Sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata tal-biljetti tal-ajru
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament (KE) Nru. 80/2009 dwar kodiċi tal-kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
- Ir-regolament jistabbilixxi kodiċi tal-kondotta armonizzata dwar l-użu ta’ sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata (CRS) biex jassikura kompetizzjoni ġusta u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-konsumatur.
- Huwa japplika għat-trasport bl-ajru (u għat-trasport bil-ferrovija meta dan jiġi kkombinat ma’ titjira).
PUNTI EWLENIN
- Bejjiegħa tas-sistema* ma jistax:
- jimponi ebda kundizzjoni mhux ġusta jew mhux ġustifikata fuq linji tal-ajru jew fuq l-abbonati tagħhom stess;
- iwaqqfu linja tal-ajru milli tuża sistemi ta’ riservazzjoni oħrajn, inkluż is-servizz ta’ riservazzjoni minn fuq l-internet u ċ-ċentri telefoniċi tagħha stess;
- jirriservaw kwalunkwe proċedura speċifika ta’ dħul jew ipproċessar għal wieħed jew aktar mit-trasportaturi parteċipanti.
- Bejjiegħa tas-sistema jridu
- jaħżnu u jipproċessaw id-dejta pprovduta mil-linji tal-ajru bl-istess attenzjoni u prontezza;
- jiżvelaw pubblikament l-ammont ta’ ishma kapitali diretti jew indiretti li għandhom f’linja tal-ajru jew viċi versa;
- jipprovdu viżwal prinċipali għal kull tranżazzjoni individwali permezz tas-sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata;
- jidentifikaw b’mod ċar fil-viżwal kwalunkwe linja tal-ajru li hija pprojbita milli ttir ġewwa l-UE;
- jipproċessaw dejta personali biss għall-iskopijiet li għalihom tkun ingħatat (sabiex issir riservazzjoni jew jinħareġ biljett);
- fuq talba mill-Kummissjoni Ewropea, jissottomettu rapport minn awditur indipendenti fuq l-istruttura ta’ sjieda u mudell ta’ governanza.
- Il-bejjiegħa tas-sistema jistgħu jagħmlu disponibbli dejta dwar il-kummerċjalizzazzjoni, il-prenotazzjoni u l-bejgħ, dment li tali dejta tiġi offruta fuq bażi mhux diskriminatorja lit-trasportaturi parteċipanti kollha u ma tidentifikax lill-klijent.
- Jekk bejjiegħa tas-sistema f’pajjiż mhux tal-UE jiddiskriminaw kontra trasportaturi tal-UE, il-Kummissjoni tista’ titlob li bejjiegħa li joperaw fl-UE japplikaw l-istess trattament lill-linji tal-ajru ta’ dak il-pajjiż.
- Il-Kummissjoni tista’ timponi multi ta’ mhux aktar minn 10% tal-fatturat totali tas-sena ta’ qabel fuq il-kumpaniji li intenzjonalment jew b’mod negliġenti jonqsu milli jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni.
Fl-2009, il-Kummissjoni adottat nota ta’ spjegazzjoni biex tispjega kif hi tinterpreta l-kunċett ta’ “trasportatur prinċipali” li jkun jista’ jkollu influwenza deċiżiva fuq it-tmexxija tan-negozju tal-bejjiegħ tas-sistema.
MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mid-29 ta’ Marzu 2009.
TERMINI EWLENIN
Bejjiegħ tas-sistema. Kull korp u l-affiljati tiegħu responsabbli għall-operazzjoni jew kummerċjalizzazzjoni ta’ sistema ta’ riservazzjoni kompjuterizzata.
DOKUMENT PRINĊIPALI
Ir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Jannar 2009 dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 35, 4.2.2009, pp. 47–55).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 80/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Nota ta’ spjegazzjoni dwar id-definizzjoni ta’ trasportatur prinċipali fir-Regolament (KE) Nru 80/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar Kodiċi ta’ Kondotta għal sistemi ta’ riservazzjoni kompjuterizzata u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2299/89 (ĠU L 53, 6.3.2009, pp. 4–6).
l-aħħar aġġornament 07.06.2024
Top