Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0252

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kunċett ta’ skart

    (Direttiva tal-Kunsill 75/442, kif emendata mid-Direttiva 91/156, Artikoli 1(a) u 2(1)(b)(iv))

    2. Ambjent – Skart – Direttiva 75/442 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttivi tal-Kunsill 75/442, kif emendata mid-Direttiva 91/156, Artikoli 2(1)(b), 4, 8, u 15, u 91/271)

    3. Ambjent – Trattament ta’ l-ilma urban residwu – Direttiva 91/271 – Kamp ta’ applikazzjoni

    (Direttivi tal-Kunsill 75/442, kif emendata mid-Direttiva 91/156, Artikolu 2(2), u 91/271)

    Summary

    1. L-ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ trattament ta’ l-ilma mormi mħaddma minn impriża pubblika ta’ trattament ta’ l-ilma mormi skond id-Direttiva 91/271, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi, u tal-liġi ppromulgata għall-implementazzjoni tagħha jikkwalifika bħala skart skond id-Direttiva 75/442, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva 91/156.

    Fil-fatt, mill-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva 75/442 jirriżulta li l-leġiżlatur Komunitarju ried jikkwalifika espressament l-ilma mormi bħala “skart” fis-sens ta’ din id-Direttiva, filwaqt li jipprovdi li dan l-iskart jista’, taħt ċerti kundizzjonijiet, joħroġ mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha u, konsegwentement, mis-sistema ġuridika ġenerali ta’ skart li din tistabbilixxi.

    Konsegwentement, il-fatt li l-ilma mormi joħroġ minn sistema ta’ trattament ma jaffettwax in-natura tiegħu ta’ “skart” fis-sens ta’ l-imsemmija direttiva. Fil-fatt, il-ħruġ ta’ ilma mormi barra minn sistema ta’ trattament jikkostitwixxi fatt li permezz tiegħu l-impriża ta’ trattament, detentriċi ta’ dan l-ilma, “tarmi” dan l-ilma. In-natura aċċidentali ta’ dan il-ħruġ ma jwassalx għal konklużjoni differenti.

    (ara l-punti 26, 28-29, disp. 1)

    2. L-Artikolu 2(1)(b)(iv) tad-Direttiva 75/442, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva 91/156, jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu l-ilma mormi, bl-eċċezzjoni ta’ l-iskart likwidu, madankollu bil-kundizzjoni li dan l-ilma mormi jkun kopert minn “liġi oħra”. Dan il-kliem jista’ wkoll jirreferi għal liġi nazzjonali. Madankollu, sabiex ikunu jistgħu jitqiesu bħala “liġi oħra”, ir-regoli Komunitarji jew nazzjonali in kwistjoni għandhom jinkludu dispożizzjonijiet preċiżi li jirregolaw l-amministrazzjoni ta’ l-iskart u għandhom jassiguraw livell ta’ protezzjoni li huwa mill-inqas ekwivalenti għal dak stabbilit minn din id-Direttiva, u b’mod iktar partikolari, mill-Artikoli 4, 8 u 15 tagħha.

    Id-Direttiva 91/271, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi, ma tiggarantixxix tali livell ta’ protezzjoni. Għaldaqstant, din mhijiex “liġi oħra”, fis-sens ta’ l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 75/442. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, skond il-kriterji stabbiliti iktar ’il fuq, jekk il-liġi nazzjonali tistax titqies bħala waħda li tikkostitwixxi “liġi oħra” fis-sens ta’ l-Artikolu msemmi. Dan ikun il-każ jekk din il-liġi nazzjonali tinkludi dispożizzjonijiet preċiżi li jorganizzaw l-amministrazzjoni ta’ l-iskart in kwistjoni u jekk din tkunx tali li tassigura protezzjoni ta’ l-ambjent li hija ekwivalenti għal dik iggarantita mid-Direttiva 75/442, u b’mod aktar partikolari, mill-Artikoli 4, 8 u 15 tagħha.

    (ara l-punti 31-32, 34-35, 38, disp. 2)

    3. Id-Direttiva 91/271, dwar it-trattament ta’ l-ilma urban mormi, li ma tinkludi l-ebda dispożizzjoni li tirrigwarda, bħala tali, l-ilma mormi li joħroġ minn sistema ta’ trattament, ma tistax titqies, fir-rigward ta’ l-amministrazzjoni ta’ dan l-ilma, li hija liġi speċjali meta mqabbla mad-Direttiva 75/442, dwar l-iskart, kif emendata mid-Direttiva 91/156, u b’hekk ma tistax tiġi applikata bis-saħħa ta’ l-Artikolu 2(2) ta’ din id-Direttiva.

    (ara l-punti 40-41, disp. 3)

    Top