Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004TJ0495

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-495/04

Belfass SPRL

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Żball materjali manifest — Għoti lill-iktar offerta vantaġġuża ekonomikament — Offerta anormalment baxxa — Artikolu 139(1) tar-Regolament (KE, Euratom) Nru 2342/2002 — Eċċezzjoni ta’ illegalità — Speċifikazzjonijiet — Ammissibbiltà”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla) tal-21 ta’ Mejju 2008   II - 784

Sommarju tas-sentenza

  1. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej – Proċedura ta’ sejħa għal offerti

    (Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE u Artikolu 241 KE)

  2. Proċedura – Preżentazzjoni ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 44(1)(ċ) u 48(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 139(1))

  3. Kuntratti pubbliċi tal-Komunitajiet Ewropej – Konklużjoni ta’ kuntratt wara sejħa għal offerti

    (Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikoli 138(2) u 139(1))

  4. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

  1.  Peress li, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma jikkonċernawx individwalment l-impriżi offerenti, li m’għandhomx għaldaqstant id-dritt li jippreżentaw rikors għal annullament, taħt ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 230 KE, kontra dawn l-ispeċifikazzjonijiet, il-Kunsill ma jistax jeċċepixxi n-natura allegatament kontestabbli tal-imsemmija speċifikazzjonijiet minn waħda mill-impriżi offerenti sabiex jopponi l-kontestazzjoni, minn din tal-aħħar, fil-kuntest tar-rikors preżenti, b’mod inċidentali, tal-legalità ta’ dan id-dokument, fil-każ fejn ir-rikors għal annullament tad-deċiżjoni jeskludiha mill-kuntratt inkwistjoni.

    (ara l-punt 44)

  2.  Mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 44(1)(ċ) u tal-Artikolu 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li r-rikors promotur għandu jinkludi s-suġġett tal-kawża u s-sunt tal-motivi invokati u li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul il-kawża sakemm dawn il-motivi ma jkunux ibbażati fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt li joħorġu matul il-proċedura. Madankollu, motiv li jikkostitwixxi amplifikazzjoni ta’ motiv imsemmi preċedentement, direttament jew impliċitament, fir-rikors promotur u li għandu rabta stretta miegħu għandu jiġi ddikjarat ammissibbli.

    Dan huwa l-każ fir-rigward ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, li jipprovdi li, fil-kuntest tal-proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tal-Komunitajiet Ewropej, l-awtorità kontraenti għandha l-obbligu li tippermetti lill-offerent jagħti spjegazzjonijiet, jew saħansitra jiġġustifika l-elementi kostituttivi tal-offerta tiegħu, qabel ma din tiġi miċħuda, jekk hija tqis li offerta hija anormalment baxxa, motiv imqajjem b’mod espliċitu mir-rikorrenti biss fl-istadju tar-replika, ladarba, fl-istadju tar-rikors din ir-rikorrenti akkużat b’mod espliċitu lill-Kunsill li eskluda l-offerta tagħha mingħajr eżami ieħor, u dan minħabba n-natura anormalment baxxa tagħha.

    (ara l-punti 87-90)

  3.  L-Artikolu 139(1) tar-Regolament Nru 2342/2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Finanzjarju, jistabbilixxi rekwiżit fundamentali fir-rigward tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi, li jimponi fuq l-awtorità kontraenti l-obbligu li tivverifika, b’mod kontradittorju, qabel ma tirrifjutaha, kull offerta li tkun ta’ natura anormalment baxxa, u dan fid-dawl tal-elementi li jikkostitwixxuha.

    Peress li l-kuntratt jingħata lill-offerta bl-aħjar valur għall-flus, dan ir-rekwiżit japplika mhux biss għall-kriterju tal-prezz tal-offerta eżaminata, iżda wkoll għall-kriterji l-oħrajn previsti fl-Artikolu 138(2) tar-Regolament Nru 2342/2002, safejn dawn jippermettu li jiġi stabbilit limitu ta’ anomalija sabiex offerta ta’ ammont iżgħar ippreżentata fil-kuntest tal-kuntratt in kwistjoni tiġi ssuspettata li hija anormalment baxxa, fis-sens tal-Artikolu 139(1) tal-imsemmi regolament.

    Għaldaqstant, billi rrifjuta, fil-kuntest ta’ proċedura għall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi bl-għoti lill-offerta bl-aħjar valur għall-flus, l-offerta tal-impriża offerenti sempliċement minħabba n-natura eċċessivament baxxa tan-numru totali ta’ sigħat elenkati f’din l-offerta mingħajr ma pproċeda għall-ebda verifika kontradittorja, fid-dawl tal-Artikolu 139(1), tal-imsemmija offerta qabel l-eliminazzjoni awtomatika tagħha, il-Kunsill kiser l-imsemmija dispożizzjoni.

    (ara l-punti 98, 100, 103-104)

  4.  Sabiex ikun hemm responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità għal aġir illegali tal-korpi tagħha, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, għandhom jiġu sodisfatti numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li bih huma akkużati l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat. Peress li waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma ġietx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra.

    Għandha, konsegwentement, tiġi miċħuda talba għal kumpens meta d-dannu allegat, jiġifieri t-telf ta’ kuntratt ta’ suq komunitarju, ma jkunx reali u ċert, iżda ipotetiku.

    (ara l-punti 119-120, 127-129)

Top