EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52017DC0358

Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

Riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Dokument ta’ riflessjoni (COM(2017) 358 final) dwar il-futur tal-finanzi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TA’ DAN ID-DOKUMENT TA’ RIFLESSJONI?

L-UE taffaċċja ħafna sfidi importanti bħall-immigrazzjoni, is-sigurtà interna u esterna u d-difiża, kif ukoll li tipprova żżomm ir-rwol globali tagħha bħala donatur prinċipali ta’ għajnuna umanitarja u għall-iżvilupp u bħala parteċipant ewlieni fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Sabiex tegħleb dawn l-isfidi, jeħtieġ li hi tikkunsidra l-finanzjament futur tagħha u ssib modi kif tagħmel dak li tista’ b’kull euro. Dawn it-talbiet li jikkompetu wkoll jeħtieġ li jitqiesu fil-kuntest ta’ baġit li se jitnaqqas wara l-Brexit.

F’nofs il-qafas finanzjarju pluriennali attwali, li jibqa’ għaddej sal-2020, dan id-dokument ta’ riflessjoni tal-Kummissjoni Ewropea jikkostitiwixxi l-aħħar dokument minn serje ta’ 5 dokumenti dwar kwistjonijiet li huma ċentrali għad-dibattitu li tnieda fl-1 ta’ Marzu 2017 mill-White Paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa.

PUNTI EWLENIN

Struttura

Dan id-dokument jinqasam f’5 kapitoli.

  • 1.

    Il-Finanzjament tal-integrazzjoni Ewropea: l-evoluzzjoni tal-finanzi tal-UE — dan il-kapitlu jħares lejn l-iżvilupp tal-baġit matul is-snin peress li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompetenzi tal-UE twessa’ u l-għadd ta’ pajjiżi membri kiber. Hu jiġbed l-attenzjoni dwar kif il-baġit tal-UE jibqa’ parti żgħira tan-nefqa pubblika totali fl-UE, u jammonta għal inqas minn 1% tal-introjtu tal-UE u madwar 2% biss tan-nefqa pubblika tal-UE. Dan is-sehem naqas maż-żmien, filwaqt li poġġa aktar pressjoni fuq il-baġit tal-UE biex ikun aktar effiċjenti, biex jiffoka fuq l-oqsma fejn l-impatt tiegħu huwa l-akbar u biex jiżgura li r-regoli tiegħu ma jostakolawx ir-riżultati.

  • 2.

    Il-valur miżjud tal-finanzi tal-UE: Il-valur miżjud Ewropew huwa dwar l-ilħuq tal-għanijiet stabbiliti fit-trattati iżda anki dwar baġit li jipprovdi beni pubbliċi ta’ dimensjoni Ewropea jew jgħin biex jitħarsu l-libertajiet bażiċi, is-suq uniku jew l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Il-valur miżjud Ewropea huwa konsistenti wkoll mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u tal-proporzjonalità u jeħtieġ li l-azzjoni tal-UE tkun addizzjonali jew komplementari għall-isforzi nazzjonali jew reġjonali, iżda m’għandhiex tkun sostitut għal lakuni fil-politiki nazzjonali.

  • 3.

    Xejriet u sfidi: xejriet attwali li se jibqgħu rilevanti għal żmien twil jinkludu r-rivoluzzjoni diġitali, il-globalizzazzjoni, it-tibdil demografiku, il-konverġenza ekonomika u t-tibdil fil-klima. Fl-istess ħin, iċ-ċittadini Ewropej qegħdin ifittxu l-prosperità, l-istabbiltà u s-sigurtà f’dinja li qed tinbidel malajr, u sfidi oħrajn mhux mistennija li jistgħu jitfaċċaw fil-futur m’għandhomx jiġu esklużi. Dan il-kapitolu jħares lejn kif l-infiq tal-UE jissodisfa l-prijoritajiet tagħha u lejn l-ispazju li jista’ jkun hemm għat-titjib.

  • 4.
    Opzjonijiet għall-ġejjieni tal-finanzi tal-UE: it-tfassil tal-baġit tal-ġejjieni għandu jkun sostnut minn viżjoni ċara tal-prijoritajiet tal-UE. S’issa, il-prijoritajiet il-ġodda ġew imfasslin skont il-qafas finanzarju attwali billi l-flessibbiltajiet eżistenti ġew imbuttati sal-limiti tagħhom. Din mhijiex opzjoni fil-ġejjieni. Id-daqs, l-istruttura u l-kontenut tal-baġit jinħtieġ li jkunu jaqblu mal-ambizzjoni politika tal-UE. Il-kapitlu jħares lejn:
    • dak li għalih għandu jintuża l-baġit tal-UE;
    • kif għandu jiġi ffinanzjat il-baġit;
    • kif xi politiki ewlenin għandhom ikunu riformati; u
    • kif il-baġit innifsu għandu jkun strutturat u organizzat.
  • 5.
    Xenarji possibbli għall-EU27: dan il-kapitlu jirrifletti — f’termini baġitarji — il-ħames xenarji għall-mudell tal-ġejjieni tal-UE li ġie ppreżentat fil-White Paper:
    • inkomplu għaddejjin kif għaddejjin bħalissa;
    • nagħmlu inqas flimkien — li primarjament jiffoka fuq is-suq uniku;
    • xi pajjiżi tal-UE jagħmlu iżjed — varjant tal-Ewropa “b’aktar minn veloċità waħda”;
    • tfassil radikali mill-ġdid — b’inqas oqsma ta’ politika iżda b’integrazzjoni aktar fil-fond u aktar effiċjenti;
    • flimkien isir ferm aktar.

SFOND

Il-White Paper dwar il-futur tal-Ewropa u d-dokumenti ta’ riflessjoni ta’ appoġġ dwar is-suġġetti ewlenin issa ser jiġu diskussi mill-istituzzjonijiet tal-UE u fil-pajjiżi tal-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Dokument ta’ riflessjoni dwar il-futur tal-finanzi tal-UE (COM(2017) 358 final, 28.6.2017)

DOKUMENTI RELATATI

White paper dwar il-ġejjieni tal-Ewropa — Riflessjonijiet u xenarji għall-UE27 sal-2025 (COM(2017) 2025 final, 1.3.2017)

l-aħħar aġġornament 31.10.2017

Fuq