolu 51(1)(a) tar-Regolament Nru 40/94, peress li mhijiex trade mark “irreġistrata kuntrarja tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7”. Għaldaqstant l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex rilevanti f’din l-ipoteżi. B’hekk din l-aħħar dispożizzjoni hija intiża biss għat-trade marks li r-reġistrazzjoni tagħhom kienet kontra r-raġunijiet għal rifjut imsemmija fl-Artikolu 7(1)(b) sa (d) tar-Regolament Nru 40/94 u li, fin-nuqqas ta’ din id-dispożizzjoni, kellhom jiġu invalidati, skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 40/94. L-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 għandu, preċiżament, bħala għan li jżomm ir-reġistrazzjoni ta’ dawk it-trade marks li, minħabba l-użu li jkun sar minnhom, sadanittant, jiġifieri wara r-reġistrazzjoni tagħhom, ikunu kisbu karattru distintiv għall-prodotti jew servizzi li għalihom huma jkunu ġew irreġistrati, minkejja l-fatt li din ir-reġistrazzjoni, fil-mument li saret, kienet tmur kontra l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 40/94.

    (ara l-punt 127)

  3.  Skont l-Artikolu 51(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, meta t-trade mark Komunitarja tkun ġiet irreġistrata bi ksur tal-Artikolu 7(1)(b), (ċ) jew (d) ta’ dan ir-regolament, hija ma tistax madankollu tiġi ddikjarata invalida jekk, permezz tal-użu li jkun sar minnha, wara r-reġistrazzjoni tagħha hija tkun kisbet karattru distintiv għall-prodotti u servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata. Id-data konkreta li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni fl-analiżi tal-karattru distintiv ta’ trade mark Komunitarja miksub permezz tal-użu wara r-reġistrazzjoni hija dik tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità. Barra minn hekk, l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’, mingħajr kuntradizzjoni ta’ motivi jew żball ta’ liġi, jieħu inkunsiderazzjoni elementi li, minkejja li seħħew wara d-data tat-talba għal dikjarazzjoni ta’ invalidità, jippermettu li jsiru konklużjonijiet fuq is-sitwazzjoni hekk kif kienet f’din l-istess data.

    (ara l-punt 146)

Top