Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2221

REACT-EU — Assistenza fl-irkupru għall-koeżjoni u għat-territorji tal-Ewropa

REACT-EU — Assistenza fl-irkupru għall-koeżjoni u għat-territorji tal-Ewropa

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) 2020/2221 dwar riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 (ara s-sommarju) u jistabbilixxi r-regoli għall-allokazzjoni ta’ EUR 47.5 biljun mill-programm ta’ assistenza fl-irkupru għall-koeżjoni u għat-territorji tal-Ewropa (REACT-EU) biex jgħin lill-Istati Membri tal-UE u lir-reġjuni l-aktar milquta mill-pandemija tal-COVID-19.
  • Il-finanzjament huwa maħsub biex itaffi l-konsegwenzi ekonomiċi u soċjali tal-pandemija u biex iħejji Unjoni Ewropea (UE) ekoloġika, diġitali u reżiljenti.

PUNTI EWLENIN

Allokazzjoni

  • L-allokazzjoni ta’ EUR 47.5 biljun (bi prezzijiet tal-2018) tinkludi EUR 18-il miljun f’appoġġ amministrattiv (0.35 % tat-total) u hija distribwita kif ġej:
    • 2021: EUR 37.5 biljun
    • 2022: EUR 10 biljun.
  • Is-sehem ta’ kull Stat Membru tar-riżorsi ta’ REACT-EU huwa bbażat fuq il-prosperità relattiva tiegħu u l-effetti soċjoekonomiċi tal-COVID-19. Il-kriterji ponderati użati huma l-prodott domestiku gross, il-qgħad u l-qgħad fost iż-żgħażagħ.
  • Sabiex jiġi żgurat li r-riżorsi addizzjonali taħt REACT-EU jilħqu r-reġjuni u l-muniċipalitajiet l-aktar affettwati mill-pandemija tal-COVID-19, ir-rispett tal-prinċipju tas-sħubija fid-distribuzzjoni tar-riżorsi addizzjonali huwa ta’ importanza kbira.
  • Ir-riżorsi jistgħu jitqassmu mill-Istati Membri bil-flessibbiltà massima fi ħdan il-programmi operazzjonali appoġġati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali skont ir-Regolament (UE) 2021/1058 (ara s-sommarju), il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) skont ir-Regolament (UE) 2021/1057 (ara s-sommarju), il-Fond Ewropew għal Għajnuna għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn skont ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 (ara s-sommarju) u l-inizjattiva favur l-impjieg taż-żgħażagħ.

L-attivitajiet huma eliġibbli mill-1 ta’ Frar 2020. Il-finanzjament jista’ jintuża sa tmiem l-2023.

L-użu tar-riżorsi

Ir-riżorsi tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali se jappoġġaw primarjament:

  • l-investiment fis-servizzi tas-saħħa;
  • il-kapital operatorju u l-finanzjament għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju;
  • it-tranżizzjoni lejn ekonomija diġitali u ekoloġika, infrastruttura li tipprovdi servizzi bażiċi liċ-ċittadini, jew miżuri ekonomiċi għal reġjuni l-aktar dipendenti fuq setturi milquta mill-kriżi bħat-turiżmu, il-kultura u l-ospitalità.

Ir-riżorsi tal-FSE se jappoġġaw primarjament:

  • iż-żamma tal-impjiegi, permezz ta’ skemi ta’ xogħol b’ħinijiet iqsar u għajnuna għal dawk li jaħdmu għal rashom
  • il-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għall-impjiegi taż-żgħażagħ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-persuni f’sitwazzjonijiet vulnerabbli
  • aċċess akbar għas-servizzi soċjali, inkluż għat-tfal, għall-anzjani, għall-persuni b’diżabilità, għall-minoranzi etniċi u għall-persuni mingħajr dar.

Implimentazzjoni

Il-kundizzjonijiet flessibbli:

  • ma jeħtiġux kofinanzjament nazzjonali, li jippermetti lill-UE tipprovdi appoġġ ta’ 100 % jekk Stat Membru jkun jixtieq hekk;
  • jippermettu livell għoli (11 %) ta’ prefinanzjament inizjali biex jiġu evitati problemi ta’ likwidità inizjali;
  • jippermettu li l-finanzjament jintefaq fi kwalunkwe kategorija ta’ reġjun, flimkien ma’ trasferimenti bejn il-fondi reġjonali u soċjali matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni;
  • jippermettu 6 % tal-finanzjament totali biex jiġu appoġġati l-programmi ta’ kooperazzjoni transfruntiera eżistenti.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-29 ta’ Diċembru 2020.

SFOND

  • REACT-EU hija waħda mill-akbar inizjattivi taħt l-inizjattiva NextGenerationEU. Il-finanzjament huwa addizzjonali għall-programmi tal-2014-2020 u l-finanzjament ta’ koeżjoni tal-2021–2027.
  • Dan għandu l-għan li jnaqqas id-distakk bejn ir-reazzjoni immedjata għal emerġenza għall-pandemija tal-COVID-19 u l-irkupru ekonomiku u soċjali fit-tul tal-UE.
  • Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2020/2221 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 fir-rigward ta’ riżorsi addizzjonali u arranġamenti ta’ implimentazzjoni biex jipprovdi assistenza għat-trawwim ta’ miżuri li jsewwu d-dannu kkawżat mill-kriżi fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 u l-konsegwenzi soċjali tagħha u għat-tħejjija ta’ rkupru ekoloġiku, diġitali u reżiljenti tal-ekonomija (REACT-EU) (ĠU L 437, 28.12.2020, pp. 30–42)

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/1057tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Fond Soċjali Ewropew Plus (FSE+) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1296/2013 (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 21–59)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/1057 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament (UE) 2021/1058 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond ta’ Koeżjoni (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 60–93)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2021/1060 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ġunju 2021 li jistipula dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġustau l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akwakultura u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil u l-Migrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżig (ĠU L 231, 30.6.2021, pp. 159–706)

Ir-Regolament (UE) Nru 223/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2014 dwar il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (ĠU L 72, 12.3.2014, pp. 1–41)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta’ Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 320–469)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.10.2021

Fuq