This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005TJ0041
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Preżunzjoni ta’ influwenza determinanti eżerċitata mill-kumpannija parent fuq is-sussidjarji miżmuma 100 % minnha
(Artikolu 81 KE)
2. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Ammont massimu — Kalkolu — Dħul mill-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2))
3. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Osservanza mill-Kummissjoni tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament
(Artikolu 81 KE)
4. Kompetizzjoni — Regoli Komunitarji — Ksur — Imputazzjoni — Kumpannija parent u sussidjarji — Unità ekonomika — Kriterji ta’ evalwazzjoni — Awtonomija tas-sussidjarja
(Artikolu 81 KE)
5. Rikors għal annullament — Motivi — Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni
(Artikoli 230 KE u 253 KE)
6. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Ċirkustanzi attenwanti
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, it-tielet inċiż tal-punt 3)
7. Kompetizzjoni — Multi — Ammont — Determinazzjoni — Kriterji — Natura dissważiva tal-multa
(Regolamenti tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2), u Nru 1/2003, Artikolu 23(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03)
1. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-aġir ta’ kumpannija sussidjarja jista’ jiġi imputat lill-kumpannija parent, b’mod partikolari meta l-kumpannija sussidjarja, għalkemm ikollha personalità ġuridika separata, ma tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq iżda essenzjalment tapplika l-istruzzjonijiet li tingħata mill-kumpannija parent, b’mod partikolari fid-dawl tar-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil dawn iż-żewġ entitajiet ġuridiċi.
Fil-fatt, f’tali sitwazzjoni, il-kumpannija parent u l-kumpannija sussidjarja tagħha jifformaw parti mill-istess unità ekonomika u, għaldaqstant, jifformaw impriża waħda. Għaldaqstant, ma hijiex rabta ta’ istigazzjoni fir-rigward tal-ksur bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u lanqas ma huwa, iktar u iktar, involviment tal-kumpannija parent fl-imsemmi ksur, iżda l-fatt li dawn jikkostitwixxu impriża waħda fis-sens tal-Artikolu 81 KE li jagħti lill-Kummissjoni s-setgħa li tindirizza d-deċiżjoni li timponi l-multi fuq il-kumpannija parent.
Il-Kummissjoni ma tistax sempliċement tikkonstata li l-kumpannija parent qiegħda f’pożizzjoni li teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tas-sussidjarja tagħha, iżda għandha wkoll tivverifika jekk din l-influwenza ġietx effettivament eżerċitata.
Fil-każ speċifiku fejn kumpannija parent iżżomm 100 % tal-kapital tal-kumpannija sussidjarja tagħha li wettqet ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni, minn naħa, din il-kumpannija parent tista’ teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir ta’ din il-kumpannija sussidjarja u, min-naħa l-oħra, teżisti preżunzjoni sempliċi li tgħid li l-imsemmija kumpannija parent effettivament teżerċita influwenza determinanti fuq l-aġir tal-kumpannija sussidjarja tagħha.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa biżżejjed li l-Kummissjoni tipprova li l-kapital kollu tas-sussidjarja huwa miżmum mill-kumpannija parent tagħha sabiex wieħed jippreżumi li din tal-aħħar teżerċita influwenza determinanti fuq il-politika kummerċjali ta’ din is-sussidjarja. Il-Kummissjoni tkun f’pożizzjoni, sussegwentement, li tikkunsidra lill-kumpannija parent bħala responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq sussidjarja tagħha, sakemm l-imsemmija kumpannija parent, li għandha l-oneru li tirribatti din il-preżunzjoni, ma tipproduċix provi suffiċjenti li jistgħu juru li s-sussidjarja tagħha taġixxi b’mod awtonomu fis-suq.
Il-preżunzjoni bbażata fuq iż-żamma tat-totalità ta’ kapital tista’ tapplika mhux biss fil-każ fejn teżisti relazzjoni diretta bejn il-kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha, iżda wkoll f’każijiet fejn din ir-relazzjoni hija indiretta, permezz ta’ sussidjarja intermedjarja.
(ara l-punti 92-96, 98)
2. Skont l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi, fuq l-impriżi li jkunu kisru l-Artikolu 81(1) KE, multi li ma jistgħux jaqbżu l-10 % tad-dħul mill-bejgħ miksub matul is-sena finanzjarja preċedenti minn kull waħda mill-impriżi li jkunu pparteċipaw fil-ksur. L-istess indikazzjoni tinsab fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.
Id-dħul mill-bejgħ imsemmi f’dawn id-dispożizzjonijiet jirreferi għad-dħul mill-bejgħ globali tal-impriża kkonċernata, jiġifieri l-impriża li fuqha tkun ġiet imposta l-multa u li, minħabba f’hekk, tkun ġiet iddikjarata responsabbli.
Fir-rigward tal-kunċett ta’ “sena finanzjarja preċedenti” li jinsab fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan għandu jinftiehem fis-sens li jirreferi għas-sena finanzjarja ta’ qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, ħlief f’sitwazzjonijiet partikolari fejn id-dħul mill-bejgħ ta’ din l-aħħar sena finanzjarja ma jkun jagħti ebda indikazzjoni utli dwar is-sitwazzjoni ekonomika reali tal-impriża kkonċernata u l-livell xieraq tal-multa li għandha tiġi imposta fuqha.
B’hekk, meta l-Kummissjoni tikkonkludi li teżisti entità ekonomika unika bejn kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha u, għalhekk, iżżomm lil din il-kumpannija parent responsabbli in solidum għall-ksur kif ukoll għall-ħlas tal-multa u tinkludiha fost id-destinatarji tad-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni tista’ wkoll tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ ikkonsolidat imwettaq mill-kumpannija parent matul is-sena preċedenti għal dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tagħha, sabiex tikkalkola l-limitu ta’ 10 % stabbilit fl-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003.
(ara l-punti 99-101, 165, 166)
3. Meta, f’kawża fejn jiddaħħal inkwistjoni ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni li jimplika diversi impriżi, il-Kummissjoni tadotta, f’kuntest stabbilit mill-ġurisprudenza, metodu partikolari sabiex tiddetermina jekk hemmx lok li jinżammu responsabbli kemm is-sussidjarji li wettqu materjalment dan il-ksur, kif ukoll il-kumpanniji parent tagħhom, hija għandha, ħlief f’ċirkustanzi speċifiċi, tibbaża ruħha għal dan il-għan fuq l-istess kriterji fil-każ ta’ dawn l-impriżi kollha. Il-Kummissjoni effettivament hija obbligata tosserva l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, li jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament ġustifikat.
(ara l-punt 123)
4. Fil-qasam tal-kompetizzjoni, l-awtonomija ta’ kumpannija sussidjarja fil-konfront tal-kumpannija parent tagħha ma għandhiex tiġi evalwata esklużivament fir-rigward tal-attività tagħha fil-qasam tal-prodotti kkonċernati mill-ksur. Sabiex jiġi stabbilit jekk sussidjarja tiddeterminax awtonomament l-aġir tagħha fis-suq, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi kollha rilevanti li jirrigwardaw ir-rabtiet ekonomiċi, organizzattivi u ġuridiċi li jgħaqqdu lil din is-sussidjarja mal-kumpannija parent, liema elementi jistgħu jvarjaw skont il-każ u għaldaqstant ma jistgħux jiġu elenkati b’mod eżawrjenti.
B’hekk, il-fatt li l-kumpannija parent qatt ma stabbilixxiet mekkaniżmu ta’ kontroll tal-attivitajiet tas-sussidjarja tagħha fil-qasam ikkonċernat mill-ksur ma huwiex suffiċjenti biex jistabbilixxi li din tal-aħħar kienet qiegħda taġixxi b’mod awtonomu fis-suq. L-istess jgħodd għan-nuqqas ta’ ordni jew struzzjoni mill-kumpannija parent lis-sussidjarja fir-rigward tal-politika ta’ xiri tagħha jew tal-laqgħat tagħha mal-membri l-oħra tal-akkordju.
(ara l-punti 158, 160)
5. Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, il-motiv ibbażat fuq xi nuqqas jew fuq insuffiċjenza ta’ motivazzjoni ta’ att jikkostitwixxi motiv ta’ ordni pubbliku li jista’, saħansitra għandu, jitqajjem ex officio mill-qorti tal-Unjoni u li, konsegwentement, jista’ jiġi invokat mill-partijiet f’kull stadju tal-proċedura.
(ara l-punt 170)
6. Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, il-waqfien tal-ksur mal-ewwel interventi tal-Kummissjoni jista’ loġikament ikun ċirkustanza attenwanti biss jekk jeżistu raġunijiet għalfejn jitqies li l-impriżi inkwistjoni ġew imħajra jwaqqfu l-aġir antikompetittiv tagħhom minħabba l-interventi inkwistjoni, peress li l-ksur li jkun diġà waqaf qabel id-data tal-ewwel interventi tal-Kummissjoni ma huwiex kopert mit-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) KEFA.
Anki jekk il-Kummissjoni tikkunsidra li l-ksur waqaf fl-istess jum meta hija għamlet l-ewwel verifiki tagħha, hija tkun totalment iġġustifikata li ma tikkunsidrax tali waqfien bħala ċirkustanza attenwanti. Effettivament, tnaqqis tal-multa minħabba t-tmiem ta’ ksur hekk kif tintervjeni l-Kummissjoni ma jistax ikun awtomatiku, iżda jiddependi fuq evalwazzjoni taċ-ċirkustanzi tal-każ minn din tal-aħħar, fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħha. F’dan ir-rigward, l-applikazzjoni tat-tielet inċiż tal-punt 3 tal-linji gwida favur impriża tkun partikolarment xierqa f’sitwazzjoni fejn in-natura antikompetittiva tal-aġir inkwistjoni ma tkunx manifesta. Bil-maqlub, l-applikazzjoni tiegħu tkun inqas adatta, fil-prinċipju, f’sitwazzjoni fejn l-aġir ikun b’mod ċar antikompetittiv, dejjem jekk dan ikun ġie stabbilit.
(ara l-punti 192, 194)
7. Fil-kuntest ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni tal-Unjoni, meta kumpannija parent u s-sussidjarja tagħha jkunu jifformaw entità unika matul is-sena preċedenti għal dik tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li timponi multa, il-Kummissjoni tista’ tapplika koeffiċjent multiplikatur għall-finijiet ta’ dissważjoni li jkun ibbażat fuq id-daqs u r-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata matul din is-sena.
Fil-fatt, it-teħid inkunsiderazzjoni tad-daqs u tar-riżorsi globali tal-impriża kkonċernata sabiex jiġi żgurat li l-multa jkollha effett dissważiv huwa spjegat mill-impatt imfittex fuq l-imsemmija impriża, peress li s-sanzjoni ma għandhiex tkun żgħira fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kapaċità finanzjarja tal-imsemmija impriża. B’hekk, sabiex tkun tista’ tiġi kkwantifikata n-natura dissważiva ta’ multa fir-rigward ta’ impriża ddikjarata responsabbli għal ksur, ma tistax tiġi kkunsidrata s-sitwazzjoni kif kienet teżisti fil-bidu tal-ksur. Tali teħid inkunsiderazzjoni jista’ jirriżulta f’multa li tkun baxxa wisq biex tkun dissważiva biżżejjed, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun żdied fil-frattemp, jew f’multa li tkun ogħla milli suppost biex tkun dissważiva, fl-ipoteżi fejn id-dħul mill-bejgħ tal-impriża kkonċernata jkun naqas fil-frattemp.
(ara l-punti 210, 211)