EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0303

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali

(Artikoli 34(2)(b) UE u 35(1) UE)

2. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali — Approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja

(Artikolu 34(2) UE; Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 31(1))

3. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali — Deċiżjoni qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

(Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584, Artikoli 1(3) u 2(2))

4. Unjoni Ewropea — Kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija f’materji kriminali — Deċiżjoni qafas fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri

(Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584, Artikolu 2(2))

Summary

1. Skond l-Artikolu 35(1) UE, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha l-kompetenza, salv għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu, li tagħti deċiżjonijiet preliminari dwar l-interpretazzjoni u l-validità b’mod partikolari ta’ deċiżjonijiet qafas, li jimplika li hija tista’, anki fin-nuqqas ta’ kompetenza espliċita għal dan il-għan, tinterpreta dispożizzjonijiet tad-dritt primarju bħall-Artikolu 34(2)(b) UE, meta hija tintalab tevalwa jekk id-deċiżjoni qafas tkunx ġiet adottata korrettament fuq il-bażi ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

(ara l-punt 18)

2. Id-Deċiżjoni Qafas 2002/584/JHA fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, li tipprovdi għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamentari ta’ l-Istati Membri fil-qasam tal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u, aktar speċifikament, tar-regoli li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet, il-proċeduri u l-effetti tal-konsenja bejn l-awtoritajiet nazzjonali ta’ persuni li kontrihom ingħatat sentenza jew li huma ssuspettati għall-iskopijiet ta’ eżekuzzjoni jew ta’ prosekuzzjoni, ma kinitx ġiet adottata bi ksur ta’ l-Artikolu 34(2) (b) UE.

Fil-fatt, l-Artikolu 34(2) UE, in kwantu jelenka u jiddefinixxi, f’termini ġenerali, it-tipi differenti ta’ strumenti legali li jistgħu jintużaw sabiex jitwettqu l-għanijiet ta’ l-Unjoni kif jingħad fit-Titolu VI tat-Trattat UE, ma jistax jiġi interpretat bħala li jeskludi li l-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet leġiżlattivi u regolamenti ta’ l-Istati Membri permezz ta’ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni qafas skond il-paragrafu 2(b) tkun tista’ tirrigwarda oqsma oħra barra dawk imsemmija fl-Artikolu 31(1)(e) UE, u b’mod partikolari, il-materja tal-mandat ta’ arrest Ewropew.

Minbarra dan, l-Artikolu 34(2) UE lanqas ma jistabbilixxi ordni ta’ prijorità bejn l-istrumenti differenti li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni. Jekk huwa veru li l-mandat ta’ arrest Ewropew seta’ wkoll ikun is-suġġett ta’ konvenzjoni, huwa fid-diskrezzjoni tal-Kunsill li jippreferi l-istrument legali tad-deċiżjoni qafas, kemm-il darba l-kundizzjonijiet ta’ adozzjoni ta’ tali att ikunu ssodisfati.

Din il-konklużjoni mhijiex invalidata mill-fatt li, skond l-Artikolu 31(1) tad-Deċiżjoni Qafas, mill-1 ta’ Jannar 2004 din tissostitwixxi, fir-relazzjonijiet bejn l-Istati Membri biss, dispożizzjonijiet korrispondenti ta’ konvenzjonijiet preċedenti dwar l-estradizzjoni li huma elenkati f’din id-dispożizzjoni. Kull interpretazzjoni oħra, li ma ssibx sostenn la fl-Artikolu 34(2) UE u lanqas f’xi dispożizzjoni oħra tat-Trattat tirriskja li essenzjalment iċċaħħad il-fakultà tal-Kunsill li jadotta deċiżjonijiet qafas fl-oqsma rregolati aktar ’il quddiem minn konvenzjonijiet internazzjonali mill-effettività tagħha.

(ara l-punti 28-29, 37-38, 41-43)

3. Il-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni ( nullum crimen, nulla poena sine lege ), li jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt, jinsab fil-bażi tat-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, kien ukoll ġie inkorporat f’diversi trattati internazzjonali, b’mod partikolari fl-Artikolu 7(1) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem. Dan il-prinċipju jimplika li l-liġi għandha tiddefinixxi b’mod ċar ir-reati u l-pieni għalihom. Din il-kundizzjoni tiġi ssodisfatta meta l-individwu jkun jista’ jkun jaf, mill-kliem tad-dispożizzjoni rilevanti u bl-għajnuna ta’ l-interpretazzjoni li tkun ingħatat mill-qrati, liema atti u omissjonijiet jagħtu lok għar-responsabbilità kriminali tiegħu.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Kwadru 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, in kwantu jneħħi l-verifika ta’ kriminalità doppja għar-reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, mhuwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ legalità tar-reati u tal-pieni. Fil-fatt, id-deċiżjoni qafas mhijiex intiża li tarmonizza r-reati kriminali in kwistjoni fir-rigward ta’ l-elementi kostituttivi tagħhom u tal-pieni li huma suġġetti għalihom. Għalkemm l-Artikolu 2(2) tad-deċiżjoni qafas ineħħi l-verifika ta’ kriminalità doppja għall-kategoriji ta’ reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, id-definizzjoni tagħhom u tal-pieni applikabbli tkompli taqa’ taħt il-kompentenza tad-dritt ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-mandat, li, kif barra minn hekk huwa stipulat fl-Artikolu 1(3) ta’ din l-istess deċiżjoni qafas, għandu jirrispetta d-drittijiet fundamentali u l-prinċipji legali fundamentali kif huma stabbiliti fl-Artikolu 6 UE u, konsegwentement, il-prinċipju tal-legalità tar-reati u tal-pieni.

(ara l-punti 49-50, 52-54)

4. L-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas 2002/584, fuq il-mandat ta’ arrest Ewropew u l-proċeduri ta’ konsenja bejn l-Istati Membri, in kwantu jneħħi l-verifika tal-ħtieġa ta’ kriminalità doppja għar-reati msemmija f’din id-dispożizzjoni, mhuwiex invalidu minħabba ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza u ta’ non diskriminazzjoni.

Fir-rigward, minn naħa, ta’ l-għażla tat-32 kategorija ta’ reati elenkati f’din id-dispożizzjoni, il-Kunsill seta’ jikkunsidra, fuq il-bażi tal-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku u fid-dawl tal-grad għoli ta’ fiduċja u ta’ solidarjetà bejn l-Istati Membri li, kemm minħabba n-natura tagħhom stess, jew minħabba l-piena massima ta’ mhux inqas minn tliet snin, il-kategoriji ta’ reati kkonċernati jagħmlu parti minn dawk li l-gravità tal-ħsara għall-ordni u għas-sigurtà pubblika jiġġustifikaw li l-verifika ta’ kriminalità doppja ma tkunx mitluba. Għaldaqstant, anki jekk wieħed jippreżupponi li s-sitwazzjoni ta’ persuni ssuspettati li wettqu reati li jagħmlu parti mil-lista li tinsab fl-Artikolu 2(2) tad-Deċiżjoni Qafas, jew ikkundannati talli wettqu dawn ir-reati tiġi mqabbla ma’ dik ta’ persuni ssuspettati li wettqu jew ġew ikkundannati li wettqu reati ’il barra minn dawk elenkati f’din id-dispożizzjoni, id-distinzjoni hija, f’kull każ, oġġettivament iġġustifikata.

Għal dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, il-fatt li n-nuqqas ta’ preċiżjoni fid-definizzjoni tal-kategoriji ta’ reati in kwistjoni jirriskja li jwassal għal implementazzjoni diverġenti tad-deċiżjoni qafas fis-sistemi legali nazzjonali differenti, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-għan tagħha mhuwiex li tarmonizza l-liġi kriminali materjali ta’ l-Istati Membri u li ebda dispożizzjoni tat-Titolu VI tat-Trattat UE ma tissuġġetta l-applikazzjoni tal-mandat ta’ arrest Ewropew għall-armonizzazzjoni tal-liġijiet kriminali ta’ l-Istati Membri fil-qasam tar-reati kkonċernati.

(ara l-punti 57-60)

Top