This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 62005CJ0297
Sommarju tas-sentenza
Sommarju tas-sentenza
1. Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti — Kunċett
(Artikolu 28 KE; Direttiva tal-Kunsill 1999/37, Artikoli 2(b), u 4)
2. Moviment liberu tal-merkanzija — Restrizzjonijiet kwantitattivi — Miżuri li għandhom effett ekwivalenti
(Artikoli 28 KE u 30 KE)
1. Ma tostakolax, b’mod dirett jew indirett, realment jew potenzjalment, il-kummerċ intrakomunitarju, leġiżlazzjoni nazzjonali li teżiġi, qabel ma tiġi rreġistrata vettura, li din tiġi identifikata, u skond liema, skond l-Artikoli 2(b) u 4 tad-Direttiva 1999/37, din l-identifikazzjoni hija mwettqa, f’każ ta’ importazzjoni ta’ vettura li preċedentement kienet ġiet irreġistrata fi Stat Membru ieħor, permezz ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ minnu, u li tinkludi l-ħtieġa li l-vettura tiġi ppreżentata għal testing, li jippermetti li jiġi vverifikat jekk il-vettura hijiex effettivament preżenti fit-territorju ta’ l-Istat Membru ta’ importazzjoni u tikkorrispondix ma’ l-informazzjoni mniżżla fiċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni maħruġ mill-Istat Membru l-ieħor. Fil-fatt, f’każ fejn din il-proċedura tikkonsisti f’sempliċi formalità amministrattiva li ma tintroduċi l-ebda testijiet supplementari, iżda hija parti mit-trattament stess ta’ l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kif ukoll riżultat tal-proċedura relatata magħha, il-metodi tat-testing ma jistgħux ikollhom effett dissważiv fuq l-importazzjoni ta’ vettura f’dan l-Istat Membru jew li jagħmlu importazzjoni bħal din inqas interessanti.
(ara l-punti 53-55, 58, 63)
2. Jonqos milli jwettaq l-obbligi tiegħu skond l-Artikoli 28 KE u 30 KE, Stat Membru li jissottoponi, b’mod ġenerali u sistematiku, il-vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stati Membri oħra, għal testing ta’ l-istat fiżiku tagħhom qabel ir-reġistrazzjoni tagħhom f’dan l-Istat Membru, mingħajr rikonoxximent tar-riżultati ta’ eventwali testijiet dwar il-kundizzjoni tajba għas-sewqan diġà mwettqa fi Stati Membri oħra. Fil-fatt, tali testing, li jista’ jiddiswadi ċerti persuni interessati milli jimpurtaw fl-Istat Membru kkonċernat vetturi li għandhom aktar minn tliet snin li preċedentement kienu ġew irreġistrati fi Stati Membri oħra, ma jistax jiġi ġġustifikat għar-raġuni li jiggarantixxi s-sigurtà fit-toroq u l-protezzjoni ta’ l-ambjent, peress illi l-Istat Membru kkonċernat ma jurix b’mod konkret in-natura proporzjonata, fir-rigward ta’ l-għan imsegwi, tar-restrizzjoni għall-moviment liberu tal-merkanzija in kwistjoni.
(ara l-punti 73-74, 77-78, 80 u d-dispożittiv)