Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0212

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-212/03

MyTravel Group plc

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità — Kompetizzjoni — Deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni — Annullament ta’ deċiżjoni permezz ta’ sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza — Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li hija intiża li tagħti drittijiet lill-individwi”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tielet Awla Estiża) tad-9 ta’ Settembru 2008   II ‐ 1973

Sommarju tas-sentenza

  1. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju – Kunċett

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

  2. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali intiża li tagħti drittijiet lill-individwi – Konċentrazzjonijiet

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 2(1), (2) u (3), u 8(2) u (3))

  3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju

    (It-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)

  4. Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Eżami mill-Kummissjoni – Impenji tal-impriżi kkonċernati tali li jirrendu l-operazzjoni nnotifikata kompatibbli mas-suq komuni – Teħid inkunsiderazzjoni ta’ impenji ppreżentati wara d-data ta’ skadenza – Kundizzjonijiet

    (Regolament tal-Kunsill Nru 4064/89, Artikoli 2(2), 6(2), 8(2) u 18(3); Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 447/98, punt 43)

  5. Proċedura – Spejjeż – Kundanna tal-parti rebbieħa għall-ħlas tal-ispejjeż tagħha

    (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 87(2) u (3))

  1.  Il-kunċett ta’ ksur suffiċjentement serju tad-dritt komunitarju meħtieġ għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità ma jinkludix in-nuqqasijiet jew żbalji li, anki jekk ikunu pjuttost serji, mhumiex inkompatibbli mal-aġir normali ta’ istituzzjoni responsabbli għas-superviżjoni tal-applikazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni, li huma kumplessi, delikati u suġġetti għal marġni ta’ diskrezzjoni kunsiderevoli.

    Il-fatt li l-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni ma jistax jiġi ekwiparat, mingħajr ebda analiżi ulterjuri, mal-konstatazzjoni ta’ ksur suffiċjentement serju u għalhekk mhuwiex suffiċjenti, fih innifsu, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. B’mod partikolari, sempliċi żbalji ta’ evalwazzjoni u n-nuqqas ta’ produzzjoni tal-provi rilevanti fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ma jistgħux ikunu suffiċjenti fihom infushom sabiex jagħtu lok għal ksur manifest u serju tal-limiti li huma imposti fuq is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, b’mod partikolari fil-preżenza ta’ sitwazzjoni ta’ oligopolija kumplessa.

    Jekk jiġi aċċettat mod ieħor, fil-fatt, ikun hemm il-periklu li tiġi kompromessa l-kapaċità tal-Kummissjoni li teżerċita b’mod sħiħ il-funzjoni ta’ regolatur tal-kompetizzjoni mogħtija lilha mit-Trattat KE minħabba l-effett dissważiv fuq il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet li jista’ joħloq ir-riskju li l-Kummissjoni jkollha tbati d-danni allegati mill-impriżi kkonċernati f’ċirkustanzi bħal dawn.

    Sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni tali effett, li jmur kontra l-interess ġenerali Komunitarju, nuqqas milli jiġi sodisfatt obbligu legali, li, għalkemm mhux mixtieq, jista’ jiġi spjegat permezz tal-obbligi oġġettivi li huma suġġetti għalihom l-istituzzjoni u l-aġenti tagħha fil-qasam tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet ma jistax jiġi kkunsidrat bħala li jikkostitwixxi ksur suffiċjentement serju tad-dritt Komunitarju sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità. Min-naħa l-oħra, id-dritt għal kumpens tad-danni li jirriżultaw mill-aġir tal-istituzzjoni jeżisti meta l-aġir jieħu l-forma ta’ att manifestament kuntrarju għad-dispożizzjoni legali u jkun ta’ dannu serju għall-interessi ta’ terzi li ma jsibu la ġustifikazzjoni u lanqas spjegazzjoni fl-obbligi partikolari li huma imposti oġġettivament fuq il-persunal tal-istituzzjoni, fil-kuntest ta’ funzjonament normali.

    (ara l-punti 40-43, 85)

  2.  L-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li jipprovdi għas-sitwazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni u l-Artikolu 2(3) ta’ dan ir-regolament, li jipprovdi għal sitwazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ projbizzjoni, għandhom jiġu interpretati fid-dawl tal-Artikolu 2(1) ta’ dan ir-regolament, li jsemmi l-elementi speċifiċi li għandhom jiġu kkunsidrati mill-Kummissjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà ta’ konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja mas-suq komuni.

    Meħuda flimkien, dawn id-dispożizzjonijiet huma intiżi biex jagħtu drittijiet lill-individwi fis-sens li l-Kummissjoni, meta jkollha tevalwa konċentrazzjoni skont ir-Regolament Nru 4064/89, hija, bħala regola, marbuta tieħu pożizzjoni jew billi tawtorizza din il-konċentrazzjoni, jew tipprojbixxiha, skont l-evalwazzjoni tagħha tal-iżvilupp ekonomiku li jista’ jiġi attribwit lill-konċentrazzjoni inkwistjoni li hu l-iktar probabbli li jseħħ. B’hekk, jekk il-kundizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi Regolament ikunu sodisfatti, impriża li tkun innotifikat konċentrazzjoni ta’ dimensjoni Komunitarja għandha d-dritt li din il-konċentrazzjoni tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq komuni. Din l-impriża madankollu ma tistax timplementa din il-konċentrazzjoni fin-nuqqas ta’ awtorizzazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni u deċiżjoni ta’ projbizzjoni għandha konsegwenzi serji. Intervent bħal dan tal-Komunità fid-dinja tal-kummerċ, li jeżiġi minn impriża li hija tikseb awtorizzazzjoni qabel ma twettaq il-konċentrazzjoni prevista u li jobbliga lill-Kummissjoni tipprojbixxi t-twettiq ta’ din il-konċentrazzjoni jekk din tirriżulta inkompatibbli mas-suq komuni, jimplika neċessarjament li l-impriżi li lilhom tiġi rrifjutata awtorizzazzjoni jistgħu jitolbu li jiġu kkumpensati għall-konsegwenzi ta’ ħsara kkawżati minn deċiżjoni bħal din jekk jirriżulta li hija tkun ibbażata fuq ksur suffiċjentement serju tar-regoli sostantivi applikati mill-Kummissjoni sabiex tiġi evalwata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni inkwistjoni mas-suq komuni.

    Barra minn hekk, il-konstatazzjoni ta’ irregolarità li ma kinitx twettaq, f’ċirkustanzi simili, amministrazzjoni normalment prudenti u diliġenti tippermetti li jiġi konkluż li l-aġir tal-istituzzjoni kkostitwixxa illegalità ta’ tali natura li tagħti lok għar-responsabbiltà tal-Komunità skont l-Artikolu 288 KE.

    L-Artikolu 2(3) tar-Regolament Nru 4064/89, moqri flimkien mal-paragrafi 1 u 2 ta’ din id-dispożizzjoni u mal-Artikolu 8(2) u (3) tal-imsemmi regolament, kif ukoll l-obbligu ta’ diliġenza b’hekk jistabbilixxu regoli li huma intiżi biex jagħtu xi drittijiet lill-impriżi kkonċernati minn deċiżjoni li tipprojbixxi t-twettiq ta’ konċentrazzjoni.

    (ara l-punti 47-50)

  3.  Fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, bħala regola ma jistax jiġi eskluż li difetti manifesti u gravi li jaffettwaw l-analiżi ekonomika li tkun il-bażi għal deċiżjoni adottata abbażi tal-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, li tiddikjara konċentrazzjoni inkompatibbli mas-suq komuni skont l-Artikolu 2(1) u (3) tal-imsemmi regolament jistgħu jikkostitwixxu ksur suffiċjentement serju sabiex jagħti lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità.

    Madankollu, sabiex issir konstatazzjoni bħal din, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni li l-analiżijiet ekonomiċi neċessarji għall-klassifikazzjoni ta’ sitwazzjoni jew ta’ konċentrazzjoni skont id-dritt tal-kompetizzjoni huma ġeneralment, kemm fuq il-livell tal-fatti kif ukoll fuq dak tar-raġunament ibbażat fuq id-deskrizzjoni tagħhom, formulazzjonijiet intellettwali kumplessi u diffiċli, li fihom jista’ jkun hemm ċerti nuqqasijiet, bħal approssimazzjonijiet, inkoerenzi, jew saħansitra anki omissjonijiet. Dan japplika a fortiori fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet minħabba, b’mod partikolari, ċerti limiti ta’ żmien imposti fuq l-istituzzjoni.

    Huwa iktar probabbli li nuqqasijiet bħal dawn fl-analiżi ekonomika jseħħu meta, bħal fil-każ tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, l-analiżi tinkludi aspett prospettiv. Il-gravità ta’ insuffiċjenza ta’ dokumenti jew loġika tista’, f’dawn iċ-ċirkustanzi, mhux dejjem tikkostitwixxi ċirkustanza suffiċjenti sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà Komunitarja.

    Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni sabiex iżżomm kontroll fuq il-politika Komunitarja tal-kompetizzjoni, li jimplika li prattika rigorożament kostanti u invarjabbli fl-implementazzjoni tar-regoli rilevanti ma tistax tiġi mistennija minnha u, minn dan jiġi dedott, li hija għandha ċerta libertà fl-għażla ta’ strumenti ekonometriċi għad-dispożizzjoni tagħha, kif ukoll f’dik tal-approċċi xierqa għall-istudju ta’ fenomenu, sakemm dawk l-għażliet ma jkunux manifestement kuntrarji għar-regoli aċċettati tad-dixxiplina ekonomika u jkunu implementati b’mod konsistenti.

    Il-marġni ta’ diskrezzjoni li għandha tiġi rrikonoxxuta lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-kwistjonijiet ta’ responsabbiltà mhux kuntrattwali fir-rigward tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet tapplika kemm fil-livell tal-eżami individwali tal-iżbalji li jistgħu jitwettqu fl-istadju tal-analiżi tal-effetti tal-konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni kif ukoll fl-istadju tal-eżami globali ta’ żbalji bħal dawn.

    (ara l-punti 80-83, 95)

  4.  Fil-kuntest tal-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet, l-impriżi kkonċernati jistgħu jipproponu xi impenji lill-Kummissjoni sabiex tinkiseb deċiżjoni li tikkonstata l-kompatibbiltà tal-konċentrazzjoni tagħhom mas-suq komuni. Skont l-istat li fih waslet il-proċedura amministrattiva, l-impenji proposti għandhom jippermettu lill-Kummissjoni jew li tikkunsidra li l-konċentrazzjoni notifikata ma tqajjimx iktar dubji serji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni fl-istadju tal-investigazzjoni preliminari, jew li tirrispondi għall-oġġezzjonijiet li saru fil-kuntest tal-eżami approfondit. Dawk l-impenji b’hekk jippermettu, l-ewwel nett, li jiġi evitat il-ftuħ tal-fażi ta’ eżami approfondit jew, imbagħad, li tiġi evitata l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tiddikjara l-inkompatibbiltà tal-konċentrazzjoni mas-suq komuni. L-Artikolu 8(2) tar-Regolament Nru 4064/89, dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi, fil-fatt jippermetti lill-Kummissjoni li fid-deċiżjoni li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni skont il-kriterju definit fl-Artikolu 2(2) tal-imsemmi regolament, tinkludi kundizzjonijiet u impenji intiżi biex jiggarantixxu li l-impriżi kkonċernati jirrispettaw l-impenji li huma ħadu fir-rigward tagħha sabiex il-konċentrazzjoni tkun kompatibbli mas-suq komuni.

    Fid-dawl kemm tal-importanza tal-interessi finanzjarji u tal-interessi industrijali jew kummerċjali inerenti għal dan it-tip ta’ konċentrazzjonijiet kif ukoll tal-poteri li għandha l-Kummissjoni f’dan il-qasam, huwa possibbli li jiġi mistenni li l-impriżi kkonċernati jagħmlu minn kollox sabiex jiġi ffaċilitat ix-xogħol tal-amministrazzjoni. Dawn l-istess raġunijiet jobbligaw ukoll lill-Kummissjoni tuża l-akbar diliġenza fl-eżerċizzju tal-missjoni tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet.

    Fir-rigward ta’ impenji ppreżentati tard, mill-avviż dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament Nru 4064/89 u r-Regolament Nru 447/98 jirriżulta li tali impenji tal-partijiet f’konċentrazzjoni notifikata jistgħu jiġu kkunsidrati jekk ikunu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, minn naħa, li dawk l-impenji jsolvu b’mod ċar u mingħajr ħtieġa ta’ eżami addizzjonali l-problemi ta’ kompetizzjoni identifikati minn qabel u, min-naħa l-oħra, li jeżisti biżżejjed żmien sabiex jiġu kkonsultati l-Istati Membri fuq dawk l-impenji.

    (ara l-punti 116-119, 127)

  5.  Skont l-Artikolu 87(2) u (3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi li parti li ma tkun telliefa fuq ebda kap tat-talbiet tagħha għandha tbati l-ispejjeż tagħha meta hija tipproduċi, biss fis-seduta u bħala risposta għal digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza adottat abbażi tal-Artikolu 65(b) u tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 67(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, dokumenti mitluba mir-rikorrenti li jkunu importanti sabiex tkun tista’ tressaq l-argumenti tagħha u sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tkun tista’ teżamina r-rikors, li kien imisshom ġew ikkomunikati malli ppreżentat l-atti tagħha, u dan anki jekk jista’ jiġi kkunsidrat a priori li d-dokumenti inkwistjoni ma kinux aċċessibbli skont ir-Regolament Nru 4064/89 jew ir-Regolament Nru 1049/2001, u jekk dan ma kellux effett fuq il-kawża inkwistjoni inkwantu dawn id-dokumenti finalment ġew ippreżentati matul il-proċeduri.

    (ara l-punti 135-139)

Top