Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R2092

    Il-protezzjoni tal-baġit tal-UE — l-istat tad-dritt

    Il-protezzjoni tal-baġit tal-UE — l-istat tad-dritt

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan għandu l-għan li jipproteġi l-baġit tal-Unjoni Ewropea (UE) u r-riżorsi tan-NextGenerationEU minn ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt* minn pajjiż tal-UE li jaffettwa b’mod negattiv il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew l-interessi finanzjarji tal-UE.
    • Abbażi tar-Regolament, il-pagamenti mill-baġit tal-UE jistgħu jiġu interrotti, imnaqqsa, itterminati jew sospiżi. Impenji ġodda jistgħu jiġu pprojbiti.

    PUNTI EWLENIN

    Ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt

    Għall-finijiet tar-Regolament, dawn li ġejjin jistgħu jindikaw ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt:

    • it-tqegħid f’periklu tal-indipendenza tal-ġudikatura;
    • in-nuqqas milli jiġu impediti, ikkoreġuti jew issanzjonati deċiżjonijiet arbitrarji jew illegali mill-awtoritajiet pubbliċi, inkluż mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, iż-żamma ta’ riżorsi finanzjarji u umani li taffettwa l-funzjonament tajjeb tagħhom jew in-nuqqas milli jiġi żgurat li ma jeżistux kunflitti ta’ interess;
    • il-limitazzjoni tad-disponibbiltà u tal-effikaċja tar-rimedji legali, inkluż permezz ta’ regoli proċedurali restrittivi u n-nuqqas ta’ implimentazzjoni ta’ sentenzi, jew il-limitazzjoni ta’ investigazzjoni, ta’ prosekuzzjoni jew ta’ sanzjonar effettiv ta’ ksur tal-liġi.

    Kundizzjonijiet għall-miżuri li għandhom jittieħdu

    Għandhom jittieħdu miżuri xierqa meta jiġi stabbilit li ksur tal-prinċipji tal-istat tad-dritt f’pajjiż tal-UE jaffettwa jew jirriskja serjament li jaffettwa l-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE b’mod suffiċjentement dirett. Dan jinkludi r-riżorsi allokati permezz tal-Istrument tal-UE għall-Irkupru skont ir-Regolament (UE) 2020/2094 (ara s-sommarju) imfassal biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19.

    Il-ksur jista’ jinvolvi wieħed jew aktar minn dawn li ġejjin:

    • il-funzjonament tajjeb ta’:
      • l-awtoritajiet li jimplimentaw il-baġit tal-UE, inkluż self garantit minnu, speċjalment għall-akkwist pubbliku jew l-għotjiet,
      • l-awtoritajiet li jwettqu kontroll finanzjarju, monitoraġġ u awditjar, ġestjoni finanzjarja effettiva u trasparenti u sistemi tal-kontabbiltà,
      • is-servizzi li jinvestigaw u li jipprosegwixxu l-frodi, inklużi l-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-baġit jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;
    • l-istħarriġ ġudizzjarju effettiv minn qrati indipendenti ta’ azzjonijiet jew ommissjonijiet mill-awtoritajiet fir-rigward ta’ dan ta’ hawn fuq;
    • il-prevenzjoni u s-sanzjonar ta’ frodi, inkluż il-frodi tat-taxxa, il-korruzzjoni jew ksur ieħor tad-dritt tal-Unjoni b’rabta mal-baġit jew mal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, u l-impożizzjoni ta’ penali effettivi u dissważivi;
    • l-irkupru ta’ fondi mħallsa indebitament;
    • il-kooperazzjoni mal-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF) u, fejn applikabbli, mal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE);
    • sitwazzjonijiet jew imġiba oħra ta’ awtoritajiet li huma rilevanti għall-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE.

    Miżuri għall-protezzjoni tal-baġit tal-UE

    Jekk il-kundizzjonijiet ta’ hawn fuq jiġu ssodisfati u entità governattiva tkun ir-riċevitur, l-UE tista’:

    • tissospendi l-pagamenti jew ittemm l-impenn legali;
    • tipprojbixxi kwalunkwe impenn legali ġdid;
    • tissospendi l-iżborż ta’ pagamenti parzjali jew ħlas lura bikri ta’ self garantit mill-baġit tal-UE;
    • tissospendi jew tnaqqas il-vantaġġ ekonomiku garantit mill-baġit tal-UE;
    • tipprojbixxi ftehimiet ġodda dwar self jew strumenti oħra garantiti mill-baġit tal-UE.

    Meta l-Kummissjoni Ewropea timplimenta l-baġit tal-UE b’mod konġunt mal-pajjiżi tal-UE, l-UE tista’:

    • tissospendi l-approvazzjonijiet tal-programmi;
    • tissospendi jew tnaqqas l-impenji, inkluż permezz ta’ korrezzjonijiet finanzjarji jew trasferimenti għal programmi ta’ nfiq oħra;
    • tnaqqas il-prefinanzjament;
    • tinterrompi l-iskadenzi tal-pagamenti;
    • tissospendi l-pagamenti.

    Il-miżuri meħuda għandhom ikunu proporzjonati. Dawn għandhom jiġu ddeterminati fid-dawl tal-impatt attwali jew potenzjali tal-ksur fuq il-ġestjoni finanzjarja tajba tal-baġit tal-UE jew tal-interessi finanzjarji tal-UE. Jitqiesu n-natura, id-durata, il-gravità u l-kamp ta’ applikazzjoni tal-ksur.

    Ir-Regolament jiżgura li l-benefiċjarji tal-fondi ma jiġux affettwati mill-adozzjoni tal-miżuri. Sakemm ma jkunx previst b’mod espliċitu, il-miżuri meħuda ma għandhomx jaffettwaw l-obbligi tal-pajjiżi tal-UE u b’mod partikolari l-obbligu tagħhom li jagħmlu pagamenti lir-riċevituri finali jew lill-benefiċjarji. Il-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tiżgura li dan l-obbligu jiġi rrispettat f’konformità mad-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-ġestjoni tal-fondi.

    Adozzjoni u tneħħija tal-miżuri

    Meta l-Kummissjoni ssib li l-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri huma ssodisfati u li l-pajjiż tal-UE kkonċernat ma jkunx indirizza s-sitwazzjoni, din għandha tippreżenta proposta għall-adozzjoni ta’ miżuri lill-Kunsill. Il-Kunsill għandu jiddeċiedi dwar il-proposta b’maġġoranza kwalifikata.

    Meta l-Kummissjoni tqis li l-kundizzjonijiet għat-teħid tal-miżuri ma għadhomx issodisfati, din se tippreżenta proposta lill-Kunsill biex jitneħħew il-miżuri.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    TERMINI EWLENIN

    L-istat tad-dritt: il-valur tal-UE, minqux fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ara s-sommarju), li jimplika proċess trasparenti, responsabbli, demokratiku u pluralistiku tat-tfassil tal-liġijiet; ċertezza tad-dritt; projbizzjoni tal-arbitraġġ tas-setgħat eżekuttivi; protezzjoni ġudizzjarja effettiva, inkluż l-aċċess għall-ġustizzja, minn qrati indipendenti u imparzjali, anke fir-rigward tad-drittijiet fundamentali; is-separazzjoni tas-setgħat; u n-nondiskriminazzjoni u l-ugwaljanza quddiem il-liġi.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni (ĠU L 433I, 22.12.2020, pp. 1-10)

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/2094 tal-14 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi Strument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru biex jappoġġa l-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19 (ĠU L 4331, 22.12.2020, pp. 23-27)

    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, pp. 1-71)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2017/1939 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, pp. 1-222)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea — Titolu VI — Ġustizzja — Artikolu 47 — Id-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 403)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — Is-Sitt Parti — Dispożizzjonijiet istituzzjonali u finanzjarji — Titolu II — Dispożizzjonijiet finanzjarji — Kapitolu 4 — L-implimentazzjoni tal-baġit u l-kwittanza — Artikolu 317 (ex Artikolu 274 TKE) (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 186)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 2 (ĠU C 202, 7.6.2016, p. 17)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea — Titolu I — Dispożizzjonijiet komuni — Artikolu 7 (ex Artikolu 7 TUE) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 19-20)

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937/UE tal-1 ta’ Diċembru 2009 li temenda r-Regoli ta’ Proċedura tiegħu (ĠU L 325, 11.12.2009, p. 35)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 04.03.2021

    Fuq