Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32002R1406

    Sikurezza marittima: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

    Sikurezza marittima: Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima

     

    SOMMARJU TA’:

    Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà

    X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

    • Dan ir-regolament jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), li tfittex li tiżgura livell għoli, uniformi u effettiv ta’ sikurezza marittima u sigurtà marittima fl-Unjoni Ewropea (UE) u li hija bbażata f’Lisbona.
    • L-EMSA taħdem ukoll biex tevita t-tniġġis u biex tirreaġixxi għat-tniġġis ikkawżat minn bastimenti jew minn installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass u tipprovdi assistenza teknika u appoġġ lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp, l-applikazzjoni u l-evalwazzjoni tad-dritt tal-UE dwar is-sikurezza, sigurtà u t-tniġġis marittimi.

    PUNTI EWLENIN

    L-EMSA għandha kompiti ewlenin u ta’ appoġġ.

    Kompiti ewlenin

    • Assistenza fix-xogħol preparatorju għall-aġġornar u l-iżvilupp tal-liġijiet rilevanti tal-UE.
    • Żjarat u spezzjonijiet fl-Istati Membri biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva ta’ atti legali vinkolanti rilevanti tal-UE.
    • Attivitajiet ta’ taħriġ u assistenza teknika għall-amministrazzjonijiet nazzjonali.
    • Appoġġ għal azzjonijiet ta’ reazzjoni għat-tniġġis f’każijiet ta’ tniġġis ikkawżat minn bastimenti u installazzjonijiet taż-żejt u tal-gass (l-EMSA tipprovdi assistenza operattiva biss fuq talba tal-pajjiż milqut).

    L-EMSA topera wkoll iċ-Ċentru tad-Data tal-Unjoni Ewropea għall-Identifikazzjoni u Traċċar mill-Bogħod ta’ Bastimenti u s-sistema ta’ skambju u informazzjoni marittima tal-UE (SafeSeaNet). L-Aġenzija tista’ tipprovdi wkoll appoġġ operattiv b’rabta ma’ investigazzjonijiet fejn ikun hemm imwiet jew korrimenti serji.

    Kompiti ta’ appoġġ

    L-EMSA tassumi biss dawn il-kompiti jekk joħolqu valur miżjud sostanzjali, jevitaw l-isforzi doppji u ma jiksrux id-drittijiet u l-obbligi tal-Istati Membri. Dawn il-kompiti huma relatati ma’ kwistjonijiet ambjentali, il-programm tal-unjoni ta’ osservazzjoni u monitoraġġ tad-dinja (issa Copernicus) u l-passaġġi fuq l-ilma interni.

    Żjarat u spezzjonijiet tal-EMSA

    L-EMSA żżur lill-Istati Membri biex tassisti lill-Kummissjoni u lill-amminstrazzjonijiet nazzjonali:

    • fil-verifika dwar jekk ir-regoli tal-UE humiex qed jiġu implimentati b’mod effettiv;
    • fl-iżgurar ta’ livell għoli u uniformi ta’ sikurezza. L-Aġenzija twettaq spezzjonijiet ma’ soċjetajiet ta’ klassifikazzjoni kif ukoll f’pajjiżi terzi fir-rigward tat-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni tal-baħħara.

    Struttura

    • L-EMSA hija korp tal-UE u għandha personalità ġuridika. Il-persunal tagħha jikkonsisti minn uffiċjali assunti mill-Aġenzija u uffiċjali tal-UE u ħaddiema ċivili tal-Istati Membri temporanjament assenjati jew issekondati lill-Aġenzija. Hija mmexxija minn direttur eżekuttiv li huwa kompletament indipendenti fil-prestazzjoni tal-kompiti tiegħu/tagħha.
    • Il-bord amministrattiv tagħha jinkludi rappreżentanti mill-Kummissjoni u minn kull Stat Membru, li kollha kemm huma għandhom vot. Jinkludi wkoll rappreżentanti mill-Iżlanda u n-Norveġja, u professjonisti minn erba’ setturi marittimi, li l-ebda wieħed minnhom ma jista’ jivvota. Il-mandat tiegħu huwa ta’ ħames snin u jista’ jiġġedded darba.

    Ir-relazzjoni bejn l-EMSA u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta

    • Ir-Regolament (UE) 2016/1624, aktar tard sostitwit u mħassar bir-Regolament (UE) 2019/1896 (ara s-sommarju), stabbilixxa Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta biex tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tal-ġestjoni integrata tal-fruntieri fil-fruntieri esterni tal-UE, kif ukoll dawk tal-pajjiżi assoċjati ta’ Schengen (L-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera).
    • Ir-Regolament (UE) 2016/1625 jemenda r-Regolament (KE) Nru 1406/2002 biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-EMSA, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2019/473) u l-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, biex jiżdied l-għarfien tas-sitwazzjoni marittima u biex tiġi appoġġata azzjoni koerenti u kosteffiċjenti. Din tinvolvi:
      • il-kondiviżjoni tal-informazzjoni disponibbli fis-sistemi ta’ rapportar tal-bastimenti u f’sistemi oħra ta’ informazzjoni;
      • l-għoti ta’ servizzi ta’ sorveljanza u komunikazzjoni;
      • il-bini tal-kapaċità u l-istabbiliment tal-aħjar prattiki, u t-taħriġ u l-iskambju tal-persunal;
      • il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni u kooperazzjoni dwar il-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta, inkluż billi jiġu analizzati l-isfidi operazzjonali u r-riskji emerġenti fil-qasam marittimu;
      • il-kondiviżjoni tal-kapaċità permezz tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ operazzjonijiet bi skopijiet multipli u permezz tal-kondiviżjoni tal-assi u kapaċitajiet oħra.

    MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

    Dan ilu japplika mill-25 ta’ Awwissu 2002.

    SFOND

    DOKUMENT EWLIENI

    Ir-Regolament (KE) Nru 1406/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li jistabbilixxi l-Aġenziji Marittima Ewropea tas-Sigurtà (ĠU L 208,5.8.2002, pp. 1–9).

    L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1406/2002 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

    DOKUMENTI RELATATI

    Ir-Regolament (UE) 2019/1896 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Novembru 2019 dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u li jħassar ir-Regolament Nru 1052/2013 u (UE) 2016/1624 (ĠU L 295, 14.11.2019, pp. 1–131).

    Ir-Regolament (UE) 2019/473 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (ĠU L 83, 25.3.2019, pp. 18-37)

    Id-Direttiva 2009/16/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar il-kontroll tal-Istat tal-Port (ĠU L 131, 28.5.2009, pp. 57-100).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Id-Direttiva 2005/35/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Settembru 2005 dwar it-tniġġiż ikkawżat minn vapuri u l-introduzzjoni ta’ sanzjonijiet għal ksur (ĠU L 255, 30.9.2005, pp.11–21).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    Id-Direttiva 2002/59/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ Ġunju 2002 li tistabbilixxi sistema ghall-monitoragg u l-informazzjoni dwar it-traffiku tal-bastimenti fil-Komunità u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/75/KEE (ĠU L 208, 5.8.2002, pp.10-27).

    Ara l-verżjoni konsolidata.

    l-aħħar aġġornament 03.11.2021

    Fuq