Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62005CJ0141

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Proċedura — Intervent — Eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mhux imqajma mill-konvenut

    (Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 93(4))

    2. Dritt Komunitarju — Prinċipji — Trattament ugwali — Diskriminazzjoni minħabba ċ-ċittadinanza

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1985; Regolament tal-Kunsill Nru 27/2005)

    3. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fil-Komunitajiet — Spanja — Sajd

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-1985, Artikoli 156 sa 164; Regolament tal-Kunsill Nru 27/2005)

    4. Sajd — Konservazzjoni tar-riżorsi tal-baħar — Skema ta’ kwoti tas-sajd

    (Regolament tal-Kunsill Nru 2371/2002, Artikolu 20)

    Summary

    1. Skond ir-raba’ subparagrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet tar-rikors għal intervent jistgħu jsostnu biss it-talbiet ta’ waħda mill-partijiet. Barra minn hekk, skond l-Artikolu 93(4) tar-Regoli tal-Proċedura, l-intervenjent jidħol fil-kawża in statu et terminis . Għaldaqstant ma jistax iqajjem eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà li ma tkunx ġiet ifformulata fit-talbiet tal-konvenuta.

    (ara l-punti 27-28)

    2. Billi fir-Regolament Nru 27/2005, li jistabbilixxi, għas-sena 2005, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ qbid, il-Kunsill ma ttrattax lir-Renju ta’ Spanja bl-istess mod bħall-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali tal-kwoti ta’ sajd, qabel l-adeżjoni ta’ l-imsemmi Stat Membru mal-Komunità, jew fl-allokazzjonijiet sussegwenti, matul il-perijodu tranżitorju, il-Kunsill m’aġixxiex b’mod diskriminatorju fil-konfront tiegħu.

    Fil-fatt, għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ aċċess għall-ibħra u dak ta’ aċċess għar-riżorsi. Għalkemm, wara li jintemm il-perijodu tranżitorju, ir-Renju ta’ Spanja jista’ jaċċedi mill-ġdid għall-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar Baltiku, minn dan ma jirriżultax li l-bastimenti Spanjoli jista’ jkollhom aċċess għar-riżorsi ta’ dawn iż-żewġ ibħra fl-istess proporzjon bħall-bastimenti ta’ l-Istati Membri li pparteċipaw fl-allokazzjoni inizjali jew f’allokazzjonijiet sussegwenti.

    (ara l-punti 47, 51)

    3. Billi m’allokax ċerti kwoti ta’ sajd fil-Baħar tat-Tramuntana u fil-Baħar Baltiku lir-Renju ta’ Spanja taħt ir-Regolament Nru 27/2005, li jistabbilixxi, għas-sena 2005, l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kundizzjonijiet marbuta magħhom għal ċerti ħażniet ta’ ħut u gruppi ta’ ħażniet ta’ ħut, applikabbli fl-ibħra tal-Komunità u, fir-rigward tal-bastimenti tal-Komunità, fl-ibħra suġġetti għal limitazzjonijiet ta’ qbid, il-Kunsill ma marx kontra l-Att ta’ Adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża. L-Artikoli 156 sa 164 ta’ l-imsemmi att jiddefinixxu s-sistema applikabbli fis-settur tas-sajd għall-perijodu tranżitorju biss. Għalhekk dawn l-Artikoli ma jistgħux, bħala regola, iservu ta’ bażi għal pretensjonijiet li jirrigwardaw perijodu li jibda f’data li tiġi wara li jispiċċa l-perijodu tranżitorju. Meta jintemm il-perijodu tranżitorju japplika għaldaqstant l-acquis commanautaire li jinkludi l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat bil-leġiżlazzjoni eżistenti fil-mument ta’ l-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja.

    (ara l-punti 59, 61, 63)

    4. L-eżiġenza ta’ stabbilità relattiva ta’ l-allokazzjoni ta’ opportunitajiet ta’ sajd bejn l-Istati Membri, imposta mill-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 2371/2002, dwar il-konservazzjoni u l-isfruttar sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd skond il-Politika Komuni dwar is-Sajd, għandha tinftiehem li tfisser iż-żamma ta’ perċentwali fissa għal kull Stat Membru u l-kriterju ta’ allokazzjoni ffissat inizjalment jibqa’ japplika sakemm ma jiġix adottat regolament li jemendah. Safejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ stabbiltà relattiva għall-opportunitajiet ta’ sajd eżistenti tagħti lok għaż-żamma ta’ kriterju ta’ allokazzjoni diġà ffissat bejn l-Istati Membri, l-iffissar ta’ kriterju inizjali ta’ allokazzjoni bejn l-Istati Membri jimplika l-attribuzzjoni ta’ opportunitajiet ġodda ta’ sajd u allokazzjoni li tieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom. Il-kunċett ta’ interess jista’ jinkludi l-bżonn li tiġi ppreżervata l-istabbiltà relattiva ta’ l-attivitajiet ta’ sajd, iżda mhuwiex limitat għal dan il-bżonn. Għalhekk, ladarba kriterju inizjali ta’ allokazzjoni huwa ffissat għal kull Stat Membru, b’mod partikolari wara li dawn ikunu eżerċitaw id-dritt tagħhom li jistadu f’żona u għal speċi li fir-rigward tagħhom il-Komunità kellha kwota globali, il-Kunsill jiddeċiedi billi jieħu in kunsiderazzjoni l-interess ta’ kull wieħed minnhom, skond id-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 2371/2002. Peress li, bħala fatt, l-ebda kriterju ta’ allokazzjoni ma jista’ jiġi mantnut f’każ bħal dan, m’hemmx għalfejn jiġu applikati d-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament.

    (ara l-punti 85-88)

    Top