EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 31996R2271

L-effetti tal-leġiżlazzjoni barranija fuq l-interessi finanzjarji tal-UE

L-effetti tal-leġiżlazzjoni barranija fuq l-interessi finanzjarji tal-UE

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (KE) Nru 2271/96 li jipproteġi kontra l-effetti tal-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż mhux tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan għandu l-għan li jipproteġi l-interessi ekonomiċi u/jew finanzjarji ta’ individwi jew entitajiet ġuridiċi kontra l-effetti estraterritorjali tal-leġiżlazzjoni adottata minn pajjiżi mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-liġijiet koperti mir-regolament huma speċifikati fl-anness tiegħu. Il-protezzjoni tikkonċerna:

  • il-kummerċ internazzjonali; u/jew
  • il-moviment tal-kapital; u
  • attivitajiet kummerċjali relatati bejn l-UE u pajjiżi mhux tal-UE.

Dan ir-Regolament japplika għal:

  • kull individwu li huwa residenti fl-UE u ċittadin ta’ pajjiż tal-UE;
  • kwalunkwe entità ġuridika inkorporata fi ħdan l-UE;
  • ċittadini ta’ pajjiżi tal-UE li huma stabbiliti barra mill-UE u kumpaniji tat-trasport marittimu stabbiliti barra mill-UE u kkontrollati minn ċittadini ta’ pajjiż tal-UE (per eżempju persuna Franċiża li taħdem ma’ kumpanija tat-trasport marittimu Olandiża f’pajjiż mhux tal-UE), jekk il-bastimenti huma rreġistrati f’dak il-pajjiż skont il-leġiżlazzjoni tiegħu;
  • individwi li huma residenti fl-UE, sakemm dik il-persuna ma tkunx fil-pajjiż li tiegħu huwa jew hija huma ċittadini;
  • kwalunkwe individwu ieħor fl-UE, inkluż l-ibħra territorjali u l-ispazju tal-ajru tiegħu u fi kwalunkwe inġenju tal-ajru jew fuq kwalunkwe bastiment fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni jew il-kontroll ta’ pajjiż tal-UE, li jaġixxi fil-kapaċità professjonali.

Kull persuna li l-interessi ekonomiċi u finanzjarji tagħha huma affettwati minn leġiżlazzjoni barranija għandha tinforma lill-Kummissjoni Ewropea fi żmien 30 jum. Dan il-perjodu ta’ 30 jum jibda mid-data li fiha l-persuna tkun kisbet din l-informazzjoni.

Jekk qorti jew tribunal jew awtorità amministrattiva li tkun tinsab barra l-UE tagħti deċiżjoni li tagħti effett, direttament jew indirettament, għal-liġijiet speċifikati fl-anness (“L-Att tal-1996 dwar is-Sanzjonijiet kontra l-Iran” tal-Istati Uniti), din id-deċiżjoni ma tkunx rikonoxxuta jew infurzabbli bi kwalunkwe mod. Il-persuni msemmija f’dan ir-regolament m’għandhomx jikkonformaw ma’ xi rekwiżit jew projbizzjoni bbażata fuq il-liġijiet speċifikati fl-anness. Madankollu, persuna tista’ tkun awtorizzata li tikkonforma bis-sħiħ jew parzjalment mal-imsemmija rekwiżiti jew projbizzjonijiet f’każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità jista’ jkun ta’ dannu serju għall-interessi tagħhom jew għal dawk tal-Unjoni. Din l-awtorizzazzjoni tingħata mill-Kummissjoni, li hija assistita minn kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-pajjiżi tal-UE.

Il-pajjiżi tal-UE jiddeterminaw is-sanzjonijiet li għandhom jiġu imposti fil-każ ta’ ksur ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti ta’ dan ir-regolament.

Emendi għar-regolament

Regolament (UE) Nru 37/2014 jawtorizza lill-Kummissjoni tadotta atti delegati. Dan jiddikjara wkoll li r-Regolament (KE) Nru 2271/96 jeħtieġ kundizzjonijiet uniformi biex jiġu stabbiliti kriterji għall-awtorizzazzjoni ta’ persuni biex jikkonformaw bis-sħiħ jew parzjalment ma’ kwalunkwe rekwiżit jew projbizzjoni, inklużi talbiet minn qrati barranin, f’każijiet fejn in-nuqqas ta’ konformità jagħmel ħsara serja lill-interessi tagħhom jew lil dawk tal-UE. Dawk il-miżuri għandhom jiġu adottati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011. (Ir-rwol tal-Kumitati fis-setgħat ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea).).

Ir-Regolament Delegat (UE) 2018/1100 jemenda l-anness biex iqis il-fatt li f’Mejju 2018, l-Istati Uniti ħabbret li mhux se tibqa’ tidderoga l-miżuri restrittivi nazzjonali tagħha marbutin mal-Iran. Xi wħud minn dawk il-miżuri għandhom effett ekstraterritorjali u jista’ jkollhom konsegwenzi avversi għall-interessi tal-UE u l-interessi ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi involuti f’attivitajiet ekonomiċi mal-Iran.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mid-29 ta’ Novembru 1996.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2271/96 tat-22 ta’ Novembru 1996 li jipproteġi kontra l-effetti ta’ l-applikazzjoni estraterritorjali tal-leġislazzjoni adottata minn pajjiż terz, u l-azzjonijiet ibbażati fuqha jew li jirriżultaw minnha (ĠU L 309, 29.11.1996, pp. 1-6)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2271/96 ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Regolament (UE) Nru 37/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2014 li jemenda ċerti Regolamenti relatati mal-politika kummerċjali komuni fir-rigward tal-proċeduri għall-adozzjoni ta’ ċerti miżuri (ĠU L 18, 21.1.2014, pp. 1-51)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, pp. 13-18)

l-aħħar aġġornament 27.09.2018

Fuq