Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0341

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema magħmul fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Direttiva 96/71

    (Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 3(1) u(8))

    2. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Kollokament ta’ ħaddiema magħmul fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi — Direttiva 96/71

    (Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 3)

    3. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Drittijiet fundamentali — Dritt li jsiru azzjonijiet kollettivi

    (Artikolu 49 KE)

    4. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet

    (Artikolu 49 KE; Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, Artikolu 3(1))

    5. Libertà li jiġu pprovduti servizzi — Restrizzjonijiet

    (Artikoli 49 KE u 50 KE)

    Summary

    1. Stat Membru li fih ir-rati ta’ paga minima ma jiġux determinati permezz ta’ waħda mill-possibbiltajiet li jipprovdi l-Artikolu 3(1) u (8) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, m’għandux id-dritt li jimponi, bis-saħħa ta’ din id-direttiva, fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra, fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, negozjati każ b’każ, fuq il-post tax-xogħol, billi jittieħdu in kunsiderazzjoni l-kwalifiki u l-kompetenzi ta’ l-impjegati, sabiex jaċċertaw ruħhom dwar il-paga li huma għandhom iħallsu lill-impjegati kkollokati tagħhom.

    (ara l-punt 71)

    2. L-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru ospitanti jissuġġetta t-twettiq ta’ provvista ta’ servizzi fit-territorju tiegħu għall-osservanza tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg lil hinn mir-regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima.

    Fil-fatt, fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1), id-Direttiva 96/71 tipprovdi espliċitament il-livell ta’ protezzjoni li fir-rigward tiegħu l-Istat Membru ospitanti għandu d-dritt jimponi r-rispett fuq l-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra favur il-ħaddiema tagħhom ikkollokati fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru ospitanti. Għalhekk, u bla ħsara għall-possibbiltà għall-impriżi stabbiliti fi Stati Membri oħra li jaderixxu volontarjament fl-Istat Membru ospitanti, b’mod partikolari fil-kuntest ta’ impenn meħud lejn il-persunal tagħhom stess ikkollokat, għal ftehim kollettiv ta’ xogħol eventwalment iktar favorevoli, il-livell ta’ protezzjoni li għandu jiġi ggarantit lill-ħaddiema kkollokati fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti huwa limitat, bħala prinċipju, għal dak previst taħt l-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 96/71, sakemm l-imsemmija ħaddiema ma jgawdux diġà, b’applikazzjoni tal-liġi jew tal-ftehim kollettivi fl-Istat Membru ta’ oriġini, minn kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iktar favorevoli fir-rigward tal-kwistjonijiet imsemmija minn din id-dispożizzjoni.

    (ara l-punti 80, 81)

    3. Jekk id-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva kien irrikonoxxut bħala dritt fundamentali li jifforma parti sħiħa mill-prinċipji ġenerali tad-dritt Komunitarju li tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja tiżgura r-rispett, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżerċizzju ta’ dan id-dritt jista’ jkun suġġett għal ċerti restrizzjonijiet. Fil-fatt, kif isostni mill-ġdid l-Artikolu 28 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali ta’ l-Unjoni Ewropea, dan id-dritt huwa protett skond id-dritt Komunitarju kif ukoll skond il-liġijiet u l-prattiċi nazzjonali.

    Minkejja li l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tikkostitwixxi interess leġittimu ta’ natura li tiġġustifika, bħala prinċipju, restrizzjoni ta’ l-obbligi imposti mid-dritt Komunitarju, anki fid-dawl ta’ libertà fundamentali ggarantita mit-Trattat, l-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet fundamentali in kwistjoni, ma jaħrabx mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u għandu jsir fid-dawl tal-bżonnijiet relatati mad-drittijiet protetti mill-imsemmi Trattat u għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

    B’hekk in-natura fundamentali li tintrabat mad-dritt li titmexxa azzjoni kollettiva mhijiex tali li teskludi azzjoni ta’ dan it-tip, immexxija kontra impriża stabbilita fi Stat Membru ieħor, li tikkolloka ħaddiema fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt Komunitarju.

    (ara l-punti 91, 93-95)

    4. L-Artikoli 49 KE u 3 tad-Direttiva 96/71, dwar l-impjieg ta’ ħaddiema fil-qafas ta’ prestazzjoni [provvista] ta’ servizzi, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jmorru kontra li, fi Stat Membru li fih il-kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li jikkonċernaw suġġetti msemmija fl-ewwel paragrafu (a) sa (g) ta’ l-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva jinsabu taħt dispożizzjonijiet leġiżlattivi, bl-eċċezzjoni tar-rati ta’ paga minima, organizzazzjoni sindakali tista’ tipprova ġġiegħel, b’azzjoni kollettiva fil-forma ta’ imblokk ta’ siti ta’ kostruzzjoni, fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor jibda’ negozjati magħha fuq ir-rati ta’ paga li għandhom jitħallsu lill-ħaddiema kkollokati kif ukoll jaderixxi għal ftehim kollettiv li l-klawżoli tiegħu jistabbilixxu, għal uħud mill-imsemmija suġġetti, kundizzjonijiet iktar favorevoli minn dawk li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet leġiżlattivi rilevanti, filwaqt li klawżoli oħra jikkonċernaw suġġetti li ma jissemmewx fl-Artikolu 3 ta’ l-imsemmija direttiva.

    Fil-fatt, id-dritt ta’ l-organizzazzjonijiet sindakali ta’ Stat Membru li jmexxu dawn l-azzjonijiet kollettivi, jista’ jagħmel inqas attraenti, jew saħansitra iktar diffiċli, għal ċertu impriżi l-provvista ta’ servizzi fuq it-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti u jikkostitwixxi, minħabba f’hekk, restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE. Din ir-restrizzjoni ma tistax tkun iġġustifikata fid-dawl ta’ l-għan tal-protezzjoni tal-ħaddiema, li għaliha huwa dovut, bħala prinċipju, imblokk imniedi minn organizzazzjoni sindakali ta’ l-Istat Membru ospitanti intiż li jiggarantixxi, lill-ħaddiema kkollokati fil-kuntest ta’ provvista ta’ servizzi transnazzjonali, kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg iffissati għal ċertu livell, meta min iħaddem dawn il-ħaddiema huwa, bl-effett tal-koordinazzjoni mwettqa mid-Direttiva 96/71, marbut li josserva nukleu ta’ regoli imperattivi ta’ protezzjoni minima fl-Istat Membru ospitanti. Bl-istess mod, dan il-għan ma jistax jiġġustifika n-negozjati fuq il-pagi li l-organizzazzjonijiet sindakali jippretendu li jimponu fuq l-impriżi stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jikkollokaw temporanjament ħaddiema fit-territorju ta’ l-Istat Membru ospitanti, meta dawn in-negozjati jidħlu f’kuntest nazzjonali kkaratterizzat min-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet li jkunu suffiċjentement preċiżi u aċċessibbli biex, fil-prattika, ma jirrendux impossibbli jew eċċessivament diffiċli d-determinazzjoni, mit-tali impriża, ta’ l-obbligi li hija għandha tirrispetta fir-rigward tal-paga minima.

    (ara l-punti 99, 107-111 u d-dispożittiv 1)

    5. L-Artikoli 49 KE u 50 KE jipprekludu li, fi Stat Membru, il-projbizzjoni magħmula lill-organizzazzjonijiet sindakali milli jniedu azzjoni kollettiva bil-għan li jħassru jew jemendaw ftehim kollettiv konkluż minn terzi persuni jkun suġġett għall-fatt li l-azzjoni tirrigwarda kundizzjonijiet tax-xogħol u ta’ impjieg li għalihom il-liġi nazzjonali tkun applikabbli direttament. Fil-fatt, din il-projbizzjoni toħloq diskriminazzjoni kontra impriżi li jikkollokaw ħaddiema fl-Istat Membru ospitanti, safejn din ma tieħux ftehim kollettivi in kunsiderazzjoni, ikun liema jkun il-kontenut tagħhom, li għalihom dawn l-impriżi huma diġà suġġetti fl-Istat Membru li fih huma stabbiliti, u tapplika fil-konfronti tagħhom l-istess trattament bħal dak riżervat għall-impriżi nazzjonali li ma kkonkludewx ftehim kollettiv. Din id-diskriminazzjoni ma tista’ tiġi ġġustifikata la mill-għan li jiġi permess lill-organizzazzjonijiet sindakali jaġixxu sabiex kull min iħaddem li hu preżenti fis-suq tax-xogħol nazzjonali japplika pagi u kundizzjonijiet oħra tax-xogħol li jikkorrispondu ma’ dawk normalment mogħtija f’dan l-Istat Membru, u lanqas minn dak li jinħolqu l-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni leali, bl-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni, bejn min iħaddem nazzjonali u imprendituri li jiġu minn Stati Membri oħra. Dawn il-kunsiderazzjonijiet ma jikkonċernawx fil-fatt raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika u ta’ saħħa pubblika, fis-sens ta’l-Artikolu 46 KE applikat flimkien ma’ l-Artikolu 55 KE.

    (ara l-punti 116, 118-120 u d-dispożittiv)

    Top