EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Mergers bejn kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata f’pajjiż tal-UE wieħed.

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated. See 'Ċerti aspetti tad-dritt tal-kumpaniji dwar il-kumpaniji b’responsabbiltà limitata' for an updated information about the subject.

Mergers bejn kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata f’pajjiż tal-UE wieħed.

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva 2011/35/UE — Mergers bejn kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata f’pajjiż tal-UE wieħed.

SOMMARJU

X’TAGĦMEL ID-DIRETTIVA?

Id-direttiva tistabbilixxi r-regoli li jirregolaw il-mergers bejn kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata* fi ħdan pajjiż tal-UE wieħed, jiġifieri megers domestiċi. Hija tkopri l-protezzjoni tal-azzjonisti, il-kredituri u l-impjegati. Din tissostitwixxi d-Direttiva 78/855/KEE (dik li kienet it-Tielet Direttiva dwar il-Liġi tal-Kumpanniji).

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva tindirizza tipi differenti ta’ mergers domestiċi.

Fir-rigward tal-merger permezz tal-akkwist* u l-merger permezz tal-formazzjoni ta’ kumpanniji ġodda*, l-abbozz ta’ kundizzjonijiet ta’ merger imħejji mill-bord amministrattiv jew tat-tmexxija għandu jinkludi informazzjoni speċifika, inkluż:

  • it-tip, l-isem u l-uffiċċju rreġistrat tal-kumpanniji;
  • il-proporzjon tal-iskambju tal-ishma (jiġifieri n-numru relattiv ta’ ishma ġodda li se jingħataw lil azzjonisti eżistenti ta’ kumpannija li tkun ġiet akkwistata jew li ngħaqdet ma’ oħra);
  • termini li għandhom x’jaqsmu mat-tqassim tal-ishma fil-kumpannija li qed takkwista;
  • id-drittijiet mogħtija mill-kumpannija li qed takkwista.

Tali informazzjoni għandha ssir pubblika mill-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali li tieħu deċiżjoni dwar il-merger.

Il-mergers kollha jeħtieġu l-approvazzjoni tal-laqgħa ġenerali ta’ kull waħda mill-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger. Madankollu, dan ir-rekwiżit jiġi rrinunzjat jekk:

  • Il-pubblikazzjoni tal-merger isseħħ mill-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali.
  • l-azzjonisti kollha tal-kumpannija li qed takkwista jkunu intitolati sabiex jispezzjonaw ċerti dokumenti, pereżempju l-abbozz tat-termini tal-merger, il-kontijiet annwali, mill-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali.
  • wieħed jew aktar mill-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista u li għandha perċentwal minimu tal-kapital sottoskritt (mhux aktar minn 5 %) jkollhom id-dritt jitolbu li laqgħa ġenerali tal-kumpannija li qed takkwista tkun imsejħa biex tiddeċiedi jekk għandhiex tapprova l-merger.

Mill-inqas xahar qabel id-data ffissata għal-laqgħa ġenerali, l-azzjonisti huma intitolati jispezzjonaw dokumenti (sakemm ma jkunux diġà ġew ippubblikati fuq il-websajt) bħall-abbozz tat-termini tal-merger, il-kontijiet annwali u r-rapporti tal-korpi amministrattivi.

Il-kumpanniji li huma l-oġġett ta’ merger iridu jħarsu d-drittijiet tal-impjegati b’konformità mad-Direttiva dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta’ trasferimenti ta’ impriżi. Iridu wkoll jipprovdu lill-kredituri b’salvagwardji fir-rigward tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom.

Wara merger, jistgħu jseħħu għadd ta’ riżultati, inkluż:

  • it-trasferiment tal-attiv u l-passiv kollu;
  • l-azzjonisti tal-kumpannija li qed tiġi akkwistata jsiru l-azzjonisti tal-kumpannija li qed takkwista; u
  • il-kumpannija li qed tiġi akkwistata ma tibqax teżisti.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju 2011. Id-direttiva hija kodifikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni li kienet teżisti qabel (Direttiva 78/855/KEE) li l-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporaw fid-dritt nazzjonali sat-13 ta’ Ottubru 1981.

SFOND

Il-websajt tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-liġi tal-kumpanniji

TERMINI EWLENIN

* Kumpannija pubblika b’responsabbiltà limitata hija kumpannija li tkun offriet ishma lill-pubbliku ġenerali u li l-azzjonisti tagħha għandhom responsabbiltà limitata, normalment b’rabta mal-ammont imħallas għall-ishma tagħhom biss.

* Merger permezz ta’ akkwist minn kumpannija waħda jew aktar isseħħ meta l-kumpannija/kumpanniji li huma l-oġġett tal-akkwist jittrasferixxu l-attiv u r-responsabbiltajiet tagħhom lill-kumpannija li qed takkwista u l-azzjonist jikseb ishma tal-kumpannija li qed takkwista.

* Merger permezz ta’ formazzjoni ta’ kumpannija ġdida sseħħ meta l-attiv u l-passiv jiġu skambjati għal ishma tal-kumpannija l-ġdida u pagament fi flus li huwa massimu ta’ 10 % tal-valur nominali tal-ishma.

ATT

Direttiva 2011/35/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ April 2011 dwar il-mergers ta’ kumpanniji pubbliċi b’responsabbiltà limitata (ĠU L 110, 29.4.2011, p. 1-11)

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2011/35/KE ġew inkorporati fit-test bażiku. Din il-verżjoni konsolidata hija biss bħala referenza.

l-aħħar aġġornament 16.02.2016

Top