This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32001L0018
Regolarizzazzjoni ta’ għelejjel ĠM: Id-drittijiet tal-pajjiżi tal-UE
Direttiva 2001/18/KE dwar ir-rilaxx deliberat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati
Din id-direttiva tipprovdi għal:
L-ittikkettjar tal-OĠM u l-konsultazzjoni pubblika jsiru obbligatorji. Il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata tikkonsulta mal-kumitati xjentifiċi kompetenti dwar kwalunkwe kwistjoni li taffettwa s-saħħa tal-bniedem jew l-ambjent.
Ir-reġistri għandhom ikunu stabbiliti bl-iskop li jirreġistraw informazzjoni dwar modifiki ġenetiċi f’OĠM flimkien mal-lokazzjoni tagħhom. Ir-regoli dwar it-tħaddim ta’ dawn ir-reġistri huma stabbiliti fid-Deċiżjoni 2004/204/KE.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-esperjenza ta’ OĠM imqiegħda fis-suq u sommarju tal-miżuri meħuda mill-pajjiżi tal-UE biex jimplimentaw din id-direttiva kull 3 snin.
Għalkemm din id-direttiva tippermetti lill-pajjiżi tal-UE biex jirrestrinġu jew jipprojbixxu r-rilaxx ta’ OĠM li jikkostitwixxu riskju għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent, id-Direttiva (UE) 2015/412 temendaha u tippermetti lill-pajjiżi tal-UE biex jipprojbixxu jew jirrestrinġu OĠM li ġew awtorizzati jew li huma taħt awtorizzazzjoni fil-livell tal-UE għal raġunijiet usa’. Dawn ir-raġunijiet li jistgħu jintużaw mill-pajjiżi tal-UE jinkludu l-ippjanar tal-ibliet u tal-pajjiż, l-użu tal-art, impatti soċjoekonomiċi, il-koeżistenza* u l-politika pubblika.
Id-direttiva emendatorja tistabbilixxi wkoll is-sett ta’ skadenzi u responsabbiltajiet li jirregolaw id-deċiżjonijiet meħuda dwar l-aġġustament tal-ambitu ġeografiku tal-awtorizzazzjoni, inkluż dritt li wieħed jagħżel li jibqa’ barra abbażi ta’ ċirkostanzi oġġettivi ġodda.
Mit-3 ta’ April 2017, il-pajjiżi tal-UE li fihom huma kkultivati OĠM għandhom jintroduċu miżuri f’żoni tal-fruntiera tat-territorju tagħhom bl-għan li tiġi evitata kontaminazzjoni transkonfinali possibbli f’pajjiżi ġirien tal-UE fejn il-kultivazzjoni ta’ dawk l-OĠM hija pprojbita, sakemm miżuri bħal dawn ma jkunux meħtieġa fid-dawl ta’ kondizzjonijiet ġeografiċi partikolari.
Ilha tapplika mis-17 ta’ April 2001. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali tagħhom sas-17 ta’ Ottubru 2002.
Din id-direttiva hija biss waħda mill-bosta komponenti ewlenin tal-qafas legali tal-UE għall-OĠM. Il-komponenti l-oħrajn huma direttivi u regolamenti (li jiffokaw fuq kwistjonijiet bħall-ikel ġenetikament modifikat jew il-movimenti transkonfinali ta’ OĠM) li jaħdmu biex jipproteġu s-saħħa tal-bniedem u tal-annimali u l-ambjent, jistabbilixxu proċeduri armonizzati, u jiżguraw traċċabilità ta’ OĠM imqiegħda fis-suq.
Għal aktar informazzjoni, ara:
Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2001 dwar ir-rilaxx intenzjonat fl-ambjent ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u li tħassar id-Direttiva 90/220/KEE tal-Kunsill - Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni (ĠU L 106, 17.4.2001, pp. 1-39)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2001/18/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni kkonsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.
Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2004/204/KE tat-23 ta’ Frar 2004 li tistabbilixxi arranġamenti dettaljati għall-operazzjoni tar-reġistri għar-reġistrazzjoni ta’ informazzjoni dwar modifiki ġenetiċi f’OĠM, prevista fid-Direttiva 2001/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 65, 3.3.2004, pp. 20-22)
Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 1-23)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Regolament (KE) Nru 1830/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 2003 dwar it-traċċabilità u l-ittikkettjar ta’ organiżmi ġenetikament modifikati u t-traċċabilità ta’ prodotti ta’ ikel u għalf prodotti minn organiżmi ġenetikament modifikati u li temenda d-Direttiva 2001/18/KE (ĠU L 268, 18.10.2003, pp. 24-28) Ara l-verżjoni kkonsolidata.
Regolament (KE) Nru 1946/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Lulju 2003 dwar il-movimenti transkonfinali ta’ organiżmi ġenetikament modifikati (ĠU L 287, 5.11.2003, pp. 1-10)
l-aħħar aġġornament 11.12.2017