EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0351

Sommarju tas-sentenza

Keywords
Summary

Keywords

1. Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Impossibbiltà li jiġu invokati l-ftehim tal-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att Komunitarju

2. Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 1( 2), 2(1) u 6(a))

3. Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Marġni ta’ dumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu. 2(10) u 11, u Nru 2398/97)

4. Politika kummerċjali komuni — Projbizzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Preġudizzju

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 3(5))

5. Domandi preliminari — Evalwazzjoni tal-validità — Dikjarazzjoni ta’ invalidità ta’ regolament Komunitarju li jistabbilixxi dazju antidumping definittiv — Effetti

(Regolament tal-Kunsill Nru 2913/92, Artikolu 236(1))

Summary

1. Fid-dawl tan-natura u ta’ l-istruttura tagħhom, il-ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) ma jirriżultawx, bħala prinċipju, fost ir-regoli li fid-dawl tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-atti ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji. Huwa biss fil-każ fejn il-Komunità kellha l-intenzjoni timplementa obbligu speċifiku meħud fil-kuntest tal-WTO jew fil-każ fejn l-att Komunitarju jirreferi espliċitament għal dispożizzjonijiet speċifiċi tal-ftehim tal-WTO, li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ il-legalità ta’ l-att Komunitarju in kwistjoni fid-dawl tar-regoli tal-WTO.

(ara l-punti 29-30)

2. F’dak li jirrigwarda l-istabbiliment ta’ dazji antidumping, il-Kunsill ma wettaq l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, fil-kuntest tal-kalkolu tal-valur normali “kostrutt” tal-prodott ikkonċernat, meta kkunsidra li, matul id-determinazzjoni ta’ l-ammonti li jikkorrispondu għall-ispejjeż ta’ bejgħ, għall-ispejjeż amministrattivi u għall-spejjeż oħra ġenerali, kif ukoll għall-profitti, l-Artikolu 2(6)(a) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, minn naħa, ma jeskludix it-teħid in kunsiderazzjoni ta’ informazzjoni li tirrigwarda biss waħda mill-impriżi, li, fost l-impriżi l-oħra li kienu s-suġġett ta’ l-investigazzjoni, wettqet, fis-suq intern ta’ l-Istat ta’ l-oriġini, bejgħ rappreżentattiv ta’ prodott simili matul il-perijodu ta’ l-investigazzjoni u, min-naħa l-oħra, jippermetti li jiġi mwarrb mid-determinazzjoni tal-marġni ta’ profitt il-bejgħ ta’ esportaturi jew produtturi oħrajn li ma jkunx sar matul operazzjonijiet ta’ negozju normali, skond il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 2(1) ta’ l-imsemmi regolament, li jgħidu li l-valur normali għandu, bħala prinċipju, jkun ibbażat fuq l-informazzjoni li tirrigwarda l-bejgħ magħmul matul operazzjonijiet ta’ negozju normali.

(ara l-punti 46-48)

3. Għaldaqstant li l-marġni ta’ dumping għandu jiġi ddeterminat billi jsir paragun, b’mod “xieraq”, bejn il-valur normali ta’ prodott simili u l-prezz ta’ l-esportazzjoni lejn il-Komunità, il-Kunsill iwettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni billi applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali ta’ prodott li huwa s-suġġett ta’ investigazzjoni antidumping, l-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattivi, safejn l-użu ta’ tali metodu, li għalih l-Artikolu 2 tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96 ma jagħmlu l-ebda referenza, jirriżulta, matul il-paragun bejn il-valur medju peżat u l-medja peżata tal-prezzijiet ta’ l-esportazzjonijiet kollha lejn il-Komunità, permezz ta’ bdil fil-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet ta’ esportazzjoni u allura permezz ta’ paraguni li ma jirriflettux kompletament il-prezzijiet kollha ta’ l-esportazzjoni paragunabbli. Konsegwentement l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2398/97, li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet tal-lożor u mħaded tal-qoton provenjenti mill-Eġittu, mill-Indja u mill-Pakistan, huwa invalidu safejn il-Kunsill applika, għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-marġni ta’ dumping globali li jirrigwarda l-prodotti kkonċernati mill-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni ta’ l-imsemmi regolament, il-metodu tar-“riduzzjoni għal żero” tal-marġni ta’ dumping negattiv għal kull waħda mill-klassijiet ta’ prodotti kkonċernati.

(ara l-punti 55-57 u d-dispożittiv 1)

4. L-Artikolu 3(5) tar-regolament antidumping bażiku Nru 384/96, li jesponi l-fatturi kollha rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija Komunitarja, jagħti lill-awtoritajiet Komunitarji setgħa ta’ diskrezzjoni f’dak li jirrigwarda l-eżami u l-evalwazzjoni tad-diversi indizji fuq id-determinazzjoni ta’ l-eżistenza ta’ dannu.

B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni teżiġi biss li jiġu eżaminati l-fatturi u l-indizji ekonomiċi rilevanti li għandhom effett fuq l-istat ta’ l-industrija Komunitarja, li tagħhom hija tistabbilixxi, barra minn dan, lista mhux eżawrjenti. Konsegwentement, l-istituzzjonijiet Komunitarji ma marrux lil hinn mill-marġni ta’ diskrezzjoni li huma għandhom fl-evalwazzjoni ta’ sitwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi, billi evalwaw, għall-finijiet ta’ l-eżami ta’ l-impatt ta’ l-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping, biss il-fatturi rilevanti li jeffettwaw is-sitwazzjoni ta’ l-industrija tal-Komunità.

(ara l-punti 61-63)

5. Importatur li jkun ressaq, quddiem qorti nazzjonali, rikors kontra deċiżjoni li permezz tagħha huwa ġie ordnat iħallas dazji antidumping abbażi tar-Regolament Komunitarju li jimponi dazju definittiv antidumping fuq l-importazzjonijiet, li ġie ddikjarat invalidu mill-qorti Komunitarja fil-kuntest ta’ talba għal deċiżjoni preliminari li tirrigwarda evalwazzjoni tal-validità, għandu, bħala prinċipju, id-dritt li jagħmel użu minn din l-invalidità fil-kuntest tal-kwistjoni fil-kawża prinċipali sabiex jikseb ir-rifużjoni ta’ dawn id-dazji skond l-Artikolu 236(1) tar-Regolament Nru 2913/92, li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Komunità. F’dan ir-rigward, hija l-qorti ta’ rinviju li għandha tivverifika jekk humiex sodisfatti l-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex tingħata tali rifużjoni.

(ara l-punti 67, 69 u d-dispożittiv 2)

Top