Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52015XG0121(01)

    L-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili

    L-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili

    Il-kriżi ekonomika u soċjali li kkaratterizzat lill-Unjoni Ewropea (UE) sa mill-2008 kienet partikolarment iebsa fuq iż-żgħażagħ Ewropej. F’dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jenfasizza modi kif iż-żgħażagħ Ewropej jistgħu jitreġġgħu lura fid-direzzjoni t-tajba.

    ATT

    Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għad-drittijiet sabiex jitrawmu l-awtonomija u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà ċivili (ĠU C 18 tal-21.1.2015, p. 1-4).

    SOMMARJU

    Il-kriżi ekonomika u soċjali li kkaratterizzat lill-Unjoni Ewropea (UE) sa mill-2008 kienet partikolarment iebsa fuq iż-żgħażagħ Ewropej. F’dawn il-konklużjonijiet, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jenfasizza modi kif iż-żgħażagħ Ewropej jistgħu jitreġġgħu lura fid-direzzjoni t-tajba.

    X’JAGĦMLU DAWN IL-KONKLUŻJONIJIET TAL-KUNSILL?

    Huma jenfasizzaw l-importanza tas-sostenn għall-awtonomija taż-żgħażagħ u l-involviment tagħhom fis-soċjetà ċivili. Huma jistiednu wkoll lill-pajjiżi tal-UE, lill-Kummissjoni Ewropea u lill-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ sabiex jinkoraġġixxu, jappoġġjaw u jesploraw miżuri li jgħinu sabiex jiffaċilitaw l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni akbar taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili.

    PUNTI EWLENIN

    Il-pajjiżi tal-UE huma mistiedna sabiex:

    • jidentifikaw l-ostakoli għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja soċjali u politika u jikkunsidraw kif jistgħu jindirizzaw dawn l-ostakoli;
    • ifittxu modi kif jagħtu aċċess liż-żgħażagħ għal impjiegi ta’ kwalità u għall-protezzjoni soċjali;
    • jippromwovu l-opportunitajiet indaqs u l-ugwaljanza bejn is-sessi għaż-żgħażagħ;
    • jipprevjenu t-tluq mill-iskola qabel iż-żmien;
    • jikkunsidraw il-promozzjoni ta’ skemi tal-akkomodazzjoni soċjali;
    • jappoġġjaw l-iżvilupp ta’ servizzi ta’ informazzjoni favorevoli għaż-żgħażagħ.

    Il-pajjiżi tal-UE, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea, jintalbu sabiex:

    • ikomplu jappoġġjaw il-politiki dwar iż-żgħażagħ u l-ħidma fost iż-żgħażagħ (ħidma mwettqa maż-żgħażagħ, miż-żgħażagħ u għaż-żgħażagħ);
    • jippromwovu l-prinċipju tal-awtonomija u tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ bħala kwistjoni ewlenija fl-istrateġiji soċjali u ekonomiċi tal-UE;
    • jużaw l-opportunitajiet eżistenti fil-programm Erasmus+;
    • jiżguraw l-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Ħidma tal-UE għaż-Żgħażagħ;
    • jistabbilixxu skambji ta’ prattika tajba dwar l-awtonomija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili.

    L-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ huma mistiedna sabiex:

    • jieħdu dak kollu li jistgħu minn Erasmus+ sabiex jgħammru liż-żgħażagħ b’ħiliet li jappoġġjaw l-awtonomija tagħhom u rwol attiv fis-soċjetà;
    • jgħarrfu liż-żgħażagħ dwar id-drittijiet tagħhom.

    Il-Kummissjoni Ewropea tintalab sabiex:

    • tanalizza s-sitwazzjoni u l-ostakoli ffaċċjati miż-żgħażagħ;
    • issaħħaħ l-approċċ trans-settorjali għall-politika dwar iż-żgħażagħ;
    • tqajjem kuxjenza dwar l-awtonomija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fis-soċjetà ċivili permezz tal-Portal Ewropew għaż-Żgħażagħ;
    • tipproponi miżuri li jinkoraġġixxu liż-żgħażagħ jinvolvu ruħhom fil-ħajja demokratika fl-Ewropa.

    TERMINI EWLENIN

    Parteċipazzjoni ċivili tirreferi għall-proċess tal-ħidma sabiex isir titjib fil-ħajja pubblika tal-komunitajiet permezz tal-iżvilupp tal-għarfien, tal-ħiliet, tal-valuri u tal-motivazzjoni sabiex jinkiseb dak it-titjib.

    Għal aktar tagħrif, ara:

    l-aħħar aġġornament 19.06.2015

    Fuq