EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Emissjonijiet minn vetturi heavy duty (Euro VI): regoli ta’ ċertifikazzjoni

Emissjonijiet minn vetturi heavy duty (Euro VI): regoli ta’ ċertifikazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan jiddefinixxi r-regoli għall-approvazzjoni tat-tip* ta’ vetturi bil-mutur, magni u parts ta’ sostituzzjoni għal vetturi heavy-duty (trakkijiet, xarabanks u kowċis) rigward ir-rendiment tal-emissjonijiet tagħhom. Dan jistabbilixxi wkoll regoli fuq:
    • il-konformità fis-servizz ta’ vetturi u magni;
    • id-durabbiltà ta’ tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis;
    • sistemi dijanjostiċi abbord;
    • il-kejl tal-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas-CO2.
  • Dan iħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2013.
  • Għandu jiġi nnotat li mill-1 ta’ Settembru 2020, ir-regoli relatati mal-aċċess għall-informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi — oriġinarjament stabbiliti fir-regolament — jinsabu fil-Kapitolu XIV tar-Regolament (UE) 2018/858 (ara s-sommarju).

PUNTI EWLENIN

Kamp ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament japplika għal vetturi bil-mutur tal-kategoriji M1, M2, N1 u N2 b’massa ta’ referenza li taqbeż l-2,610 kg u għall-vetturi kollha bil-mutur tal-kategoriji M3 u N3, kif definiti fir-Regolament (UE) 2018/858.

Obbligi tal-manifattur

Il-manifatturi għandhom:

  • ikunu kapaċi juru li l-vetturi ġodda, il-magni jew l-ispare parts kollha li jinbiegħu, jiġu rreġistrati jew li jiddaħħlu fis-servizz fl-Unjoni Ewropea (UE) ikunu tat-tip approvat f’konformità ma’ dan ir-Regolament;
  • jimplimentaw miżuri tekniċi sabiex jiggarantixxu limitazzjoni effettiva ta’ emissjonijiet tal-egżost tul il-ħajja normali tal-vetturi taħt kundizzjonijiet ta’ użu normali.

Rekwiżiti u testijiet

Il-manifatturi għandhom jgħammru l-vetturi jew il-magni tagħhom b’komponenti li jikkonformaw mal-limiti tal-emissjonijiet stabbiliti fl-Anness I ta’ dan ir-Regolament, skont il-kundizzjonijiet speċifikati mill-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-Regolament u fl-atti ta’ implimentazzjoni.

Skeda ta’ żmien

L-awtoritajiet nazzjonali m’għandhomx jagħtu approvazzjoni tat-tip tal-UE jew nazzjonali lil vetturi li ilhom ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament mill-31 ta’ Diċembru 2012, u għandhom jipprojbixxu r-reġistrazzjoni ta’ vetturi ġodda li ilhom ma jikkonformawx ma’ dan ir-Regolament mill-31 ta’ Diċembru 2013.

Inċentivi finanzjarji

  • L-Istati Membri tal-UE jistgħu jagħtu inċentivi finanzjarji għax-xiri ta’ vetturi bil-mutur prodotti f’serje li kienu jikkonformaw ma’ dan ir-Regolament sal-31 ta’ Diċembru 2013. Miżuri ta’ modifika retroattiva jistgħu jiġu kkunsidrati wkoll jew biex jiġu adattati vetturi bil-mutur diġà fl-użu jew għall-iskrappjar.
  • L-ammont tal-inċentivi finanzjarji jrid ikun daqs l-ispiża addizzjonali tal-miżuri tekniċi introdotti sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-vettura mal-limiti tal-emissjonijiet.

Implementazzjoni tal-leġiżlazzjoni

L-atti ta’ implimentazzjoni jistabbilixxu miżuri biex jiġi implimentat ir-Regolament (KE) Nru 595/2009:

  • Ir-Regolament (UE) Nru 582/2011 jistabbilixxi r-rekwiżiti tekniċi speċifiċi għall-approvazzjoni ta’ vetturi heavy-duty fir-rigward tal-emissjonijiet u l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi. Ir-regolament ġie emendat diversi drabi u jkopri aspetti bħal:
    • regoli dwar l-approvazzjoni tat-tip f’diversi stadji, l-adattamenti tal-klijenti, il-manifatturi ta’ volum żgħir u s-sistemi ta’ trasferiment;
    • rekwiżit biex jiġi żgurat li s-sistemi tal-magna u l-vetturi kollha jkunu mgħammra b’sistema dijanjostika abbord;
    • konformità tal-produzzjoni;
    • konformità fis-servizz;
    • miżuri rimedjali fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità;
    • rekwiżiti biex jiġu llimitati l-emissjonijiet off-cycle;
    • tagħmir għall-kontroll tat-tniġġis;
    • rekwiżiti dettaljati għall-approvazzjoni tat-tip;
    • regoli għall-approvazzjoni tat-tip tal-UE ta’:
      • sistema tal-magna jew familja ta’ magni* bħala unità teknika separata fir-rigward tal-emissjonijiet,
      • vettura fir-rigward tal-emissjonijiet,
      • tip ta’ tagħmir sostitut għall-kontroll tat-tniġġis bħala unità teknika separata.
  • Ir-Regolament (UE) 2017/2400 (ara s-sommarju) jikkomplementa r-regoli legali stabbiliti bir-Regolament (UE) Nru 582/2011. Dan jistabbilixxi r-regoli:
    • għaċ-ċertifikazzjoni ta’ komponenti tat-trakkijiet b’impatt fuq l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi;
    • għall-ħruġ ta’ liċenzji biex jitwettqu simulazzjonijiet biex jiġu ddeterminati l-emissjonijiet tas-CO2 u l-konsum tal-fjuwil ta’ vetturi ġodda li għandhom jinbiegħu, jiġu rreġistrati jew jitqiegħdu fis-servizz fl-UE;
    • għat-tħaddim ta’ għodod ta’ simulazzjoni u d-dikjarazzjoni tal-valuri tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil li jiddeterminaw.
  • Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1362 fih regoli fir-rigward tal-prestazzjoni tat-trejlers heavy-duty fir-rigward tal-influwenza tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2, il-konsum tal-fjuwil, il-konsum tal-enerġija u l-firxa ta’ sewqan b’emissjonijiet żero tal-vetturi bil-mutur.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ilu japplika mill-31 ta’ Diċembru 2012. Madankollu, xi wħud mill-emendi għad-Direttiva 2007/46/KE inklużi fl-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 595/2009 ilhom japplikaw biss mill-31 ta’ Diċembru 2013.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

Approvazzjoni tat-tip. Il-proċedura li biha awtorità tal-approvazzjoni tiċċertifika li tip ta’ vettura, sistema, komponent jew unità teknika separata tissodisfa ċerti rekwiżiti legali.
Familja ta’ magni. Ragruppament ta’ tipi ta’ magni tal-manifattur li, minħabba d-disinn tagħhom, għandhom karatteristiċi simili fir-rigward tal-emissjonijiet tal-egżost u jirrispettaw il-valuri ta’ limitu tal-emissjonijiet applikabbli.

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ir-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur u magni rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 715/2007 u d-Direttiva 2007/46/KE u li jħassar id-Direttivi 80/1269/KEE, 2005/55/KE u 2005/78/KE (ĠU L 188, 18.7.2009, pp. 1-13).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 595/2009 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1362 tal-1 ta’ Awwissu 2022 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-prestazzjoni ta’ trejlers heavy-duty fir-rigward tal-influwenza tagħhom fuq l-emissjonijiet tas-CO2, il-konsum tal-fjuwil, il-konsum tal-enerġija u l-firxa tas-sewqan b’emissjonijiet żero tal-vetturi bil-mutur u li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/683 (ĠU L 205, 5.8.2022, pp. 145-206).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/2400 tat-12 ta’ Diċembru 2017 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tad-determinazzjoni tal-emissjonijiet tas-CO2 u tal-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tqal u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 (ĠU L 349, 29.12.2017, pp. 1-247).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) 2017/1151 tal-1 ta’ Ġunju 2017 li jissupplimenta r-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward tal-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi, li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1230/2012 u li jħassar ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 (ĠU L 175, 7.7.2017, pp. 1-643).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 136/2014 tal-11 ta’ Frar 2014 li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 692/2008 fir-rigward ta’ emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u r-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) (ĠU L 43, 13.2.2014, pp. 12-46).

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 582/2011 tal-25 ta’ Mejju 2011 li jimplimenta u jemenda r-Regolament (KE) Nru 595/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-emissjonijiet minn vetturi heavy-duty (Euro VI) u li jemenda l-Annessi I u III għad-Direttiva 2007/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 167, 25.6.2011, pp. 1-168).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 06.09.2022

Top