EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 52013DC0654

It-teknoloġija u riżorsi edukattivi miftuħa biex niffurmaw mill-ġdid l-edukazzjoni tal-UE

It-teknoloġija u riżorsi edukattivi miftuħa biex niffurmaw mill-ġdid l-edukazzjoni tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Komunikazzjoni (COM(2013) 654 final) intitolata Niftħu l-Edukazzjoni: tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħa

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI?

  • Din il-komunikazzjoni għandha l-għan li tistimola modi ta’ taħriġ u tagħlim ta’ kwalità għolja u innovattivi bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda u kontenut diġitali.
  • Tippreżenta strateġiji għal ambjenti ta’ tagħlim miftuħ* biex tiġi pprovduta edukazzjoni ta’ kwalità għolja. Din tikkontribwixxi għall-miri tal-Ewropa 2020 fir-rigward tat-tisħiħ tal-kompetittività u t-tkabbir tal-UE permezz ta’ forza ta’ xogħol imħarrġa u żieda fl-impjiegi.

PUNTI EWLENIN

  • Għalkemm il-pajjiżi tal-UE huma responsabbli għall-kwistjonijiet edukattivi, l-UE tappoġġja l-ħidma tagħhom billi:
    • tippromwovi u taqsam l-aħjar prattika;
    • tappoġġja l-qsim tal-informazzjoni;
    • u tipprovdi benefiċċji permezz ta’ ekonomiji ta’ skala u tiskambja u tuża l-informazzjoni bejn il-fruntieri;
    • tappoġġja l-użu u d-disponibbiltà tat-teknoloġija u l-kontenut diġitali permezz ta’ appoġġ finanzjarju, sħubijiet pubbliċi-privati u rakkomandazzjonijiet.
  • l-edukazzjoni tal-UE mhijiex tlaħħaq mal-pass tas-soċjetà u l-ekonomija diġitali u t-teknoloġija tipprovdi l-opportunità biex jiżdiedu l-effiċjenza u l-ekwità fl-edukazzjoni.
  • L-Erasmus+, l-Orizzont 2020 u programmi oħra ta’ finanzjament tal-UE jipprovdu inċentivi u kundizzjonijiet li jħeġġu sħubijiet u proġetti, b’mod partikolari sabiex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet li ġejjin.
    • Ambjenti ta’ tagħlim miftuħ — opportunitajiet ta’ innovazzjoni:
      • l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ jeħtieġ li jirrevedu l-istrateġiji organizzattivi tagħhom biex jistimulaw prattiki innovattivi ta’ tagħlim;
      • l-għalliema għandhom ikunu kapaċi jiksbu kompetenzi pedagoġiċi diġitali għoljin, pereżempju permezz ta’ komunitajiet tal-prattika b’saħħithom u għandhom jiġu ppremjati għal metodi ġodda ta’ tagħlim;
      • l-istudenti jistennew li jiksbu ħiliet u kompetenzi diġitali u l-ħiliet tagħhom ikunu ċċertifikati u rikonoxxuti faċilment għal iktar taħriġ jew xogħol.
    • Riżorsi edukattivi miftuħin* — opportunitajiet biex l-għarfien miftuħ jintuża għal titjib fil-kwalità u l-aċċess:
      • riżorsi edukattivi miftuħin ta’ kwalità għolja għandhom isiru aktar viżibbli u disponibbli għaċ-ċittadini kollha;
      • il-kwistjonijiet tad-drittijiet tal-awtur għandhom ikunu aktar trasparenti bejn il-fruntieri.
    • Konnettività u innovazzjoni — sħubijiet għal infrastrutturi, prodotti u servizzi ġodda, u l-iskambju u l-użu tal-informazzjoni:
      • ċerti pajjiżi tal-UE għad għandhom bżonn ta’ infrastruttura tal-konnessjoni tal-internet aħjar. Standards miftuħin tal-kompatibbiltà jistgħu jressqu l-ekonomiji ta’ skala fl-apps u l-kontenut diġitali sabiex is-suq tal-edukazzjoni diġitali tal-UE jkun jista’ jikber.
    • Sforz kollettiv biex jinħatfu l-opportunitajiet tar-rivoluzzjoni diġitali:
      • jinħtieġ approċċ integrat sabiex jinħatfu aħjar l-opportunitajiet li ġejjin, jiġifieri l-iżgurar tal-aċċess għall-kontenut diġitali, għall-informazzjoni u għall-infrastruttura tat-teknoloġija tal-komunikazzjonijiet, il-livell it-tajjeb ta’ ħiliet diġitali u għall-istrateġiji organizzativi tajbin jista’ jiġġenera offerta edukattiva li kapaċi żżomm l-innovazzjoni.

Il-komunikazzjoni tipproponi azzjonijiet fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, inkluż:

  • l-għajnuna lill-istituzzjonijiet tat-tagħlim, lill-għalliema u lill-istudenti biex jiksbu ħiliet u metodi ta’ tagħlim diġitali;
  • l-appoġġ lill-iżvilupp u d-disponibibiltà ta’ riżorsi edukattivi miftuħin, b’mod partikolari permezz ta’ rekwiżit ta’ aċċess miftuħ għall-Erasmus+;
  • il-konnessjoni tal-klassijiet bl-użu ta’ tagħmir u kontenut diġitali;
  • il-mobilizzazzjoni tal-għalliema, l-istudenti, il-familji, l-isħab ekonomiċi u soċjali biex jibdlu r-rwol tat-teknoloġiji diġitali fl-istituzzjonijiet edukattivi.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Ambjenti ta’ tagħlim miftuħ: ambjenti bbażati fuq tagħlim li jirregola lilu nnifsu. Din għandha l-għan li toħloq studenti responsabbli u li jaħsbu, li huma kapaċi jippjanaw il-proċess tat-tagħlim tagħhom b’mod inidependenti, ifittxu r-riżorsi u mbagħad jirriflettu dwar il-proċess u l-progress.
Riżorsi edukattivi miftuħin (OER): aċċessibbli liberalment għall-utent bil-permess tad-detentur. Dawn jistgħu jkunu test, midja u assi diġitali oħrajn użati għat-tagħlim, il-valutazzjoni u r-riċerka.

DOKUMENT EWLIENI

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Niftħu l-Edukazzjoni: Tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ Teknoloġiji ġodda u Riżorsi Edukattivi Miftuħa (COM(2013) 654 final, 25.9.2013)

DOKUMENTI RELATATI

Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni — Analiżi u mmappjar tat-tagħlim innovattiv għal kulħadd permezz ta’ teknoloġiji ġodda u riżorsi edukattivi miftuħin fl-Ewropa — Li jakkumpanja d-dokument ta’ komunikazzjoni “Il-Ftuħ tal-Edukazzjoni” (SWD(2013) 341 final, 25.9.2013) [verżjoni mhux uffiċjali]

l-aħħar aġġornament 24.08.2017

Fuq