Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0387

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża C-387/05

    Il-Kummissjoni Ewropea

    vs

    Ir-Repubblika Taljana

    “Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu — Importazzjoni ta’ materjal ta’ użu doppju ċivili u militari eżenti mid-dazju”

    Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer, ippreżentati fl-10 ta’ Frar 2009   I ‐ 11834

    Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-15 ta’ Diċembru 2009   I ‐ 11835

    Sommarju tas-sentenza

    1. Dritt Komunitarju – Kamp ta’ applikazzjoni – Ineżistenza ta’ riżerva ġenerali li teskludi l-miżuri meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika

      (Artikoli 30 KE, 30 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE)

    2. Riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej – Konstatazzjoni u tqegħid għad-dispożizzjoni mill-Istati Membri – Importazzjoni minn Stat Membru ta’ materjal ta’ użu doppju ċivili u militari eżenti mid-dazju

      (Artikolu 26 KE; Regolamenti tal-Kunsill Nru 1552/89, kif emendat bir-Regolament Nru 1355/96, Artikoli 2, 9, 10 u 17, Nru 2913/92, Artikolu 20, u Nru 1150/2000, Artikoli 2, 9, 10 u 17)

    1.  Għalkemm huma l-Istati Membri li għandhom jistabbilixxu l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw is-sigurtà interna u esterna tagħhom, dan ma jfissirx madankollu li tali miżuri jaqgħu kompletament barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. It-Trattat jipprovdi derogi speċifiċi applikabbli f’każ ta’ sitwazzjonijiet li jistgħu jimminaw is-sigurtà pubblika biss fl Artikoli 30 KE, 39 KE, 46 KE, 58 KE, 64 KE, 296 KE u 297 KE, li jirrigwardaw sitwazzjonijiet eċċezzjonali li huma ddefiniti sew. Minn dan ma jistax jiġi dedott li teżisti riżerva ġenerali, inerenti fit-Trattat, li teskludi kull miżura meħuda għal raġunijiet ta’ sigurtà pubblika mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju. Ir-rikonoxximent tal-eżistenza ta’ riżerva bħal din, barra mill-kundizzjonijiet speċifiċi tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat, jista’ jippreġudika n-natura vinkolanti u l-applikazzjoni uniformi tad-dritt Komunitarju.

      Barra minn hekk, id-derogi previsti fl-Artikoli 296 KE u 297 KE għandhom, kif inhu l-każ għad-derogi mil-libertajiet fundamentali, jiġu interpretati b’mod strett. B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-Artikolu 296 KE, għalkemm dan l-artikolu jirreferi għal miżuri li Stat Membru jista’ jqis neċessarji għall-protezzjoni tal-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu jew tal-informazzjoni li t-tixrid tagħha jqisu bħala kuntrarju għal dawn l-interessi, huwa xorta waħda ma jistax jiġi interpretat b’mod li jikkonferixxi s-setgħa lill-Istati Membri sabiex jidderogaw mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat billi sempliċement jinvokaw l-imsemmija interessi. Konsegwentement, huwa l-Istat Membru li jinvoka l-benefiċċju tal-Artikolu 296 KE li għandu jagħti prova tal-ħtieġa li juża d-deroga stabbilita f’dan l-artikolu bil-għan li jipproteġi l-interessi vitali tas-sigurtà tiegħu.

      (ara l-punti 45-47, 49)

    2.  Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt, minn naħa, l-Artikolu 26 KE, l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 2913/92, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u, konsegwentement, it-tariffa doganali komuni u, min-naħa l-oħra taħt l-Artikoli 2, 9, 10 u 17(1) tar-Regolament Nru 1552/89, li jimplementa d-Deċiżjoni 88/376 dwar is-sistema ta’ riżorsi tal-Komunitajiet innifishom, kif emendat bir-Regolament Nruo1355/96, kif ukoll taħt l-istess artikoli tar-Regolament Nru 1150/2000, li jimplementa d-Deċiżjoni 94/728 dwar is-sistema tar-riżorsi tagħhom tal-Komunitajiet, Stat Membru li eżenta l-importazzjoni tal-materjal li jista’ jintuża kemm għal finijiet ċivili kif ukoll għal dawk militari mid-dazji doganali fil-perijodu mill-1 ta’ Jannar 1999 sal-31 ta’ Diċembru 2002 u li rrifjuta li jikkalkola, jiddikjara u jqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej ir-riżorsi proprji li ma nġabrux minħabba din l-eżenzjoni kif ukoll l-interessi moratorji dovuti minħabba n-nuqqas ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni ta’ dawn ir-riżorsi proprji fit-termini imposti.

      Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li Stat Membru jeċċepixxi ż-żieda fl-ispiża tal-materjal militari minħabba l-applikazzjoni tad-dazji doganali fuq l-importazzjonijiet ta’ tali materjal provenjenti minn Stati terzi sabiex jipprova jevita, b’detriment għall-Istati Membri l-oħra li, min-naħa tagħhom, jiġbru u jħallsu d-dazji doganali konnessi ma’ tali importazzjonijiet, l-obbligi li timponi fuqu s-solidarjetà finanzjarja fir-rigward tal-baġit Komunitarju. Din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar għall-importazzjoni ta’ materjal ta’ użu doppju ċivili u militari, milli jekk dan il-materjal ikunx ġie importat esklużivament jew le għal użu militari.

      (ara l-punti 50, 55, 61 u d-dispożittiv)

    Top