Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32016R1076

    Pajjiżi AKP — ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u arranġamenti għall-esportazzjoni

    Pajjiżi AKP — ftehimiet ta’ sħubija ekonomika u arranġamenti għall-esportazzjoni

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) 2016/1076 — arranġamenti għal prodotti li joriġinaw f’ċerti stati AKP

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    Dan jirrevedi u jissostitwixxi r-Regolament (KE) Nru 1528/2007 rigward l-arranġamenti għall-prodotti li joriġinaw f’ċerti pajjiżi Afrikani, Karibej u Paċifiċi (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika (FSE). B’mod speċifiku, jneħħi mill-għan ta’ dak ir-regolament dawk il-pajjiżi li ma ħadux il-passi meħtieġa lejn ir-ratifika tal-FSE mal-UE.

    PUNTI EWLENIN

    Kamp ta’ applikazzjoni

    • Ir-Regolament (UE) 2016/1076, kif emendat minn diversi atti delegati, japplika għal pajjiżi elenkati fl-Anness I* tiegħu.
    • Reġjuni jew pajjiżi mill-AKP li jieħdu passi biex jikkonkludu FSE mal-UE li jissodisfaw ċerti kriterji, jistgħu jiżdiedu mal-lista.
    • Pajjiżi li ma ħadux il-passi meħtieġa biex jirratifikaw l-FSE tagħhom kif konkluż mal-UE (u li tneħħew mill-ambitu ta’ dan ir-regolament) jistgħu jiżdiedu mal-lista jekk jieħdu dawk il-passi.
    • Pajjiżi fil-lista jistgħu jitneħħew mil-lista jekk il-Kummissjoni Ewropea ssib li ma jiħdux passi biex jirratifikaw il-ftehim tagħhom, jekk id-dħul fis-seħħ jiġi ttardjat għalxejn jew jekk il-ftehim jitwaqqaf.

    Aċċess għas-suq

    • Il-preferenzi kummerċjali se jkomplu jingħataw lil dawn il-pajjiżi mill-1 ta’ Jannar 2008.
    • Il-pajjiżi elenkati jingħataw aċċess bla dazju, u bla kwoti (bl-eċċezzjoni ta’ armi u munizzjon) għas-suq tal-UE.

    Miżuri ta’ salagwardja

    Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta fejn prodotti li joriġinaw minn wieħed mir-reġjuni jew mill-pajjiżi elenkati jiġu impurtati fl-Unjoni b’tant żieda fil-kwantitajiet u b’tali mod li jwasslu jew jheddu li jwasslu għal:

    • dannu serju lill-industrija tal-UE;
    • tfixkil f’settur tal-ekonomija, partikolarment fejn dak it-tfixkil iġib diffikultajiet jew problemi soċjali ewlenin li jistgħu jwasslu biex il-qagħda ekonomika tal-UE tiddeterjora serjament; jew
    • tfixkil fis-swieq tal-prodotti agrikoli;
    • tfixkil fil-qagħda ekonomika ta’ wieħed jew aktar mir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

    Miżuri li jistgħu jittieħdu għall-prodott ikkonċernat jinkludu:

    • sospensjoni tar-rata mnaqqsa ulterjorment ta’ dazju ta’ importazzjoni li joriġina fir-reġjun jew stat ikkonċernat;
    • żieda fid-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx id-dazju doganali applikat għal membri oħrajn tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ;
    • kwota tariffarja.

    Miżuri bħal dawn ma jistgħux idumu aktar minn 4 snin.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mit-28 ta’ Lulju 2016. Ir-Regolament (UE) 2016/1076 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 1528/2007 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Il-pajjiżi AKP fl-Anness I: Antigwa u Barbuda, il-Commonwealth tal-Bahamas, Barbados, il-Belize, ir-Repubblika tal-Botswana, ir-Repubblika tal-Kamerun, l-Unjoni ta’ Comoros, ir-Repubblika tal-Kosta tal-Avorju, il-Commonwealth ta’ Dominica, ir-Repubblika Dominicana, ir-Repubblika ta’ Fiġi, ir-Repubblika tal-Ghana, Grenada, ir-Repubblika Kooperattiva tal-Guyana, il-Ġamajka, Ir-Repubblika tal-Kenja, ir-Renju tal-Lesoto, ir-Repubblika ta’ Madagascar, ir-Repubblika ta’ Mauritius, ir-Repubblika tal-Mozambique, ir-Repubblika tan-Namibja, l-Istat Indipendenti ta’ Papua New Guinea, il-Federazzjoni ta’ Saint Kitts u Nevis, Saint Lucia, Saint Vincent u l-Grenadini, l-Istat Indipendenti ta’ Samoa, ir-Repubblika tas-Seychelles, il-Gżejjer Solomon, ir-Repubblika tas-Suriname, ir-Renju tal-Eswatini, ir-Repubblika ta’ Trinidad u Tobago, ir-Repubblika taż-Żimbabwe.

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (UE) 2016/1076 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 li japplika l-arranġamenti għal prodotti li joriġinaw f’ċerti Stati li huma parti mill-Grupp ta’ Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) previsti fi ftehimiet li jistabbilixxu, jew li jwasslu biex jiġu stabbiliti, ftehimiet ta’ sħubija ekonomika (riformulazzjoni) (ĠU L 185, 8.7.2016, pp. 1-191)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2016/1076 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha biss valur dokumentarju.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (kodifikazzjoni) (ĠU L 176, 30.6.2016,, pp. 21-54)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (UE) 2015/478 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet (kodifikazzjoni) (ĠU L 83, 27.3.2015, pp. 16-33)

    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Ir-Regolament (KE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (ĠU L 269, 10.10.2013, pp. 1-101)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Ftehim ta’ Partenarjat Ekonomiku (KUMM(2007) 635 finali, 23.10.2007)

    l-aħħar aġġornament 13.08.2020

    Fuq