Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32011R0492

    Moviment liberu tal-ħaddiema

    Moviment liberu tal-ħaddiema

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-UE

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Huwa jaġġorna (u jikkodifika) leġiżlazzjoni preċedenti dwar il-kapaċità taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea li jivvjaġġaw liberament u li jgħixu f’pajjiżi ieħor tal-UE.
    • Huwa għandu l-għan ukoll li jiżgura li l-prinċipju tal-moviment liberu minqux fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jiġi rispettat fil-prattika.

    PUNTI EWLENIN

    • Il-moviment liberu tal-ħaddiema huwa ta’ benefiċċju għal individwi li jagħżlu li jaħdmu xi mkien ieħor fl-UE, kif ukoll għas-soċjetajiet li jilqgħuhom. Huwa jippermetti li dawk tal-ewwel jeżerċitaw id-dritt tagħhom tal-moviment liberu u li jtejbu s-sitwazzjoni personali u professjonali tagħhom, u li dawk tal-aħħar jimlew postijiet vakanti u nuqqasijiet ta’ ħiliet.
    • Bħalma xi ħadd li jgħix f’pajjiż tal-UE partikolari għandu dritt li jsib xogħol imħallas f’pajjiż ieħor, hekk ukoll l-impjegaturi jistgħu jirreklamaw postijiet vakanti u jiffirmaw kuntratti ma’ impjegati potenzjali minn madwar l-UE.
    • Il-leġiżlazzjoni tikkodifika u tissostitwixxi r-Regolament (KEE) Nru 1612/68, li ġie emendat b’mod sostanzjali bosta drabi. Din tiżgura li s-sistema taħdem mingħajr xkiel billi ma jippermettix forom ta’ diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza fost il-ħaddiema tal-UE.
    • B’mod partikolari, hija tipprojbixxi:
      • proċeduri ta’ reklutaġġ separati għal barranin; u
      • limiti fuq ir-reklamar ta’ postijiet vakanti jew l-impożizzjoni ta’ kundizzjonijiet speċifiċi bħal reġistrazzjoni ma’ uffiċċji ta’ impjiegi għal persuni li jiġu minn pajjiż ieħor tal-UE.
    • B’mod simili, huwa illegali li wieħed jiddiskrimina bejn ħaddiema nazzjonali u ħaddiema oħra tal-UE fir-rigward ta’ termini ta’ impjieg u ta’ xogħol li jkopru:
      • l-aċċess għall-impjieg, inkluża l-assistenza mogħtija mill-uffiċċji tal-impjieg lill-persuni li jkunu qed ifittxu impjieg;
      • il-kundizzjonijiet tax-xogħol, inklużi l-paga, is-sensja, ir-reintegrazzjoni jew ir-reklutaġġ mill-ġdid;
      • l-aċċess għat-taħriġ, inkluż fi skejjel vokazzjonali u f’ċentri ta’ taħriġ mill-ġdid.
    • L-istess prinċipju tal-aċċess għal skemi edukattivi, ta’ apprendistat u ta’ taħriġ vokazzjonali japplika għat-tfal ta’ persuna li tkun qed tgħix jew taħdem f’pajjiżi ieħor tal-UE.
    • Il-leġiżlazzjoni tkopri ċerti drittijiet soċjali. Ħaddiem li jkun qed jaħdem f’pajjiżi ieħor tal-UE huwa intitolat għall-istess benefiċċji soċjali u fiskali bħal ċittadini tal-pajjiżi tal-UE ospitanti. Huwa għandu wkoll id-dritt għal benefiċċji ta’ akkomodazzjoni fl-istess kundizzjonijiet bħaċ-ċittadini, u jista’ jirreġistra lilu nnifsu fuq lista ta’ akkomodazzjoni, fejn dawn jeżistu, fiż-żona fejn ikun qed jaħdem.
    • Il-leġiżlazzjoni tkopri wkoll it-trattament indaqs fir-rigward tas-sħubija fi trade unions u l-eżerċitar ta’ drittijiet relatati, bħad-dritt tal-vot u l-eliġibbiltà għal karigi amministrattivi jew maniġerjali fi trade union.
    • Jista’ jkun meħtieġ ċertu livell ta’ għarfien tal-lingwi għal impjieg, iżda kwalunkwe rekwiżit tal-lingwa jrid ikun raġonevoli u meħtieġ għall-impjieg inkwistjoni.
    • Il-leġiżlazzjoni tistabbilixxi Kumitat Konsultattiv magħmul minn 6 membri minn kull pajjiż tal-UE: 2 jirrappreżentaw lill-gvern, 2 lit-trade unions u 2 lill-assoċjazzjonijiet tal-impjegaturi. Dan il-kumitat jgħin lill-Kummissjoni Ewropea fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-moviment liberu tal-ħaddiema. L-Awtorità Ewropea tax-Xogħol, stabbilita mir-Regolament (UE) 2019/1149 tipparteċipa fil-laqgħat tal-kumitat bħala osservatur, fejn tipprovdi input tekniku u għarfien espert.

    Eċċezzjoni waħda

    L-unika eċċezzjoni għall-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni tikkonċerna l-aċċess għal karigi li jinvolvu l-eżerċitar ta’ awtorità pubblika u dmirijiet maħsuba biex jissalvagwardjaw l-interessi ġenerali tal-istat. Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jirriservaw dawn il-karigi għaċ-ċittadini tagħhom stess.

    Ir-Regolament EURES

    • Fl-2016, ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 ġie emendat mir-Regolament (UE) 2016/589 dwar is-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES). B’riżultat ta’ dan, ir-regoli dwar l-iskambju ta’ informazzjoni dwar postijiet tax-xogħol vakanti, applikazzjonijiet għal xogħol u CVs madwar il-pajjiżi tal-UE issa jaqgħu fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament il-ġdid.

    MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mis-16 ta’ Ġunju 2011. Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 ikkodifika u ssostitwixxa r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u l-emendi sussegwenti tiegħu.

    SFOND

    Għal aktar informazzjoni, ara:

    DOKUMENTI PRINĊIPALI

    Ir-Regolament (UE) Nru 492/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni (kodifikazzjoni) (ĠU L 141, 27.5.2011, pp. 1-12)

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 492/2011 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2019/1149 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 li jistabbilixxi Awtorità Ewropea tax-Xogħol, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 883/2004, (UE) Nru 492/2011, u (UE) 2016/589 u li jħassar id-Deċiżjoni (UE) 2016/344 (ĠU L 186, 11.7.2019, pp. 21-56)

    Ir-Rapport Speċjali Nru 6/2018 — “Moviment Liberu tal-Ħaddiema — il-libertà fundamentali hija żgurata iżda orjentament aħjar tal-fondi tal-UE jkun ta’ għajnuna għall-mobbiltà tal-ħaddiema” (ĠU C 79, 2.3.2018, p. 17)

    Id-Direttiva 2014/54/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar miżuri li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet konferiti fuq ħaddiema fil-kuntest tal-moviment liberu tal-ħaddiema (ĠU L 128, 30.4.2014, pp. 8-14)

    Verżjoni konsolidata tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea — It-Tielet Parti: Politiki u azzjonijiet interni tal-Unjoni — Titolu IV: Moviment liberu ta’ persuni, servizzi u kapital — Kapitolu 1: Ħaddiema — Artikolu 45 (eks Artikolu 39 TEC) (ĠU C 202, 7.6.2016, pp. 65-66)

    l-aħħar aġġornament 21.04.2020

    Fuq