Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 62003TJ0068

Sommarju tas-sentenza

Kawża T-68/03

Olympiaki Aeroporia Ypiresies AE

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

“Għajnuna mill-Istat — Għajnuna għar-ristrutturazzjoni mogħtija mir-Repubblika Griega lill-kumpannija ta’ l-ajru Olympic Airways — Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq komuni u li tordna l-irkupru tagħha — Użu ħażin ta’ l-għajnuna — Għajnuna ġdida — Oneru tal-prova — Dritt għal smigħ — Kriterju tal-kreditur privat — Żball ta’ fatt — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Motivazzjoni — Artikolu 87(1) u (3)(ċ) KE”

Sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza (It-Tieni Awla Estiża) tat-12 ta’ Settembru 2007   II - 2919

Sommarju tas-sentenza

  1. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Eżami mill-Kummissjoni – Użu ħażin ta’ għajnuna preċedentement approvata – Għajnuna ġdida – Oneru tal-prova

    (Artikolu 10 KE, 87(1) KE u 88(2) u (3) KE)

  2. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proċedura amministrattiva – Obbligu tal-Kummissjoni li ssejjaħ lill-partijiet interessati sabiex jissottomettu l-kummenti tagħhom – Esklużjoni tal-persuni kkonċernati mill-benefiċċju tad-drittijiet tad-difiża

    (Artikolu 88(2) KE)

  3. Rikors għal annullament – Motivi – Motivi li jistgħu jitressqu fil-konfront ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat – Motivi mhux imqajma matul il-proċedura amministrattiva

    (Artikoli 88(2) KE u 230 KE)

  4. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Għajnuna li tista’ tiġi kkunsidrata kompatibbli mas-suq komuni – Għajnuna għar-ristrutturazzjoni ta’ impriża f’diffikultà

    [Artikoli 87(3)(ċ) KE u 88(2) u (3) KE; Komunikazzjoni tal-Kummissjoni 1999/C 288/02, punti 3.2.2 u 3.2.4]

  5. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Projbizzjoni – Derogi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

    (Artikolu 87(3) KE)

  6. Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata – Regolarizzazzjoni ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni matul il-proċedura kontradittorja – Inammissibbiltà

    (Artikolu 253 KE)

  7. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Kriterju ta’ evalwazzjoni – Kriterju tal-kreditur privat

    (Artikolu 87(1) KE)

  8. Atti ta’ l-istituzzjonijiet – Motivazzjoni – Obbligu – Portata

    (Artikoli 87(1) KE u 253 KE)

  9. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata l-inkompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni u li tordna l-ħlas lura tagħha – Possibbiltà li l-Kummissjoni tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex dawn jikkalkolaw l-ammont preċiż li għandu jitħallas lura

    (Artikolu 88(2) KE)

  10. Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud – Inklużjoni – Kundizzjoni

    (Artikolu 87(1) KE)

  1.  Bħala prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha, f’deċiżjoni li tikkonstata l-użu ħażin ta’ għajnuna preċedentement approvata u li tikkonstata l-eżistenza ta’ għajnuna ġdida mhux innotifikata, iġġib il-prova kemm ta’ l-użu ħażin ta’ l-għajnuna kif ukoll ta’ l-għoti ta’ għajnuna ġdida. Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 88(2) u (3) KE jirriżulta li, fin-nuqqas ta’ tali prova, l-għajnuna eżistenti hija koperta mid-deċiżjoni preċedenti ta’ approvazzjoni, u l-miżuri l-ġodda in kwistjoni ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala għajnuna mogħtija mill-Istat fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Min-naħa l-oħra, l-oneru tal-prova tal-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq komuni, b’deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(1) KE huwa, bħala prinċipju, responsabbiltà ta’ l-Istat Membru kkonċernat, li għandu jistabbilixxi li l-kundizzjonijiet ta’ din id-deroga huma ssodisfati.

    Madankollu, dan it-tqassim ta’ l-oneru tal-prova huwa suġġett għar-rispett ta’ l-obbligi proċedurali rispettivi li l-Kummissjoni u l-Istat Membru kkonċernat għandhom fil-kuntest ta’ l-eżerċizzju minn din l-istituzzjoni tas-setgħa li hija għandha sabiex tobbliga Stat Membru jipprovilha l-informazzjoni kollha meħtieġa.

    B’mod partikolari, sabiex tinkiseb l-approvazzjoni, b’deroga mir-regoli tat-Trattat, ta’ għajnuna ġdida jew emendati, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu, skond id-dmir tiegħu ta’ kooperazzjoni lejn il-Kummissjoni li jirriżulta mill-Artikolu 10 KE, jipprovdi l-elementi kollha li jkunu ta’ natura tali li jippermettu lill-din l-istituzzjoni li tivverifika li l-kundizzjonijiet tad-deroga huma ssodisfati. Barra minn dan, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta deċiżjoni abbażi ta’ l-informazzjoni disponibbli, jekk l-Istat Membru jibqa’ lura, bi ksur ta’ l-obbligu ta’ kooperazzjoni tiegħu, milli jipprovdi l-informazzjoni li hija tkun talbitu sabiex jew teżamina l-kompatibbiltà mas-suq komuni ta’ għajnuna ġdida jew emendata, jew inkella sabiex tivverifika l-użu regolari ta’ għajnuna preċedentement approvata. Madankollu, qabel ma tadotta tali deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tordna lill-Istat Membru sabiex jipprovdilha, fit-terminu li hija tkun iffissat, id-dokumenti u l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Huwa biss jekk l-Istat Membru jonqos, minkejja l-ordni, milli jipprovdi l-informazzjoni mitluba, li l-Kummissjoni għandha s-setgħa li ttemm il-proċedura u li tadotta abbażi ta’ l-elementi li hija jkollha, skond il-każ, deċiżjoni fir-rigward ta’ l-eżistenza u l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni jew deċiżjoni li tikkonstata li għajnuna preċedentement approvata ġiet użata legalment.

    Dawn l-obbligi proċedurali huma mandatorji fuq l-Istat Membru kkonċernat u fuq il-Kummissjoni sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha abbażi ta’ informazzjoni li tkun suffiċjentement ċara u preċiża, filwaqt li jiġi assigurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    (ara l-punti 34-37)

  2.  L-Artikolu 88(2) KE jippermetti li l-persuni kkonċernati, fosthom il-benefiċjarji tal-miżura in kwistjoni, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom. Il-persuni kkonċernati għandhom biss dritt li jiġu involuti fil-proċedura amministrattiva safejn ikun xieraq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ in kwistjoni. Ir-rispett tad-drittijiet proċedurali, hekk definiti, tal-persuni kkonċernati jikkostitwixxi eżiġenza proċedurali essenzjali li l-ksur tagħha jista’ jġib miegħu l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Dan huwa b’mod partikolari l-każ meta l-benefiċjarji ta’ għajnuna li għandha tiġi rkuprata ma tpoġġewx, effettivament, f’pożizzjoni li jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fil-kuntest tal-proċedura formali ta’ eżami, peress li dawn ma ġewx identifikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni tal-ftuħ jew fi stadju sussegwenti, u ma jistax jiġi eskluż li, fin-nuqqas ta’ tali irregolarità, il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti.

    Madankollu, safejn il-proċedura li tirrigwarda għajnuna mogħtija mill-Istat tista’ tinfetaħ biss kontra l-Istat Membru kkonċernat, il-persuni kkonċernati ma jistgħux, bħala prinċipju, jagħmlu użu mid-drittijiet tad-difiża tal-persuni li fil-konfront tagħhom tkun infetħet il-proċedura u li jistgħu jitolbu diskussjoni mal-Kummissjoni, bħal dik mibdija għall-benefiċċju ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    (ara l-punti 42, 43)

  3.  Fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ippreżentat skond l-Artikolu 230 KE, il-legalità ta’ att Komunitarju għandha tiġi evalwata skond l-elementi ta’ fatt u ta’ dritt li kienu jeżistu fil-ġurnata ta’ meta ġie adottat l-att. B’mod partikolari, l-evalwazzjonijiet kumplessi magħmula mill-Kummissjoni għandhom jiġu evalwati biss fid-dawl ta’ l-elementi li hija kellha fil-ġurnata ta’ meta hija għamlet dawn il-kalkoli.

    Minn dan jirriżulta li, bħala prinċipju, rikorrenti mhuwiex ammissibbli jekk jagħmel użu minn argumenti fattwali li ma jkunux magħrufa mill-Kummissjoni u li ma jkunux ġew indikati lill-din ta’ l-aħħar matul il-proċedura ta’ eżami. Min-naħa l-oħra, xejn ma jipprekludi lill-persuna kkonċernata milli tiżviluppa, kontra d-deċiżjoni finali, motiv legali li ma jkunx ġie invokat fl-istadju tal-proċedura amministrattiva.

    (ara l-punti 72, 73)

  4.  Mid-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 87(3)(ċ) KE moqrija flimkien ma dawk ta’ l-Artikolu 88(2) u (3) KE, implementati mill-punti 3.2.2 (b), (f) u (g), u 3.2.4 tal-Linji Gwida Komunitarji għall-għajnuna mogħtija mill-Istat għas-salvataġġ u r-ristrutturazzjoni ta’ impriżi f’diffikulta, jirriżulta li kull emenda importanti għal-pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristruttutazzjoni jeħtieġ, bħala prinċipju, li l-Istat Membru kkonċernat jippreżenta pjan emendat li jkun jinkludi l-indikazzjonijiet kollha meħtieġa sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa l-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna mas-suq komuni, fid-dawl tal-kundizzjonijiet previsti fil-punt 3.2.4 tal-linji gwida.

    Mill-perspettiva proċedurali, ladarba waħda mill-kundizzjonijiet li għalihom kienet suġġetta l-approvazzjoni ta’ għajnuna ma tkunx sodisfatta, normalment, il-Kummissjoni tista’ tadotta deċiżjoni ta’ deroga minn din il-kundizzjoni mingħajr ma tiftaħ mill-ġdid il-proċedura prevista mill-Artikolu 88(2) KE biss jekk id-differenzi huma relattivament żgħar meta mqabbla mal-kundizzjoni inizjali. B’mod partikolari, meta l-adattament tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni jqajjem xi dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna, il-Kummissjoni hija obbligata li terġa’ tagħmel eżami formali tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq komuni.

    Dawn ir-regoli proċedurali jikkonfermaw li, fin-nuqqas ta’ twettieq integrali tal-pjan ta’ ristrutturazzjoni awtorizzat permezz ta’ deċiżjoni ta’ approvazzjoni ta’ għajnuna għar-ristrutturazzjoni, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, fejn meħtieġ, emenda importanti ta’ dan il-pjan biss abbażi ta’ eżami formali fil-fond tal-konformità tal-pjan emendat, ippreżentat mill-Istat Membru kkonċernat, għall-kundizzjonijiet previsti mil-linji gwida. Konsegwentement, fin-nuqqas tal-preżentazzjoni, min-naħa ta’ l-Istat Membru kkonċernat, ta’ pjan ta’ ristrutturazzjoni emendat, il-Kummissjoni, bħala prinċipju, mhijiex la obbligata u lanqas f’pożizzjoni — matul l-evalwazzjoni tagħha tal-kompatibbiltà ta’ l-għajnuna — li tieħu in kunsiderazzjoni eventwali emendi importanti tal-pjan inizjali, abbażi ta’ sempliċi dikjarazzjonijiet ta’ intenzjoni ta’ l-Istat Membru kkonċernat.

    (ara l-punti 91-93)

  5.  Il-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni fir-rigward ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-Artikolu 87(3) KE. Il-qorti Komunitarja ma tistax tibdel l-evalwazzjoni tagħha tal-fatti u taċ-ċirkustanzi ekonomiċi komplessi ma dik tal-Kummissjoni, l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu konsegwentement jillimita ruħu għall-verifika tar-rispett tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, ta’ l-eżattezza materjali tal-fatti kif ukoll tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter.

    (ara l-punt 150)

  6.  Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni għandha tkun tinsab fi ħdan l-istess deċiżjoni u spjegazzjonijiet li jiġu pprovduti iktar tard mill-Kummissjoni ma jistgħux, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali, jittieħdu in kunsiderazzjoni. Minn dan isegwi li d-deċiżjoni għandha tkun sodisfaċenti fiha nfisha u l-motivazzjoni tagħha ma tistax tirriżulta minn spjegazzjonijiet bil-miktub jew orali mogħtija iktar tard, meta d-deċiżjoni in kwistjoni tkun diġà s-suġġett ta’ rikors quddiem il-qorti Komunitarja.

    (ara l-punt 254)

  7.  Il-fatt biss li l-faċilitajiet ta’ ħlas jingħataw b’mod diskrezzjonali minn kreditur pubbliku mhuwiex biżżejjed sabiex dawn jiġu kkwalifikati bħala għajnuna mill-Istat. Barra minn dan, il-faċilitajiet ta’ ħlas mogħtija għandhom manifestament ikunu iktar minn dawk li kienu jingħataw minn kreditur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli fir-rigward tad-debitur tiegħu, fid-dawl b’mod partikolari tad-daqs tad-dejn, ta’ l-irmedji legali li għandu l-kreditur pubbliku, il-probabbiltà ta’ titjib tas-sitwazzjoni tad-debitur jekk it-tkomplija ta’ l-attività tiegħu tiġi awtorizzata, kif ukoll fid-dawl tar-riskji li l-kreditur jara t-telf tiegħu ikompli jikber fil-każ li l-attività titkompla.

    F’dan ir-rigward, l-kunċett ta’ għajnuna mill l-Istat, kif definit fit-Trattat, għandu natura legali u għandu jiġi interpretat abbażi ta’ elementi oġġettivi. Għal din ir-raġuni, il-qorti Komunitarja għandha, bħala prinċipju u fid-dawl kemm ta’ l-elementi konkreti tal-kawża li għandha quddiemha u kemm tan-natura teknika jew kumplessa ta’ l-evalwazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni, teżerċita stħarriġ sħiħ fir-rigward tal-kwistjoni ta’ jekk miżura tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 87(1) KE.

    Madankollu, meta l-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni tal-kwistjoni ta’ jekk miżura tissodisfax il-kriterju tal-kreditur privat tkun tinvolvi evalwazzjoni ekonomika kumplessa, fir-rigward ta’ liema l-Kummissjoni għandha setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, l-istħarriġ ġudizzjarju huwa limitat għal verifika ta’ l-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ l-obbligu ta’ motivazzjoni, għall-korrettezza materjali tal-fatti kkonstatati sabiex issir l-għażla kkontestata, għan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u għan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Prim’Istanza m’għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tagħha għal dik tal-Kummissjoni.

    (ara l-punti 283-285)

  8.  F’dak li jirrigwarda deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat, il-motivazzjoni ma tistax tkun limitata għall-konstatazzjoni li l-miżura in kwistjoni tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat, iżda għandha tinkludi referenza għall-fatti konkreti, b’tali mod li l-persuni kkonċernati jkunu jistgħu jesponu utilment l-opinjoni tagħhom fuq il-verità u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati u sabiex il-qorti Komunitarja tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha.

    Madankollu, mhuwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-elementi kollha ta’ fatt u ta’ dritt rilevanti, safejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax l-eżiġenzi ta’ l-Artikolu 253 KE għandha tiġi eżaminata mhux biss fid-dawl tal-kliem użat iżda wkoll fid dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat.

    (ara l-punti 286, 287)

  9.  L-ebda dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju ma teżiġi li l-Kummissjoni, meta tordna l-ħlas lura ta’ għajnuna ddikjarata inkompatibbli mas-suq komuni, għandha tiffissa l-ammont preċiż ta’ l-għajnuna li għandu jiġi mħallas lura. Fil-fatt huwa biżżejjed li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tkun tinkludi indikazzjonijiet li jippermettu li d-destinatarju stess tad-deċiżjoni jkun jista’, mingħajr diffikultajiet eċċessivi, jiddetermina dan l-ammont. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet ġustament tillimita ruħha li tikkonstata l-obbligu ta’ ħlas lura ta’ l-għajnuna in kwistjoni u tħalli f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex jikkalkolaw l-ammont preċiż ta’ l-ammonti li għandhom jitħallsu lura.

    F’dan ir-rigward, il-vantaġġ miksub minn debitur minħabba t-tolleranza, min-naħa ta’ kreditur pubbliku, tan-nuqqas ta’ ħlas jew tad-dewmien fil-ħlas tad-dejn tiegħu huwa, bħala prinċipju, preċiżament ikkostitwit mill-eżenzjoni jew mid-dewmien fil-ħlas ta’ l-ammont ta’ dan id-dejn, b’effett minn meta dan isir dovut. Dan il-vantaġġ mhux neċessarjament ikun jikkoinċidi ma l-ammont tas-somma li kreditur privat seta’ jirkupra li kieku waqaf jittollera n-nuqqas jew id dewmien tal-ħlas.

    Għalhekk, sabiex jiġi stabbilit jekk debitur kienx ibbenefika minn vantaġġ, hija biss il-Kummissjoni li għandha tivverifika, l-aktar tard meta tadotta d-deċiżjoni tagħha, jekk kreditur privat li jkun jinsab f’sitwazzjoni paragunabbli kienx manifestament jieqaf jittollera n-nuqqas jew id-dewmien tal-ħlasijiet. Dan l-eżami ma jirrikjedi li jiġi ddeterminat il-mument preċiż ta’ meta kreditur privat kien jieqaf jittollera n-nuqqas jew id-dewmien fil-ħlasijiet u kien jieħu miżuri sabiex jikseb il-ħlas tal-kredtu tiegħu.

    (ara l-punti 291, 293, 294)

  10.  It-taxxa fuq il-valur miżjud hija, bħala prinċipju, newtra f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjoni kompettitiva. Fil-fatt, it-taxxa fuq il-valur miżjud imħallsa mill-persuna taxxabbli tista’ jew tiġi mnaqqsa immedjatament bħala taxxa mħallsa input, jew inkella tiġi rkuprata fi żmien qasir. L-uniku vantaġġ eventwali li minnhu tista’ tibbenefika persuna taxxabbli, minħabba n-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud, seta’ jikkonsisti f’vantaġġ ta’ teżorerija li jirriżulta mill-ħruġ temporanju ta’ l-ammont tat-taxxa input.

    F’dan il-kuntest, in-nuqqas ta’ ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud mhuwiex biżżejjed, bħala prinċipju, sabiex jiġi preżunt li impriża bbenefikat minn vantaġġ fis-sens ta’ l-Artikolu 87(1) KE. Hija l-Kummissjoni li għandha tivverifika jekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża in kwistjoni, dan in-nuqqas ta’ ħlas kienx effettivament jagħti vantaġġ ta’ teżorerija lill-persuna kkonċernata.

    (ara l-punti 361, 363)

Top