Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32006D0539

Il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali

Il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Antigwa tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika

Id-Deċiżjoni 2006/539/KE dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ Antigwa

X’INHU L-GĦAN TAL-KONVENZJONI U TAD-DEĊIŻJONI?

Il-konvenzjoni għandha l-għan li tiżgura l-konservazzjoni u s-sostenibbiltà fuq terminu twil tal-maniġment tat-tonn lill-ispeċi simili għat-tonn u speċi assoċjati u l-ekosistemi tagħhom fl-Oċean Paċifiku tal-lvant, imdawwar bil-kosta tat-Tramuntana, taċ-Ċentru u tan-Nofsinhar tal-Amerika, fil-limiti ġeografiċi stabbiliti fl-Artkolu 3.

Id-deċiżjoni tirratifika l-ftehim f’isem l-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar

  • Il-Konvenzjoni dwar il-Liġi tal-Baħar (ara s-sommarju) teħtieġ li l-firmatarji jikkooperaw biex jiżguraw il-konservazzjoni tat-tonn u l-ispeċi simili għat-tonn fil-kategorija tal-“ispeċi b’tendenza kbira li jpassu”.
  • Fl-Oċean Paċifiku tal-lvant, dan ir-rwol jitwettaq mill-Kummissjoni Inter-Amerikana tat-Tonn Tropikali (IATTC).

It-Tisħiħ tal-Kummissjoni

  • L-IATTC oriġinali, li nħoloq mill-Konvenzjoni ta’ Antigwa tal-1949 bejn l-Istati Uniti u l-Kosta Rika, kienet ikkonċernata biss mir-riċerka xjentifika, bl-għan ewlieni li tiġbor u tinterpreta l-fatti.
  • Din il-konvenzjoni tespandi r-rwol tal-IATTC b’mod sinifikanti u tistabbilixxiha bħala l-organizzazzjoni reġjonali għall-ġestjoni tas- sajd.
  • 21 pajjiż huma parti mill-konvenzjoni.

Kamp ta’ applikazzjoni

Il-konvenzjoni tkopri ż-żona tal-Oċean Paċifiku mdawwar mill-kosta tat-Tramuntana, taċ-Ċentru u tan-Nofsinhar tal-Amerika, fil-linji ġeografiċi stabbiliti fl-Artikolu 3.

Il-Kummissjoni

  • Il-Kummissjoni hija magħmula minn bejn wieħed u erba’ Kummissarji minn kull membru.
  • Il-laqgħat isiru mill-inqas darba fis-sena, iżda jistgħu jissejħu laqgħat straordinarji meta jitqies meħtieġ, b’deċiżjonijiet meħuda b’kunsens.
  • Il-kwartieri ġenerali tal-Kummissjoni għandhom jibqgħu f’San Diego, California, l-Istati Uniti.
  • Għandha għadd ta’ kompiti, li għalihom tingħata prijorità lit-tonn u lill-ispeċi li jixbhu lit-tonn. Dawn jinkludu:
    • il-promozzjoni, it-twettiq u l-koordinazzjoni tar-riċerka xjentifika dwar il-popolazzjonijiet rilevanti tal-ħut;
    • l-adozzjoni ta’ standards għall-ġbir, il-verifika, l-iskambju u r-rappurtar tad-data;
    • l-adozzjoni ta’ miżuri bbażati fuq l-aħjar evidenza xjentifika biex jiġu żgurati l-konservazzjoni fit-tul u l-użu sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut koperti mill-konvenzjoni, u biex il-popolazzjonijiet tal-ispeċi maħsuda jinżammu jew jiġu restawrati f’livelli ta’ abbundanza li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli;
    • l-adozzjoni ta’ miżuri xierqa biex jiġu evitati, imnaqqsa u mminimizzati l-iskart, ir-rimi, il-qbid b’irkaptu mitluf jew mormi u l-qbid ta’ speċi mhux fil-mira (kemm ħut kif ukoll speċi mhux tal-ħut);
    • l-adozzjoni ta’ miżuri għall-prevenzjoni jew l-eliminazzjoni ta’ sajd żejjed;
    • il-promozzjoni tal-użu ta’ rkaptu tas-sajd selettiv, sikur għall-ambjent u kosteffettiv.
  • Fit-twettiq ta’ din l-attività, il-Kummissjoni hija appoġġata minn persunal kwalifikat, inkluż f’oqsma amministrattivi, xjentifiċi u tekniċi, taħt is-superviżjoni tad-direttur.
  • Kumitat Xjentifiku Konsultattiv speċifiku huwa stabbilit biex jipprovdi pariri, rakkomandazzjonijiet u rapporti lill-Kummissjoni u lill-persunal xjentifiku tagħha.

Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, il-Kummissjoni għandha ssegwi l-prinċipju ta’ prekawzjoni, li jfisser li:

  • għandha tkun aktar kawta meta l-informazzjoni tkun inċerta, mhux affidabbli jew mhux adegwata;
  • in-nuqqas ta’ informazzjoni xjentifika m’għandiex tintuża bħala raġuni għal posponiment jew nuqqas li jittieħdu miżuri ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni;
  • fejn l-istatus tal-popolazzjonijiet fil-mira jew l-ispeċi mhux fil-mira jew assoċjati jew dipendenti huwa ta’ tħassib, tali popolazzjonijiet u speċi għandhom jiġu mmonitorjati b’mod aktar bir-reqqa, sabiex jiġi rivedut l-istatus tagħhom u l-effikaċja tal-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni.

Konformità

  • Kull parti għall-konvenzjoni għandha:
    • tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura l-implimentazzjoni ta’ u l-konformità mal-konvenzjoni u kull miżura ta’ konservazzjoni u amministrazzjoni adottata;
    • tiżgura li l-bastimenti li jtajru l-bandiera tagħha jikkonformaw mal-konvenzjoni u r-riżoluzzjonijiet adottati mill-Kummissjoni;
    • tiżgura li l-bastimenti li joperaw f’ibħra taħt il-ġurisdizzjoni nazzjonali tagħha jikkonformaw mal-konvenzjoni u l-miżuri adottati skont dan;
    • tawtorizza biss bastiment biex jistad fiż-żona definita jekk tkun tista’ teżerċita r-responsabbiltajiet tal-konvenzjoni tagħha fuq dak il-bastiment.
  • Jekk il-Kummissjoni tiddetermina li bastimenti li jistadu fiż-żona tal-konvenzjoni kienu involuti f’attivitajiet li jdgħajfu l-effettività ta’ jew inkella jiksru l-miżuri ta’ konservazzjoni u ġestjoni adottati mill-Kummissjoni, il-partijiet jistgħu jieħdu azzjoni biex jiskoraġġixxu tali bastimenti minn tali attivitajiet, sakemm tittieħed azzjoni xierqa mill-Istat tal-bandiera* li jiġi żgurat li tali bastimenti ma jkomplux dawk l-attivitajiet.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-27 ta’ Awwissu 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

L-istat tal-bandiera. (a) Stat li l-bastimenti tiegħu huma intitolati li jtajru l-bandiera tiegħu, jew

(b) organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika li fiha l-bastimenti huma intitolati jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru ta’ dik l-organizzazzjoni reġjonali ta’ integrazzjoni ekonomika.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Il-Konvenzjoni għat-tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni tal-1949 bejn l-Istati Uniti tal-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika (il-Konvenzjoni ta’ Antigwa) (ĠU L 224, 16.8.2006, pp. 24-42).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/539/KE tat-22 ta’ Mejju 2006 dwar il-konklużjoni, f’isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni għat-Tisħiħ tal-Kummissjoni Inter-Amerikana għat-Tonn Tropikali stabbilita mill-Konvenzjoni ta’ l-1949 bejn l-Istati Uniti ta’ l-Amerika u r-Repubblika tal-Kosta Rika (ĠU L 224, 16.8.2006, pp. 22-23).

DOKUMENTI RELATATI

Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim dwar l-Implimentazzjoni tal-Parti XI tagħha — Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar (ĠU L 179, 23.6.1998, pp. 3-134).

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 98/392/KE tat-23 ta’ Marzu 1998 li tirrigwarda l-konklużjoni mill-Komunità Ewropea tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar u l-Ftehim tat-28 ta’ Lulju 1994 li għandu x’jaqsam mal-implimentazzjoni tal-Parti XI tiegħu (ĠU L 179, 23.6.1998, p. 1-2).

l-aħħar aġġornament 13.07.2022

Fuq