Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux regolat

L-eliminazzjoni tas-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux regolat

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 — Sistema tal-UE sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat

X'INHU L-GĦAN TA' DAN IR-REGOLAMENT?

  • Jistabbilixxi sistema tal-Unjoni Ewropea (UE) sabiex jiġi evitat, skoraġġit u eliminat is-sajd illegali, mhux irrapportat u mhux irregolat (IUU) fl-UE u fl-ilmijiet internazzjonali.
  • Ir-regolament jaħdem flimkien mas-sistema tal-UE għall-kontroll tas-sajd għall-kontroll, għall-ispezzjoni u għall-infurzar tar-regoli tal-politika komuni dwar is-sajd mill-awtoritajiet nazzjonali.

PUNTI EWLENIN

  • Bastiment tas-sajd huwa preżunt li huwa involut f’sajd IUU jekk jaqa’ f’waħda minn għadd ta’ kategoriji:
    • ma jkollux liċenzja valida tas-sajd;
    • ma jissodisfax l-obbligi tiegħu li jirreġistra jew jirrapporta data dwar il-qbid jew relatata mal-qbid;
    • sajd f’żona magħluqa*, waqt staġun magħluq*, mingħajr kwota jew ikun laħaq il-kwota, jew f’fond aktar minn dak permess*;
    • sajd ta’ speċi mhux awtorizzati;
    • l-użu ta’ rkaptu pprojbit jew mhux konformi;
    • jiffalsifika jew jaħbi l-identità, il-marki jew ir-reġistrazzjoni tiegħu;
    • jiffalsifika jew jaħbi evidenza marbuta ma’ investigazzjoni;
    • jostakola l-ħidma ta’ spetturi;
    • jieħu abbord, jittrasferixxi lejn bastimenti ieħor jew jiżbarka ħut prematur;
    • jipparteċipa f’attivitajiet ma’ bastimenti inklużi fil-lista ta' bastimenti IUU;
    • iwettaq attivitajiet ta’ sajd f’żona koperta minn Organizzazzjoni Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) mingħajr ma jikkonforma mal-miżuri ta’ konservazzjoni u ta’ mmaniġġjar ta' dik l-organizzazzjoni u jkun reġistrat f’pajjiż mhux imsieħeb f’dik l-organizzazzjoni, jew li ma jikkooperax ma’ dik l-organizzazzjoni;
    • huwa bastiment mingħajr Stat.
  • Ir-regolament jistabbilixxi sensiela ta’ miżuri sabiex il-prodotti tas-sajd IUU ma jidħlux fis-suq tal-UE.

Portijiet deżinjati

  • Bastimenti minn pajjiżi terzi jistgħu jidħlu biss f’faċilitajiet portwali deżinjati minn pajjiżi tal-UE.
  • Il-ħatt u t-trasbord* ta’ prodotti tas-sajd bejn bastimenti minn pajjiżi terzi u bastimenti tal-UE, li huma pprojbiti fuq il-baħar, għandu jsir biss f’portijiet deżinjati.

Spezzjonijiet fil-port

Il-pajjiż tal-UE li fih ikun jinsab il-port huwa responsabbli għall-monitoraġġ ta’ prodotti tas-sajd importati fl-UE. Għandu jivverifika li dawn il-prodotti huma legali u li l-bastiment huwa konformi mar-regolamenti, jiġifieri li għandu l-liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet meħtieġa, u li l-kwantità dikjarata taqbel mal-kwantità żbarkata jew trasbordata.

Ċertifikati tal-qabdiet

Iċ-ċertifikat tal-qabdiet jiggarantixxi li l-prodotti importati fl-UE ma joriġinawx minn sajd IUU. Dawn iċ-ċertifikati jinħarġu mill-pajjiż li fih ikun reġistrat il-bastiment tas-sajd (stat tal-bandiera). Jakkumpanjaw il-prodotti tas-sajd tul il-katina tal-provvista sabiex jippermettu verifiki kontinwi.

Sajd preżunt bħala IUU

  • Il-Kummissjoni Ewropea għandha:
    • tidentifika bastimenti tas-sajd li dwarhom tkun inkisbet informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi preżunt li jistgħu jkunu involuti f'sajd IUU;
    • tinnotifika l-istati tal-bandiera (jiġifieri pajjiżi terzi u pajjiżi tal-UE) li l-bastimenti tas-sajd tagħhom ikunu ġew identifikati; u
    • tiċċirkola l-informazzjoni lill-pajjiżi kollha tal-UE.
  • Għandha tfassal ukoll lista ta’ bastimenti involuti f’sajd IUU. Il-proċeduri għall-istabbiliment ta’ din il-lista jippermettu li jkun hemm salvagwardji u arranġamenti ta’ appell sabiex jiġi garantit it-trattament ġust tal-bastiment u tal-pajjiżi kkonċernati.

Pajjiżi terzi li ma jikkooperawx

Il-Kummissjoni għandha tidentifika wkoll pajjiżi terzi li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd IUU. Pajjiż terz jista' jiġi identifikat bħala pajjiż terz li ma jikkooperax meta dan jonqos milli jaqdi d-dmirijiet tiegħu bħala Stat tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq, biex jieħu azzjoni sabiex jipprevjeni, jiskoraġġixxi u jelimina s-sajd IUU.

Sanzjonijiet

  • Il-pajjiżi tal-UE għandhom japplikaw sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi kontra persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jwettqu attivitajiet IUU.
  • Is-sanzjoni massima hija ta’ mill-inqas ħames darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba.
  • Fil-każ ta’ ksur ripetut fi żmien perjodu ta' ħames snin, il-pajjiżi tal-UE għandhom jimponu sanzjoni massima ta’ mill-inqas tmien darbiet il-valur tal-prodotti tas-sajd miksuba.

META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2010.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Żona magħluqa: żona magħluqa għas-sajd kummerċjali sabiex il-ħażniet jirkupraw.

Staġun magħluq: perjodu tas-sena li fih is-sajd huwa pprojbit sabiex il-ħażniet jirkupraw.

Fond aktar minn dak permess: fond lil hinn minn limitu mogħti li jkun magħluq għas-sajd sabiex il-ħażniet tal-baħar jirkupraw.

Trasbord: it-trasferiment ta’ qabda minn dgħajsa iżgħar tas-sajd lejn waħda akbar li mbagħad tinkorporaha f’lott akbar għal kunsinna.

DOKUMENT EWLIENI

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 1–32).

Rettifika għar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 li jistabbilixxi sistema Komunitarja sabiex tipprevjeni, tiskoraġġixxi u telimina sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1936/2001 u (KE) Nru 601/2004 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1093/94 u (KE) Nru 1447/1999 (ĠU L 286, 29.10.2008) (ĠU L 22, 26.1.2011, p. 8)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1005/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Awtorizzazzjoni għas-sajd

Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1006/2008 tad-29 ta' Settembru 2008 dwar l-awtorizzazzjonijiet għall-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tas-sajd tal-Komunità barra mill-ilmijiet tal-Komunità u l-aċċess ta' bastimenti ta' pajjiżi terzi għall-ilmijiet tal-Komunità, li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93 u (KE) Nru 1627/94 u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 3317/94 (ĠU L 286, 29.10.2008, pp. 33–44)

Bastimenti involuti fis-sajd IUU

Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 468/2010 tat-28 ta’ Mejju 2010 li jistabbilixxi l-lista tal-UE ta' bastimenti involuti f'sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (ĠU L 131, 29.5.2010, pp. 22–26)

Ara l-verżjoni konsolidata

Awtoritajiet kompetenti għal ċertifikati dwar il-qabdiet

Lista ta’ Stati Membri u l-awtoritajiet kompetenti tagħhom li tikkonċerna l-Artikoli 15(2), 17(8) u 21(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (ĠU C 320, 24.12.2009, pp. 17–20)

Portijiet deżinjati

Lista ta’ portijiet fl-Istati Membri tal-UE fejn huma permessi operazzjonijiet ta' żbark jew trasbord u fejn is-servizzi tal-port huma aċċessibbli minn bastimenti ta' pajjiżi terzi konformement ma' Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1005/2008 (ĠU C 320, 24.12.2009, pp. 13–16)

l-aħħar aġġornament 11.10.2016

Top