EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 02013R0228-20211207

Appoġġ tal-UE għall-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi

Appoġġ tal-UE għall-bdiewa fir-reġjuni ultraperiferiċi

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) Nru 228/2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Huwa jfittex li jintroduċi arranġamenti speċjali biex jikkumpensa r-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea (UE) għad-diffikultajiet li jiffaċċjaw minħabba l-post remot tagħhom, l-art tagħhom u l-klima tagħhom, flimkien mad-dipendenza ekonomika tagħhom fuq għadd żgħir ta’ prodotti.
  • Dawn l-arranġamenti huma magħrufin bħala l-iskema POSEI — programm li jittratta speċifikament mal-bogħod u l-insularità.

PUNTI EWLENIN

Għanijiet

Ir-regolament għandu 3 għanijiet.

  • 1.

    Li jiggarantixxi l-provvista lejn dawn ir-reġjuni ta’ prodotti li huma essenzjali għall-konsum mill-bniedem jew għall-ipproċessar, kif ukoll ta’ inputs agrikoli, bi spiża li tikkumpensa għall-iżolament tagħhom.

  • 2.

    Li jiżgura l-futur fit-tul u l-iżvilupp tas-setturi tal-bhejjem u tad-diversifikazzjoni tal-uċuħ tar-raba’, inkluż il-produzzjoni, l-ipproċessar u l-bejgħ ta’ prodotti lokali.

  • 3.

    Li jżomm u jkompli jsaħħaħ il-kompetittività tal-attivitajiet agrikoli tradizzjonali.

Żoni eliġibbli

L-oqsma eliġibbli għall-finanzjament POSEI huma definiti fl-Artikolu 349 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

  • Spanja: il-Gżejjer Kanarji.
  • Franza: Guadeloupe, il-Guyana Franċiża, Martinique, Réunion u Mayotte.
  • Il-Portugall: l-Azores u Madeira.

Il-ġestjoni u l-baġits tal-programmi POSEI

Kull Stat Membru tal-UE jiddeċiedi dwar il-livell ġeografiku xieraq li fih jistabbilixxi l-programm(i).

Kull sena, l-ammonti li ġejjin huma disponibbli għat-tliet Stati Membri, kif stipulat fl-Artikolu 30(2) u (3) tar-regolament:

  • il-Gżejjer Kanarji. EUR 268.42 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 72.7 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi).
  • id-dipartimenti Franċiżi barranin. EUR 278.41 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 26.9 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi).
  • l-Azores and Madeira. EUR 106.21 miljun (li minnhom, ammont massimu ta’ EUR 21.2 miljun imur għal miżuri ta’ provvista speċifiċi).

Arranġamenti ta’ provvista speċifiċi

  • Meta jintlaħaq qbil fuqhom, dawn jingħataw bil-kundizzjoni li l-impatt tal-vantaġġ ekonomiku jiġi mgħoddi lill-utent aħħari. Biex jiżguraw il-kontinwità u l-iżvilupp ta’ produzzjoni agrikola lokali fit-tul, il-vantaġġ m’għandux ikun fuq livell li jagħmel ħsara lill-produzzjoni lokali ta’ tali prodotti. L-għajnuna għandha tkun proporzjonali għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba mis-sitwazzjoni ġeografika partikolari tar-reġjun ultraperiferiku.
  • L-appoġġ huwa implimentat permezz ta’ liċenzji tal-importazzjoni, ċertifikati ta’ eżenzjoni u ċertifikati ta’ għajnuna maħruġa lil operaturi liċenzjati. Kull operatur stabbilit fl-UE jista’ japplika biex ikun fir-reġistru taħt ċertu kundizzjonijiet.

Miżuri li jassistu l-prodotti agrikoli lokali

  • Il-programm jista’ jinkludi miżuri maħsuba biex jappoġġjaw il-produzzjoni, l-ipproċessar jew il-bejgħ ta’ prodotti agrikoli fir-reġjuni ultraperiferiċi.
  • Kull miżura tista’ tinkludi varjetà ta’ azzjonijiet. Għal kull azzjoni, il-programm għandu jiddefinixxi mill-inqas il-benefiċjarji, il-kundizzjonijiet tal-eliġibbiltà u l-ammont unitarju tal-għajnuna allokata għal dik l-azzjoni.

Kontrolli u penali

  • Il-prodotti li huma suġġetti għal arranġamenti ta’ provvista speċifiċi jkunu kkontrollati meta jidħlu fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll meta jiġu esportati jew mibgħuta. Meta r-regoli ma jiġux irrispettati, l-awtoritajiet jistgħu jirkupraw il-vantaġġ mogħti lill-operaturi (jiġifieri bdiewa u kumpaniji li għandhom l-irziezet) u jissospendu/jirrevokaw ir-reġistrazzjoni tagħhom b’mod temporanju.
  • Il-miżuri maħsuba biex jassistu l-prodotti agrikoli lokali jiġu vverifikati permezz ta’ kontrolli amministrattivi u oħrajn imwettqa fuq il-post. F’każ ta’ ħlas li jsir b’mod skorrett, il-benefiċjarju kkonċernat jiġi obbligat li jirrimborsa l-ammont inkwistjoni.

Miżuri protettivi kontra pesti tal-pjanti

Ir-Regolament (KE) 2016/2031, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 228/2013, jeħtieġ il-finanzjament tal-UE tal-programmi ta’ kontroll kontra pesti fir-reġjuni ultraperiferiċi, li għandhom jiġu implimentati skont ir-Regolament (UE) Nru 652/2014, li sussegwentement ġie revokat u sostitwit bir-Regolament (UE) 2021/690 li jistabbilixxi programm tas-suq uniku (ara s-sommarju).

Att delegathttp://eur-lex.europa.eu/summary/glossary/delegated_acts.html

Ir-Regolament Delegat (UE) Nru 179/2014 jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 228/2013 rigward:

  • ir-reġistru tal-operaturi;
  • l-ammont ta’ għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti barra r-reġjun;
  • il-logo;
  • l-eżenzjoni mid-dazju tal-importazzjoni fuq ċerti annimali bovini;
  • l-iffinanzjar ta’ ċerti miżuri relatati ma’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-UE.

Atti ta’ implimentazzjoni

Il-Kummissjoni Ewropea adottat ir-Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) Nru 180/2014, li jistabbilixxi r-regoli għar-Regolament (KE) Nru 228/2013. Huwa fih disa’ annessi u regoli dettaljati li jkopru:

  • arranġamenti ta’ provvista speċifiċi (pereżempju, tbassir tal-bilanċi tal-provvista, il-forniment permezz ta’ importazzjonijiet minn pajjiżi mhux tal-UE, forniment mill-UE, esportazzjoni u bgħit, ġestjoni, kontrolli u monitoraġġ);
  • miżuri li jappoġġaw prodotti agrikoli (applikazzjonijiet għall-għajnuna, kontrolli, tnaqqis u esklużjonijiet u pagamenti uniċi);
  • miżuri ta’ akkumpanjament (logo, prodotti mill-annimali, importazzjoni tat-tabakk fil-Gżejjer Kanarji).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/532, emendat mir-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2086 u (UE) 2021/238, jippermetti għal ċerti derogi mir-Regolament (KE) Nru 180/2014 , biex jikkunsidraw il-pandemija tal-COVID-19.

Revoka

Ir-Regolament (UE) 228/2013 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 247/2006.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-21 ta’ Marzu 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Marzu 2013 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 247/2006 (ĠU L 78, 20.3.2013, pp. 23–40).

Emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) Nru 228/2013 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 180/2014 tal-20 ta’ Frar 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2016, pp. 13–52)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 179/2014 tas-6 ta’ Novembru 2013 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 228/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward ir-reġistru tal-operaturi, l-ammont tal-għajnuna għall-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti barra r-reġjun, il-logo, l-eżenzjoni mid-dazji tal-importazzjoni għal ċerti annimali bovini u l-iffinanzjar ta’ ċerti miżuri relatati ma’ miżuri speċifiċi għall-agrikoltura fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni (ĠU L 63, 4.3.2014, pp. 3–12).

l-aħħar aġġornament 07.12.2021

Fuq