Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32015R0936

    Importazzjonijiet ta’ prodotti tessili minn pajjiżi terzi

    Importazzjonijiet ta’ prodotti tessili minn pajjiżi terzi

     

    SOMMARJU TA’:

    Regolament (UE) 2015/936 — importazzjoni ta’ prodotti tessili minn għadd ta’ pajjiżi terzi mhux koperti minn ftehim bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli speċifiċi ta’ importazzjoni

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    Huwa jistabbilixxi regoli dwar l-importazzjoni ta’ diversi tipi ta’ tessuti minn ċerti pajjiżi terzi li mhumiex koperti minn ftehimiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli oħra speċifiċi tal-UE dwar l-importazzjoni, jiġifieri l-Korea ta’ Fuq.

    Huwa jintroduċi wkoll sistema ta’ sorveljanza applikabbli għal importazzjonijiet ta’ prodotti tessili li joriġinaw f’pajjiżi terzi, minbarra l-Korea ta’ Fuq.

    Huwa jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 517/94.

    PUNTI EWLENIN

    Il-leġiżlazzjoni:

    • tikkonferma li t-tessuti mill-pajjiżi terzi kollha ħlief mir-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea jistgħu jiġu importati mingħajr ebda restrizzjoni fuq l-ammonti involuti;
    • tistabbilixxi limiti massimi fuq importazzjonijiet ta’ kategoriji differenti ta’ tessuti mill-Korea ta’ Fuq — il-livelli huma bbażati fuq flussi kummerċjali preċedenti jew stmati;
    • kienet emendata mir-Regolament (UE) 2017/354, li jirrikonoxxi l-iżviluppi politiċi pożittivi fir-relazzjonijiet bejn l-UE u r-Repubblika tal-Belarussja u għandu l-għan li jikkontribwixxi għal iktar titjib fir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Belarussja — l-UE tista’ tirrikorri sabiex tintroduċi kwoti ġodda fil-futur jekk is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-Belarussja tiddeterjora serjament.

    Il-pajjiżi tal-UE għandhom jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 30 jum minn meta l-volum tat-tessuti jiġi importat ix-xahar ta’ qabel mill-Korea ta’ Fuq u jipprovdu data annwali sal-31 ta’ Marzu ta’ kull sena.

    Il-Kummissjoni:

    • tinvestiga, jekk tikkunsidra li hemm kawża ġusta, il-volum ta’ importazzjonijiet li jseħħu;
    • tittratta l-informazzjoni kollha li tirċievi b’mod kunfidenzjali;
    • tissottometti r-rapport tagħha lill-Kumitat tat-Tessuti li jgħinha timplimenta l-leġiżlazzjoni;
    • timmonitorja l-importazzjonijiet jekk tqis li l-volum tagħhom jista’ jikkawża dannu lill-produtturi tal-UE;
    • tissuġġetta l-importazzjonijiet għal kundizzjonijiet speċjali, bħal li teħtieġu dokument ta’ sorveljanza; u
    • tintroduċi miżuri ta’ salvagwardja jekk l-importazzjonijiet jikkawżaw ħsara serja jew joħolqu theddida reali għall-manifatturi Ewropej.

    Il-Kummissjoni tista’ tadotta atti delegati* u ta’ implimentazzjoni*.

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/2148:

    • jistabbilixxi l-kwantitajiet ta’ tessuti li jistgħu jiġu importati mill-Korea ta’ Fuq fl-2017;
    • jelenka l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull pajjiż tal-UE li jinfurmaw lill-Kummissjoni dwar it-talbiet għall-importazzjoni li jirċievu.

    MINN META JIBDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Huwa beda japplika mill-15 ta’ Lulju 2015. Ir-Regolament (UE) 2015/936 irreveda u ssostitwixxa r-Regolament (KE) Nru 517/94 (u l-emendi sussegwenti tiegħu).

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    TERMINI EWLENIN

    Atti delegati: dawn jippermettu lill-Kummissjoni tadotta atti ġenerali mhux leġiżlattivi sabiex tissupplimenta jew temenda elementi mhux essenzjali ta’ leġiżlazzjoni.
    Atti ta’ implimentazzjoni: dawn jippermettu lill-Kummissjoni tadotta regoli proċedurali li jippermettu l-implimentazzjoni ta’ leġiżlazzjoni, pereżempju skadenzi jew galvi.

    DOKUMENT EWLIENI

    Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2015 dwar ir-regoli komuni għall-importazzjonijiet tal-prodotti tat-tessuti minn ċerti pajjiżi terzi mhux koperti bi ftehimijiet bilaterali, protokolli jew arranġamenti oħra, jew minn regoli tal-importazzjoni speċifika tal-Komunità (riformulazzjoni) (ĠU L 160, 25.6.2015, p. 1-54)

    Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2015/936 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2148 tas-7 ta’ Diċembru 2016 li jistipula r-regoli għall-ġestjoni u d-distribuzzjoni tal-kwoti tat-tessuti stabbiliti għas-sena 2017 skont ir-Regolament (UE) 2015/936 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 333, 8.12.2016, p. 32-41)

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 22.11.2017

    Fuq