Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62004CJ0273

    Sommarju tas-sentenza

    Keywords
    Summary

    Keywords

    1. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fil-Komunitajiet – Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 – Adattamenti neċessarji tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att li jirrigwarda l-politika agrikola komuni – Kunċett

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikolu 23)

    2. Adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda fil-Komunitajiet – Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003 – Adattamenti neċessarji tad-dispożizzjonijiet ta’ l-Att li jirrigwarda l-politika agrikola komuni – Deċiżjoni 2004/281

    (Att ta’ Adeżjoni ta’ l-2003, Artikolu 23; Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/281, punt 5 ta’ l-Artikolu 1a)

    Summary

    1. L-għan ta’ l-Artikolu 23 ta’ l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, kien li jippermetti lill-Kunsill jadotta d-dispożizzjonijiet meħtieġa sabiex jassigura l-kompatibbiltà ta’ dan l-att mal-bidliet leġiżlattivi li jirriżultaw mill-attività normattiva ta’ l-istituzzjonijiet fil-kuntest tal-politika agrikola komuni (PAK) bejn l-iffirmar ta’ dan l-Att u l-adeżjoni effettiva ta’ l-Istati Membri ġodda. Madankollu, din l-attribuzzjoni ta’ setgħa ma tistax tiġi interpretata b’mod estensiv, taħt piena ta’ ksur tar-riżultati tan-negozjati tal-kundizzjonijiet ta’ adeżjoni ta’ l-imsemmija Stati.

    B’hekk, il-kunċett ta’ adattament għandu jiġi ristrett għall-miżuri li ma jistgħux fl-ebda każ ikollhom influwenza fuq il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ waħda mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni relatati mal-PAK u lanqas li jemendaw sostanzjalment il-kontenut, iżda li jikkostitwixxu biss aġġustamenti intiżi sabiex jiżguraw il-koerenza ta’ l-imsemmi Att u dispożizzjonijiet ġodda adottati mill-istituzzjonijiet Komunitarji fl-intervall bejn l-iffirmar ta’ l-Att ta’ Adeżjoni u l-adeżjoni nnifisha.

    Rigward il-bżonn ta’ ħtieġa mitluba għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ adattament bħal din, dan il-bżonn jirriżulta b’mod dirett minn kull emenda tar-regoli Komunitajri li ssir wara innovazzjoni leġiżlattiva min-naħa ta’ l-istituzzjonijiet Komunitarji li tolqot il-PAK u li għandha bħala konsegwenza l-ħolqien ta’ kunflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ l-Att ta’ Adeżjoni u l-iskema l-ġdida li tirriżulta minn din l-emenda.

    (ara l-punti 44-45, 48-49)

    2. Meta adotta d-Deċiżjoni 2004/281, li tadatta l-Att li jirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ l-Adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika ta’ l-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika ta’ l-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja, u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea, bħala riżultat tar-riforma tal-politika agrikola komuni l-Kunsill ma qabiżx il-kompetenzi mogħtija lilu mill-Artikolu 23 ta’ l-Att ta’ Adeżjoni sabiex jadatta dispożizzjonijiet ta’ dan l-Att relatati mal-politika agrikola komuni (PAK) li setgħu jirriżultaw meħtieġa mill-fatt ta’ emenda tar-regoli Komunitarji.

    Fil-fatt, fid-dawl tar-Regolament Nru 1259/1999, li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett skond il-politika agrikola komuni, is-sistema ta’ introduzzjoni permezz ta’ inkrementi kienet intenzjonata li tapplika għall-pagamenti diretti kollha mogħtija skond l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Artikolu 1 ta’ dan ir-Regolament. Il-kriterju essenzjali li jiddefinixxi l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament jinsab fil-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel Artikolu tiegħu u mhux fl-inklużjoni ta’ għajnuna ddefinita fl-Anness tiegħu, peress li l-imsemmi Anness huwa biss tisħiħ ta’ din id-dispożizzjoni.

    F’dak li jikkonċerna l-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda, il-prinċipju ta’ l-applikazzjoni ġenerali tal-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing-in” għall-għajnuna diretta kollha ġie stabbilit matul negozjati ta’ adeżjoni u huwa previst espliċitament mill-Att ta’ Adeżjoni li introduċa l-Artikolu 1a fl-imsemmi Regolament. Minbarra dan, l-Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2004/281 huwa limitat sabiex jipprovdi l-introduzzjoni permezz ta’ inkrementi tal-pagamenti diretti fl-Istati Membri ġodda skond l-istess skeda u l-istess perċentwali bħal dawk li ġew iffissati qabel fl-Artikolu 1a ta’ l-imsemmi Regolament, kif emendat mill-Att ta’ Adeżjoni. Għaldaqstant, ma jistax jiġi kkunsidrat li d-Deċiżjoni 2004/281 ġabet tibdil sostanzjali kemm għall-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ bħala “phasing-in”, u kemm għall-kontenut essenzjali ta’ l-obbligi u tad-drittijiet li jirriżultaw minnha.

    Minbarra dan, is-sitwazzjoni ta’ l-agrikoltura fl-Istati Membri ġodda kienet radikalment differenti minn dik li kienet teżisti fl-Istati Membri qodma, li ġġustifikat applikazzjoni progressiva ta’ l-għajnuna Komunitarja, b’mod partikolari dik relatata ma’ l-iskemi ta’ appoġġ dirett, sabiex ir-ristrutturazzjoni neċessarja fis-seħħ fis-settur agrikolu ta’ dawn l-Istati Membri ġodda ma tiġix imfixkla. Jirriżulta minn dan li dawn l-Istati jinsabu f’sitwazzjoni li mhijiex kumparabbli ma’ dik ta’ l-Istati Membri li jibbenefikaw mingħajr limitazzjonijiet mill-iskemi ta’ appoġġ dirett, b’mod li s-sitwazzjonijiet ma jistgħux jiġu validament imqabbla.

    Fl-aħħar nett, peress illi d-Deċiżjoni 2004/281 tagħmel referenza għall-prinċipju u għall-metodi ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu msejjaħ “phasing-in” kif ġew inklużi fl-Att ta’ Adeżjoni, mingħajr ma testendi l-portata, din ma tistax tiġi kkunsidrata bħala kontestazzjoni tal-kompromess milħuq wara n-negozjati ta’ adeżjoni, u għalhekk ma tiksirx il-prinċipju ta’ bona fide .

    (ara l-punti 55, 66-67, 76, 78-80, 87-88, 92)

    Top