Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005TJ0237

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Portata

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikoli 4, 9(4) u 11(2))

    2. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2))

    3. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-għanijiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika — Protezzjoni ta’ interessi kummerċjali ta’ persuna fiżika jew ġuridika

    (Artikolu 287 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(3) u l-ewwel u t-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2); Regolamenti tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikolu 17, u Nru 139/2004, Artikolu 17)

    4. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Dokumenti li joriġinaw minn terzi

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(1), (2) u(4))

    5. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni tal-proċess deċiżjonali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

    6. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Protezzjoni ta’ pariri legali

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, premessa 6 u t-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2))

    7. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Obbligu tal-istituzzjoni li twettaq eżami konkret u individwali tad-dokumenti — Eżami li jirriżulta partikolarment tqil u mhux xieraq — Deroga mill-obbligu ta’ eżami

    (Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 4(6))

    8. Unjoni Ewropea — Istituzzjonijiet — Dritt ta’ aċċess pubbliku għal dokumenti — Regolament Nru 1049/2001 — Eċezzjonijiet għad-dritt ta’ aċċess għal dokumenti — Interess pubbliku superjuri li jiġġustifika l-iżvelar ta’ dokumenti

    (Artikolu 255 KE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1049/2001, Artikolu 2(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3))

    Summary

    1. L-obbligu għal istituzzjoni li twettaq evalwazzjoni konkreta u individwali tal-kontenut tad-dokumenti msemmija f’applikazzjoni ta’ aċċess jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tiġi adottata bħala regola ġenerali, li tapplika għall-eċċezzjonijiet kollha msemmija fl-Artikolu 4(1) sa (3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, indipendentement mill-qasam li jirreferu għalih id-dokumenti mitluba.

    Din ir-regola ġenerali ma tfissirx madankollu li tali eżami huwa meħtieġ fiċ-ċirkustanzi kollha. Fil-fatt, peress li l-għan tal-eżami konkret u individwali li l-istituzzjoni għandha, bħala prinċipju, twettaq b’risposta għal applikazzjoni ta’ aċċess ippreżentata abbażi tar‑Regolament Nru 1049/2001 huwa li jippermetti lill-istituzzjoni inkwistjoni sabiex, minn naħa, tevalwa sa fejn hija applikabbli eċċezzjoni għad-dritt ta’ aċċess u, min-naħa l-oħra, sabiex tevalwa l‑possibbiltà ta’ aċċess parzjali, l-imsemmi eżami jista’ ma jkunx neċessarju meta, minħabba ċirkustanzi partikolari tal-każ, ikun jidher b’mod ċar li l-aċċess għandu jiġi miċħud jew, bil-kontra, li għandu jingħata.

    Barra minn hekk, in-natura ġenerali tal-motivazzjoni li fuqha huwa bbażat rifjut ta’ aċċess kif ukoll il-qosor tagħha jew in-natura sterjotipika tagħha tista’ tikkostitwixxi indikazzjoni ta’ nuqqas ta’ eżami konkret biss fil-każ fejn huwa oġġettivament possibbli li jiġu indikati r-raġunijiet li jiġġustifikaw ir-rifjut ta’ aċċess għal kull dokument mingħajr ma jiġi żvelat il-kontenut ta’ dan id-dokument jew element essenzjali tiegħu, u, għaldaqstant, mingħajr ma jitneħħa l-għan essenzjali tal-eċċezzjoni. Il-ħtieġa għall‑istituzzjonijiet li ma jirreferux għal elementi li indirettament jippreġudikaw l-interessi li l-eċċezzjonijiet speċifikament għandhom bħala għan li jipproteġu hija enfasizzata b’mod partikolari fl-Artikolu 9(4) u fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    Fl-aħħar nett, l-istess ġustifikazzjoni tista’ tiġi applikata għal dokumenti li jappartjenu lill-istess kategorija, u dan hu l-każ b’mod partikolari jekk jinkludu l-istess tip ta’ informazzjoni. Hija mbagħad il-Qorti Ġenerali li għandha tivverifika jekk l-eċċezzjoni invokata tkoprix manifestament u fl-intier tagħhom id-dokumenti li jaqgħu taħt din il-kategorija.

    (ara l-punti 44-47)

    2. L-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-dispożizzjoni, li tipprevedi li tipproteġi l-iskop ta’ spezzjonijiet, investigazzjoni u verifiki, ma huwiex applikabbli ħlief jekk l-iżvelar tad-dokumenti inkwistjoni jgħaddi mir-riskju li jipperikola t-twettiq ta’ dawn l-attivitajiet.

    Ċertament, l-atti differenti ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni jistgħu jibqgħu koperti mill-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni u ta’ verifika sakemm jiżvolġu l-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew ta’ spezzjoni, anki jekk l-investigazzjoni jew spezzjoni li jkunu taw lok għar-rapport li għalih ġie mitlub aċċess intemmew.

    Madankollu, li jiġi aċċettat li d-dokumenti differenti relatati mal-attivitajiet ta’ spezzjoni, ta’ investigazzjoni jew ta’ verifika huma koperti bl-eċċezzjoni bbażata fuq it-tielet inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, sakemm il-proċeduri li jsegwu ma jkunux ġew deċiżi, iwassal biex jissuġġetta l-aċċess għal dawn id-dokumenti għal avveniment inċert, futur u eventwalment iktar ’il bogħod, skont il‑ħeffa u d-diliġenza tal-awtoritajiet differenti. Tali soluzzjoni tmur kontra l-għan ta’ garanzija ta’ aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, bil-għan li tingħata liċ-ċittadini l-possibbiltà li jikkontrollaw b’mod iktar effettiv il-legalità tal-eżerċizzju tas-setgħa pubblika.

    (ara l-punti 72-75)

    3. Skont l-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Kummissjoni japplikaw għad-dokumenti kollha miżmuma minn din l-istituzzjoni, jiġifieri d-dokumenti kollha mħejjija jew riċevuti minnha u li huma fil-pussess tagħha, fl-oqsma kollha ta’ attività tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat li, f’termini ta’ konċentrazzjoni, il-korrispondenza bejn il-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati tiġi kkunsidrata bħala manifestament koperta mill-eċċezzjoni dwar il-protezzjoni tal-għan tal-attivitajiet ta’ investigazzjoni jew minn dik dwar il-protezzjoni tal-interessi kummerċjali. Għalkemm dawn l-eċċezzjonijiet huma, jekk ikun il-każ, applikabbli għal ċerti dokumenti mħejjija mill-Kummissjoni jew li kienu kkomunikati lilha, dan ma huwiex neċessarjament il-każ tad-dokumenti kollha jew ta’ dawn id-dokumenti fl-intier tagħhom. Għall-inqas, hija l-Kummissjoni li għandha tiżgura dan permezz ta’ eżami konkret u effettiv ta’ kull dokument, meħtieġ mill-ewwel inċiż tal-Artikolu 4(2) tal-imsemmi regolament.

    Sa fejn il-pubbliku għandu dritt ta’ aċċess għal dokumenti li jinkludu ċerta informazzjoni, din l-informazzjoni ma tistax tiġi kkunsidrata bħala li hija tat-tip kopert, min-natura tagħha, mis-sigriet professjonali jew mis-sigriet kummerċjali. La l-Artikolu 287 KE u lanqas ir-Regolamenti Nru 4064/89 u Nru 139/2004, dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi, ma jistgħu jopponu l-iżvelar ta’ dokument li ma jkunx kopert minn waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mir-Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 86, 90, 94, 123, 124)

    4. Skont id-dispożizzjonijiet tal‑Artikolu 4(4) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fil-każ ta’ dokumenti li ġejjin minn terz, l-istituzzjoni tikkonsulta lit-terz sabiex jiġi ddeterminat jekk eċċezzjoni prevista fl-Artikolu 4(1) u (2) tal-istess regolament hijiex applikabbli, sakemm ma jkunx ċar jekk id-dokument għandux jiġi żvelat jew le. Minn dan isegwi li l-istituzzjonijiet ma humiex obbligati li jikkonsultaw lit-terz ikkonċernat jekk jidher b’mod ċar li d-dokument għandu jiġi żvelat jew li ma għandux jiġi żvelat. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-istituzzjonijiet għandhom jikkonsultaw it-terz inkwistjoni. Għaldaqstant, il-konsultazzjoni tat-terz ikkonċernat tikkostitwixxi, bħala regola ġenerali, kundizzjoni minn qabel għad-determinazzjoni tal-applikazzjoni tal-eċċezzjonijiet għall-aċċess previsti mill-Artikolu 4(1) u (2) tar-Regolament Nru 1049/2001 fil-każ ta’ dokumenti li joriġinaw minn terzi. In-nuqqas ta’ konsultazzjoni tat-terzi awturi ta’ dokumenti hija għaldaqstant konformi ma’ dan ir-regolament biss jekk waħda mill-eċċezzjonijiet previsti minnu tapplika b’mod ċar għad-dokumenti inkwistjoni.

    (ara l-punti 126, 127)

    5. L-applikazzjoni tal-eċċezzjoni bbażata fuq il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali prevista fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, timplika li jintwera li l-aċċess għad-dokumenti mitluba jista’ jippreġudika konkretament u effettivament il-protezzjoni tal-proċess deċiżjonali tal-Kummissjoni u li dan ir-riskju ta’ preġudizzju kien raġonevolment prevedibbli u mhux purament ipotetiku.

    Barra minn hekk, sabiex jaqa’ taħt l-eċċezzjoni, il-preġudizzju għall-proċess deċiżjonali għandu jkun gravi. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-iżvelar tad-dokumenti msemmija jkollu impatt sostanzjali fuq il-proċess deċiżjonali. L-evalwazzjoni tal-gravità tiddependi fuq iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ, b’mod partikolari fuq l-effetti negattivi fuq il-proċess deċiżjonali, imsemmija mill-istituzzjoni dwar l-iżvelar tad-dokumenti msemmija. Ġustifikazzjonijiet invokati b’mod ġenerali u astratt, mingħajr ma huma ssostanzjati minn argumenti dettaljati fir-rigward tal-kontenut tad-dokumenti inkwistjoni, ma humiex suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw rifjut ta’ aċċess għad-dokumenti mitluba, taħt piena li jippreġudikaw il-prinċipju ta’ interpretazzjoni stretta tal-eċċezzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1049/2001 u speċjalment dik prevista fl-Artikolu 4(3) tal-imsemmi regolament.

    (ara l-punti 140, 141, 143)

    6. L-eċċezzjoni dwar il-pariri legali, prevista mit-tieni inċiż tal-Artikolu 4(2) tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, għandha tiġi interpretata bħala intiża sabiex tipproteġi l-interess tal-Kummissjoni li titlob pariri legali u li tirċievi pariri sinċieri, oġġettivi u kompleti. Ir-riskju li jkun ippreġudikat dan l-interess għandu, sabiex ikun jista’ jiġi invokat, ikun raġonevolment prevedibbli, u mhux purament ipotetiku.

    F’dan ir-rigward, l-interess tal-pubbliku sabiex jikseb komunikazzjoni ta’ dokument skont l-obbligu ta’ trasparenza, li huwa intiż sabiex jiżgura parteċipazzjoni aħjar taċ-ċittadini għall-proċess deċiżjonali u sabiex jiggarantixxi leġittimità ikbar, effettività ikbar u responsabbiltà ikbar tal-amministrazzjoni fil-konfront taċ-ċittadini f’sistema demokratika, ma huwiex l-istess meta dan id-dokument jaqa’ taħt proċedura amministrattiva intiża għall-applikazzjoni ta’ regoli li jirregolaw il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet jew id-dritt tal-kompetizzjoni b’mod ġenerali jew meta jikkonċerna dokument dwar proċedura fil-kuntest li fih l-istituzzjoni kkonċernata taġixxi bħala leġiżlatur u meta aċċess iktar wiesa’ għal dokumenti għandu jiġi awtorizzat skont il-premessa 6 tal-imsemmi Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 156, 161)

    7. Peress li d-dritt għal aċċess għad-dokumenti mill-istituzzjonijiet jikkostitwixxi soluzzjoni li għandha tkun applikata bħala prinċipju, huwa eċċezzjonalment u biss meta l-piż amministrattiv ikkawżat mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti jirriżulta partikolarment tqil, li b’hekk jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ jiġi raġonevolment rikjest, li deroga għall-obbligu ta’ eżami tista’ tiġi ammessa.

    Barra minn hekk, l-oneru tal-prova dwar id-diffikultà tal-kompitu li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ aċċess għal dokumenti skont ir-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, jaqa’ fuq l-istituzzjoni li tibbaża ruħha fuq eċċezzjoni marbuta man-natura irraġonevoli ta’ dan il-kompitu.

    Meta l-istituzzjoni ressqet il-prova tan-natura irraġonevoli tal-oneru amministrattiv meħtieġ mill-eżami konkret u individwali tad-dokumenti msemmija fl-applikazzjoni, hija għandha l-obbligu li tipprova tiftiehem mal-applikant sabiex, minn naħa, issir taf jew titolbu jippreċiża l-interess tiegħu fil-kisba tad-dokumenti inkwistjoni u, min-naħa l-oħra, tqis b’mod konkret il-possibbiltajiet li għandha għall-adozzjoni ta’ miżura inqas restrittiva minn eżami konkret u individwali tad-dokumenti. L-istituzzjoni tibqa’ madankollu marbuta, f’dan il-kuntest, li tiffavorixxi l-għażla li, filwaqt li ma tkunx tinvolvi kompitu li jaqbeż il-limiti ta’ dak li jista’ raġonevolment jiġi rikjest, tkun l-iktar waħda favorevoli għad-dritt ta’ aċċess għall-applikant.

    Minn dan jirriżulta li l-istituzzjoni tista’ ma twettaqx eżami konkret u individwali biss wara li tkun verament studjat il-possibbiltajiet l-oħra kollha u wara li tkun spjegat b’mod dettaljat, fid-deċiżjoni tagħha, ir-raġunijiet li għalihom dawn id-diversi possibbiltajiet kienu jinvolvu, huma wkoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    Deċiżjoni tal-Kummissjoni, li tirrifjuta globalment kull aċċess parzjali lir-rikorrenti, tista’ tkun leġittima biss fil-każ li l-Kummissjoni tkun spjegat minn qabel, b’mod konkret, ir-raġunijiet li għalihom is-soluzzjonijiet alternattivi għal analiżi konkreta u individwali ta’ kull wieħed mid-dokumenti msemmija jikkostitwixxu, ukoll, volum ta’ xogħol irraġonevoli.

    (ara l-punti 170-174)

    8. Fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ aċċess għal dokumenti kif stabbilit fl-Artikolu 255 KE u fil-premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 1049/2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, l-interess pubbliku ikbar li jiġġustifika l-iżvelar għandu jkollu natura oġġettiva u ġenerali u ma jistax jitħawwad ma’ interessi individwali jew privati, pereżempju, bħal dawk fir-rigward ta’ tressiq ta’ rikors kontra l-istituzzjonijiet, peress li tali interessi individwali jew privati ma jikkostitwixxux element rilevanti fil-kuntest tal-ibbilanċjar tal-interessi previst mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) ta’ dan ir-regolament.

    Fil-fatt, skont l-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, il-benefiċjarji tad-dritt ta’ aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet huma kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika residenti jew bl-uffiċċju reġistrat fi Stat Membru. Minn dan jirriżulta li dan ir-regolament huwa intiż sabiex jiggarantixxi l-aċċess ta’ kulħadd għal dokumenti pubbliċi u mhux biss l-aċċess tal-applikant għal dokumenti li jikkonċernawh. Għaldaqstant, l-interess partikolari li jista’ jsostni l-applikant għall-aċċess għal dokumenti li jikkonċernawh personalment ma jistax ikun deċiżiv ġeneralment fil-kuntest kemm tal-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ interess pubbliku ikbar kif ukoll tal-evalwazzjoni tal-ibbilanċjar tal-interessi skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001.

    (ara l-punti 191, 192)

    Top