Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0271

    Sommarju tas-sentenza

    Kawża T-271/03

    Deutsche Telekom AG

    vs

    Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

    “Kompetizzjoni — Artikolu 82 KE — Prezzijiet ta’ aċċess għan-netwerk fiss ta’ telekomunikazzjonijiet fil-Ġermanja — Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet — Prezzijiet approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet — Marġni ta’ flessibbiltà ta’ l-impriża f’pożizzjoni dominanti”

    Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (Il-Ħames Awla Estiża) ta’ l-10 ta’ April 2008   II - 485

    Sommarju tas-sentenza

    1. Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

      (Artikoli 81 KE u 82 KE)

    2. Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet – Kunċett – Kriterji ta’ evalwazzjoni

      (Artikolu 82 KE)

    3. Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet – Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur proprjetarju ta’ l-unika infrastruttura disponibbli

      (Artikolu 82 KE)

    4. Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet – Servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ta’ telekomunikazzjonijiet ipprovduti mill-operatur proprjetarju ta’ l-unika infrastruttura disponibbli

      (Artikolu 82 KE)

    5. Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Ksur – Twettiq intenzjonat jew b’negliġenza – Kunċett

      (Artikoli 82 KE u 226 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2))

    6. Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Kriterji – Gravità tal-ksur

      (Regolament tal-Kunsill Nru 17, Artikolu 15(2); Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 98/C 9/03, punti 1A u 3)

    7. Kompetizzjoni – Pożizzjoni dominanti – Abbuż – Kunċett – Għarfien mill-impriża dominanti tan-natura abbużiva ta’ l-aġir tagħha – Irrilevanza

      (Artikolu 82 KE)

    1.  Il-fatt li t-tariffi ta’ impriża ta’ telekomunikazzjonijiet f’pożizzjoni dominanti kellhom jiġu approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet ma jeliminax ir-responsabbiltà ta’ din l-impriża taħt l-Artikolu 82 KE peress li l-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni kkawżati minn dawn it-tariffi ma kellhomx l-oriġini tagħhom biss fil-kuntest ġuridiku nazzjonali applikabbli, u dan minħabba li l-impriża dominanti, li setgħet tinfluwixxi fuq l-ammont tagħhom permezz ta’ talbiet għal awtorizzazzjoni ppreżentati lill-imsemmija awtorità, kellha għad-dispożizzjoni tagħha marġni ta’ flessibbiltà suffiċjenti sabiex tiffissa t-tariffi tagħha fuq livell tali li kien jippermettilha telimina jew tnaqqas dawn l-effetti restrittivi. Fil-fatt, fil-kuntest tar-responsabbiltà partikolari li għandha impriża f’pożizzjoni dominanti, din ta’ l-aħħar hija obbligata tressaq talbiet għall-aġġustament tat-tariffi tagħha meta dawn ikollhom l-effett li jippreġudikaw kompetizzjoni effettiva u mingħajr distorsjoni fis-suq komuni.

      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-fatt li l-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet twettaq kontroll ex ante tal-kompatibbiltà tat-tariffi ma’ l-Artikolu 82 KE. Fil-fatt, anki jekk, bħal kull istituzzjoni oħra ta’ l-Istat, din l-awtorità hija obbligata tosserva d-dispożizzjonijiet tat-Trattat, din l-awtorità hija inkarigata mill-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni settorjali fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet u mhijiex l-awtorità ta’ kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat. Issa, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali jaġixxu in konformità mad-dritt nazzjonali, li jista’ jkollu obbjettivi li, billi jagħmlu parti mill-politika ta’ telekomunikazzjonijiet, jkunu differenti minn dawk tal-politika Komunitarja ta’ kompetizzjoni. Fi kwalunkwe każ, anki jekk wieħed jippreżumi li l-imsemmija awtorità hija obbligata teżamina l-kompatibbiltà tat-tariffi proposti minn impriża dominanti ma’ l-Artikolu 82 KE, din iċ-ċirkustanza ma tipprekludix lill-Kummissjoni milli tikkonstata ksur min-naħa ta’ din l-impriża. Il-Kummissjoni, fil-fatt, ma tistax tiġi marbuta permezz ta’ deċiżjoni mogħtija minn awtorità nazzjonali b’applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

      (ara l-punti 107, 108, 113, 120-122)

    2.  Peress li n-natura abbużiva tal-prattika tal-prezzijiet ta’ impriża dominanti li tieħu l-forma ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet hija marbuta man-natura inġusta tad-differenza bejn il-prezz bl-imnut tagħha għall-prodott idderivat fis-suq sussegwenti (downstream) u l-prezz tagħha għall-materja prima li hija tipprovdi lill-kompetituri tagħha fuq is-suq preċedenti (upstream), meta d-differenza bejn dawn il-prezzijiet hija negattiva jew insuffiċjenti sabiex tkopri l-ispejjeż speċifiċi tal-prodott idderivat tagħha stess. Minn dan jirriżulta li, sabiex jiġi kkonstatat tali abbuż, il-Kummissjoni mhijiex obbligata tipprova li l-prezzijiet bl-imnut kienu abbużivi fihom infushom.

      Il-Kummissjoni tista’ tibbaża l-analiżi tagħha dwar in-natura abbużiva tal-prezzijiet ta’ l-impriża dominanti biss b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika ta’ din ta’ l-aħħar u, għaldaqstant, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tagħha, u mhux b’referenza għas-sitwazzjoni tal-kompetituri attwali jew potenzjali tagħha. Fil-fatt, kull approċċ ieħor huwa ta’ natura li jista’ jikser il-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, billi, li kieku l-legalità tal-prattiki tat-tariffi ta’ impriża dominanti kienet tiddependi mis-sitwazzjoni speċifika ta’ l-impriżi kompetituri, b’mod partikolari mill-istruttura ta’ l-ispejjeż ta’ dawn ta’ l-aħħar, li hija data li mhijiex ġeneralment magħrufa mill-impriża dominanti, din ta’ l-aħħar ma tkunx kapaċi tevalwa l-legalità ta’ l-imġiba tagħha.

      Sabiex tiġi evalwata l-eżistenza tal-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, għandu jiġi eżaminat jekk l-impriża dominanti stess, jew impriża effiċjenti daqsha, kinitx tkun f’pożizzjoni li toffri l-prodott idderivat mingħajr ma tinkorri telf, li kieku kienet obbligata l-ewwel tħallas il-prezz tal-materja prima.

      (ara l-punti 166, 167, 188, 191-194)

    3.  Meta operatur ta’ telekomunikazzjonijiet ikun proprjetarju ta’ l-unika infrastruttura disponibbli, b’tali mod li s-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk li huwa jipprovdi lill-kompetituri tiegħu (servizzi intermedjarji) ikunu indispensabbli sabiex dawn ta’ l-aħħar ikunu jistgħu jikkompetu ma’ dan l-operatur fuq is-suq sussegwenti tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, pressjoni fuq il-marġni bejn it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut ta’ l-operatur tfixkel bħala prinċipju l-iżvilupp tal-kompetizzjoni fuq is-swieq sussegwenti. Fil-fatt, jekk il-prezzijiet bl-imnut ta’ l-operatur dominanti jkunu anqas mit-tariffi tas-servizzi intermedjarji tiegħu jew jekk id-differenza bejn it-tariffi tas-servizzi intermedjarji u t-tariffi bl-imnut ta’ l-operatur dominanti tkun insuffiċjenti sabiex operatur effiċjenti daqs dan ta’ l-aħħar ikun jista’ jkopri l-ispejjeż speċifiċi tiegħu għall-provvista ta’ servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, kompetitur potenzjali effiċjenti daqs l-operatur dominanti jkun jista’ jidħol fis-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati biss billi jinkorri telf. Huwa minnu li l-kompetituri ta’ l-operatur dominanti normalment jirrikorru għal sussidju trażversali, fis-sens li huma jikkumpensaw it-telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati bil-profitt li huwa jiġġeneraw minn swieq oħra, bħas-swieq tal-komunikazzjonijiet. Madankollu, fid-dawl tal-fatt li l-operatur dominanti, bħala proprjetarju tan-netwerk, m’għandux bżonn li jirrikorri għal servizzi intermedjarji sabiex ikun jista’ joffri servizzi ta’ aċċess għall-abbonati u li, kuntrarjament għall-kompetituri tiegħu, huwa mhuwiex obbligat għalhekk, minħabba l-prattika tat-tariffi ta’ impriża dominanti, jipprova jikkumpensa telf subit fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, il-pressjoni fuq il-marġni tfixkel il-kompetizzjoni mhux biss fuq is-suq ta’ aċċess għall-abbonati, iżda wkoll fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

      Rigward il-kalkolu tal-pressjoni fuq il-marġni tat-tariffi, il-Kummissjoni tista’ ġustament tikkunsidra biss id-dħul mis-servizzi kollha ta’ aċċess filwaqt li teskludi d-dħul minn servizzi oħra, b’mod partikolari dawk li joriġinaw mill-komunikazzjonijiet.

      Għalhekk, fl-ewwel lok, anki li kieku kien minnu li, mill-perspettiva ta’ l-abbonat, is-servizzi ta’ aċċess u ta’ komunikazzjonijiet jikkostitwixxu ħaġa waħda, huwa legali għall-Kummissjoni li tikkunsidra biss id-dħul minn servizzi ta’ aċċess ta’ l-operatur dominanti, filwaqt li teskludi d-dħul minn servizzi oħra, bħas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet li jistgħu jiġu pprovduti permezz ta’ aċċess għan-netwerk. Fil-fatt, għall-kompetituri ta’ l-operatur dominanti, il-provvista ta’ servizzi ta’ komunikazzjonijiet lill-abbonat permezz tan-netwerk ta’ dan l-operatur tippresupponi aċċess għall-imsemmi netwerk. L-opportunitajiet indaqs bejn l-operatur dominanti, minn naħa, u l-kompetituri tiegħu, min-naħa l-oħra, jimplikaw għalhekk li l-prezzijiet għas-servizzi ta’ aċċess ikunu ffissati fuq livell tali li jqiegħdu lill-kompetituri f’pożizzjoni indaqs ma’ l-operatur dominanti għall-provvista tas-servizzi ta’ komunikazzjonijiet. Dawn l-opportunitajiet indaqs huma żgurati biss jekk l-operatur dominanti jiffissa l-prezzijiet bl-imnut tiegħu fuq livell li jippermetti lill-kompetituri — li huwa preżunt li huma effiċjenti daqs l-operatur dominanti — li jgħaddu l-ispejjeż kollha relatati mas-servizz intermedjarju fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom. Madankollu, jekk l-operatur dominanti ma jirrispettax dan il-prinċipju, ikun biss b’telf li l-operaturi l-ġodda jistgħu joffru s-servizzi ta’ aċċess lill-abbonati tagħhom. Huma jkollhom għalhekk jikkompensaw it-telf soffrut fuq il-livell ta’ l-aċċess għan-netwerk permezz ta’ tariffi għolja fuq il-livell tal-komunikazzjonijiet, ħaġa din li tfixkel ukoll il-kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni fuq is-suq tal-komunikazzjonijiet.

      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni tista’ tqabbel il-prezzijiet ta’ l-operatur dominanti għas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk ipprovduti lill-kompetituri tiegħu mal-medja mwieżna tal-prezzijiet bl-imnut għad-diversi servizzi kollha ta’ aċċess, offerti direttament lill-abbonati tiegħu, anki jekk l-operaturi kompetituri mhux kollha joffru dawn is-servizzi. Fil-fatt, billi n-natura abbużiva tal-prattika tat-tariffi ta’ l-operatur dominanti għandha tiġi evalwata b’referenza għas-sitwazzjoni speċifika tiegħu u, għaldaqstant, b’referenza għat-tariffi u għall-ispejjeż tiegħu, din in-natura abbużiva ma tistax għalhekk tiġi influwenzata minn preferenzi eventwali tal-kompetituri tiegħu għal suq partikolari tas-servizzi ta’ aċċess.

      Fl-aħħar lok, il-Kummissjoni tista’ tinkludi, fil-kalkolu tal-prezz totali tas-servizz intermedjarju, l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni dovuti lill-operatur dominanti mill-kompetitur benefiċjarju tas-servizzi intermedjarji meta abbonat ta’ dan ta’ l-aħħar jikkanċella l-kuntratt tiegħu għas-servizzi ta’ aċċess, billi, għall-kompetituri ta’ l-operatur dominanti, dawn l-ispejjeż ta’ kanċellazzjoni jagħmlu parti mill-ispejjeż totali relatati mas-servizz intermedjarju li għandhom jgħaddu fuq il-prezzijiet bl-imnut tagħhom.

      (ara l-punti 199, 200, 203, 204, 206, 210, 211, 236-238)

    4.  Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-abbuż ta’ pożizzjoni dominanti mwettaq minn operatur ta’ telekomunikazzjonijiet bħala konsegwenza tal-pressjoni fuq il-marġni tat-tariffi li tirriżulta mid-differenza negattiva jew insuffiċjenti bejn it-tariffi għas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk li huwa jipprovdi lill-kompetituri tiegħu (servizzi intermedjarji) u t-tariffi għas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati tiegħu mhijiex kuntrarja għall-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ ċertezza legali minħabba l-fatt li hija timplika regolazzjoni doppja ta’ l-imsemmija tariffi. Fil-fatt, il-kuntest legali Komunitarju fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet b’ebda mod ma jaffettwa l-kompetenza li l-Kummissjoni għandha direttament taħt l-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 17 u, mill-1 ta’ Mejju 2004, mill-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1/2003, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE], sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikoli 81 KE u 82 KE.

      Deċiżjoni tali lanqas mhija kuntrarja għall-prinċipju ta’ protezzjoni ta’ l-aspettattivi leġittimi anki jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet, wara li eżaminat il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet u kkonstatat id-differenza negattiva jew insuffiċjenti bejn il-prezzijiet tas-servizzi intermedjarji u l-prezzijiet bl-imnut, ikkunsidrat li r-rikors għas-sussidju trażversali bejn servizzi ta’ aċċess u servizzi ta’ komunikazzjonijiet kellu jippermetti lill-operaturi l-oħra li joffru lill-abbonati tagħhom prezzijiet kompetittivi. Fil-fatt, konstatazzjoni tali, li minnha jirriżulta impliċitament iżda neċessarjament li dawn il-prattiki tat-tariffi għandhom effett anti-kompetittiv, safejn il-kompetituri jkollhom jirrikorru għal sussidju trażversali sabiex ikunu jistgħu jibqgħu kompetittivi fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess, ma tistax tiġġustifika aspettattivi leġittimi ta’ l-operatur dominanti li t-tariffi tiegħu kienu konformi ma’ l-Artikolu 82 KE.

      Fl-aħħar, anki jekk l-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet kisret norma Komunitarja u anki jekk il-Kummissjoni setgħet b’hekk tibda proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra dan l-Istat Membru, tali eventwalitajiet b’ebda mod mhuma ta’ natura li jaffettwaw il-legalità tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li mhija vvizzjata b’ebda abbuż ta’ poter. Fil-fatt, billi tillimita ruħha sabiex tikkonstata ksur ta’ l-Artikolu 82 KE, dispożizzjoni li ma tirrigwardax lill-Istati Membri iżda lill-operaturi ekonomiċi biss, din id-deċiżjoni tirrigwarda biss il-prattiki tat-tariffi ta’ l-impriża dominanti u mhux id-deċiżjonijiet ta’ l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru.

      (ara l-punti 263, 267-269, 271)

    5.  Il-ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni li jista jiġi ppenalizzat b’multa, skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17, huwa dak imwettaq b’mod intenjonali jew b’negliġenza. Din il-kundizzjoni hija sodisfatta meta l-impriża kkonċernata ma tistax tinjora n-natura anti-kompetittiva ta’ l-imġiba tagħha, kemm jekk hija kienet konxja jew le li kienet qed tikser ir-regoli ta’ kompetizzjoni tat-Trattat.

      Dan huwa l-każ ta’ operatur ta’ telekomunikazzjonijiet li jokkupa pożizzjoni monopolistika fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għan-netwerk li huwa jipprovdi lill-kompetituri tiegħu (servizzi intermedjarji) u pożizzjoni kważi monopolistika fuq is-suq tas-servizzi ta’ aċċess għall-abbonati, li t-tariffi tagħhom għandhom effett ta’ pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet għal dawn is-servizzi. Fil-fatt, dan ta’ l-aħħar ma jistax jinjora li din il-pressjoni, li tirriżulta mid-differenza negattiva jew insuffiċjenti bejn it-tariffi tiegħu għal dawn id-diversi servizzi, twassal għal restrizzjonijiet serji għall-kompetizzjoni.

      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkontestata bil-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu kontra l-Istat Membru minħabba li l-imsemmija tariffi ġew approvati mill-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet, meta l-operatur dominanti madankollu kellu għad-dispożizzjoni tiegħu marġni ta’ flessibbiltà sabiex jgħolli l-prezzijiet bl-imnut tiegħu u, għaldaqstant, sabiex inaqqas il-pressjoni fuq il-marġni tal-prezzijiet, billi l-ftuħ ta’ proċedura għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu ma jaffettwa b’ebda mod il-kundizzjonijiet sabiex jiġi ppenalizzat ksur tar-regoli ta’ kompetizzjoni, previsti mill-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17.

      (ara l-punti 295, 296, 298)

    6.  Il-Kummissjoni tista’ tikkwalifika bħala gravi l-ksur li jikkonsisti, għal impriża tat-telekomunikazzjonijiet f’pożizzjoni dominanti, fl-applikazzjoni ta’ tariffi li joħolqu pressjoni fuq il-marġni. Fil-fatt, dawn il-prattiki tat-tariffi jsaħħu l-barrieri għad-dħul fuq is-swieq reċentement liberalizzati u jqiegħdu b’hekk fil-perikolu l-funzjonament tajjeb tas-suq komuni. Il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multi imposti skond l-Artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (it-tieni paragrafu tal-punt 1 A) jikkwalifikaw għalhekk l-imġiba ta’ esklużjoni minn impriża f’pożizzjoni dominanti bħala ksur gravi, saħansitra bħala ksur gravi ħafna meta tkun involuta impriża f’sitwazzjoni ta’ kważi-monopolju.

      Fir-rigward tal-marġni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ l-ammont tal-multa, hija ħadet debitament in kunsiderazzjoni bħala ċirkustanza attenwanti l-fatt li l-awtorità regolatorja nazzjonali tat-telekomunikazzjonijiet interveniet fl-iffissar tal-prezzijiet ta’ l-impriża u li din l-awtorità nazzjonali, għal diversi drabi, eżaminat il-kwistjoni ta’ l-eżistenza ta’ pressjoni fuq il-marġni li tirriżulta mill-prattiki tat-tariffi ta’ l-impriża, billi naqqset l-ammont bażiku tal-multa b’10 %.

      (ara l-punti 310-313)

    7.  Il-kunċett ta’ abbuż fis-sens ta’ l-Artikolu 82 KE huwa kunċett oġġettiv. L-għarfien suġġettiv tan-natura abbużiva ta’ l-imġiba tagħha mill-impriża f’pożizzjoni dominanti ma jikkostitwixxix għalhekk kundizzjoni għall-applikazzjoni ta’ l-Artikolu 82 KE.

      (ara l-punt 327)

    Top