EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - il-ġlieda kontra l-frodi

Legal status of the document This summary has been archived and will not be updated, because the summarised document is no longer in force or does not reflect the current situation.

Il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - il-ġlieda kontra l-frodi

Sa mill-1995, kien hemm fis-seħħ konvenzjoni li tfittex li tħares, taħt il-liġi kriminali, l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-kontribwenti tagħha. Matul is-snin, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kienet issupplimentata minn serje ta’ protokolli.

ATT

Att tal-Kunsill tas-26 ta' Lulju 1995 li jfassal il-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 316, 27.11.1995, p. 48-57)

SOMMARJU

Sa mill-1995, kien hemm fis-seħħ konvenzjoni li tfittex li tħares, taħt il-liġi kriminali, l-interessi finanzjarji tal-UE u tal-kontribwenti tagħha. Matul is-snin, il-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej kienet issupplimentata minn serje ta’ protokolli.

X’TAGĦMEL IL-KONVENZJONI?

Il-Konvenzjoni u l-protokolli tagħha

  • jipprovdu definizzjoni legali armonizzata ta’ frodi
  • jitolbu lill-firmatarji tagħhom sabiex jadottaw pieni kriminali għall-frodi.

PUNTI EWLENIN

Il-pajjiżi tal-UE għandhom jintroduċu pieni kriminali effettivi, proporzjonati u dissważivi sabiex jittrattaw il-frodi li jaffettwa l-interessi finanzjarji tal-UE.

Il-Konvenzjoni tagħmel differenza bejn frodi fir-rigward tal-infiq u dak fir-rigward tad-dħul.

  • Eżempji ta’ frodi fir-rigward tal-infiq jinkludu kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali bħal:
    • l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, skorretti jew inkompleti li jkollhom l-effett ta’ miżapproprijazzjoni jew żamma illegali ta’ fondi mill-baġit tal-UE;
    • in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni fi ksur ta’ obbligu speċifiku bl-istess effett;
    • jew l-applikazzjoni ħażina ta’ tali fondi għal finijiet oħrajn minbarra dawk li għalihom kienu maħsuba.
  • Eżempji ta’ frodi fir-rigward tad-dħul jinkludu kwalunkwe att jew ommissjoni intenzjonali bħal:
    • l-użu jew il-preżentazzjoni ta’ dikjarazzjonijiet jew dokumenti foloz, skorretti jew inkompleti li jkollhom l-effett ta’ tnaqqis illegali tar-riżorsi mill-baġit tal-UE;
    • in-nuqqas ta’ divulgazzjoni ta’ informazzjoni fi ksur ta’ obbligu speċifiku bl-istess effett;
    • jew l-applikazzjoni ħażina ta’ benefiċċju miksub legalment (pereżempju, l-użu ħażin ta’ pagamenti fiskali miksuba legalment) bl-istess effett.

F’każijiet ta’ frodi serji, dawn il-pieni għandhom jinkludu sentenzi ta’ kustodja li, f’ċerti każijiet, jistgħu jwasslu għal estradizzjoni.

L-ewwel Protokoll għall-Konvenzjoni, li ġie adottat fl-1996, jagħmel differenza bejn korruzzjoni “attiva” * u “passiva” * tal-uffiċjali pubbliċi. Huwa jiddefinixxi wkoll “uffiċjal” (kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll tal-UE) u jarmonizza l-pieni għal reati ta’ korruzzjoni.

Ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi

Kull pajjiż tal-UE għandu jippromulga l-leġiżlazzjoni sabiex jippermetti lill-kapijiet tan-negozji jew lil kwalunkwe persuni li għandhom is-setgħa li jieħdu deċiżjonijiet jew jeżerċitaw kontroll fi ħdan negozju (jiġifieri persuni ġuridiċi) ikunu ddikjarati bħala kriminalment responsabbli. It-Tieni Protokoll, li ġie adottat fl-1997, ikkjarifika wkoll il-Konvenzjoni fir-rigward tal-kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi, il-konfiska u l-ħasil tal-flus.

Il-qrati nazzjonali

Fl-1996, ġie adottat Protokoll li jikkonferixxi ġurisdizzjoni interpretattiva fuq il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja (ECJ). Dan il-protokoll jippermetti lill-qrati nazzjonali, meta jkollhom dubju dwar kif għandhom jinterpretaw il-Konvenzjoni u l-Protokolli tagħha, sabiex iressqu petizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għal deċiżjonijiet preliminari.

Kull pajjiż tal-UE għandu jieħu l-passi meħtieġa sabiex jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni tiegħu fuq ir-reati li jkun stabbilixxa b’konformità mal-obbligi tiegħu skont il-konvenzjoni.

Każijiet ta’ frodi li jinvolvu 2 pajjiżi jew aktar

Jekk frodi jkun jikkostitwixxi reat kriminali u jikkonċerna mill-inqas 2 pajjiżi tal-UE, dawk il-pajjiżi għandhom jikkooperaw b’mod effettiv fl-investigazzjoni, fil-prosekuzzjoni u fl-infurzar tal-pieni imposti permezz ta’, pereżempju, assistenza legali reċiproka, estradizzjoni, trasferiment tal-proċedimenti jew infurzar tas-sentenzi mogħtija f’pajjiż ieħor tal-UE.

Tilwimiet bejn il-pajjiżi tal-UE

Meta jinqalgħu tilwimiet rigward l-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni, il-każ għandu l-ewwel jiġi eżaminat mill-Kunsill. Jekk il-Kunsill ma jsibx soluzzjoni fi żmien 6 xhur, parti involuta fit-tilwima tista’ tressaq petizzjoni lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll għandha ġurisdizzjoni fuq it-tilwimiet bejn il-pajjiżi tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea.

MINN META BDIET TAPPLIKA L-KONVENZJONI?

Il-Konvenzjoni daħlet fis-seħħ fis-17 ta' Ottubru 2002, flimkien mal-ewwel protokoll tagħha u l-protokoll dwar l-interpretazzjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja. It-tieni protokoll daħal fis-seħħ fid-19 ta' Mejju 2009.

Il-konvenzjoni u l-protokolli tagħha huma miftuħa sabiex jiġu ffirmati minn kwalunkwe pajjiż li jissieħeb fl-UE.

Għal aktar informazzjoni, ara l-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi.

TERMINI EWLENIN

* Korruzzjoni attiva: reat kommess minn uffiċjal pubbliku li jagħti jew iwiegħed tixħima.

* Korruzzjoni passiva: reat kommess minn uffiċjal li jirċievi tixħima.

ATTI RELATATI

Att tal-Kunsill tas-27 ta' Settembru 1996 li jfassal Protokoll għall-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 313, 23.10.1996, p. 1-10)

Att tal-Kunsill tad-29 ta' Novembru 1996 li jfassal, fuq il-bażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, il-Protokoll dwar l-interpretazzjoni, permezz ta’ deċiżjonijiet preliminari, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 151, 20.5.1997, p. 1-14)

Att tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 1997 li jfassal it-Tieni Protokoll tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU C 221, 19.7.1997, p. 11-22)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/40/ĠAI tas-6 ta' Diċembru 2007 dwar l-adeżjoni tal-Bulgarija u tar-Rumanija mal-Konvenzjoni, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, mal-Protokoll tas-27 ta' Settembru 1996, mal-Protokoll tad-29 ta' Novembru 1996 u mat-Tieni Protokoll tad-19 ta' Ġunju 1997 (ĠU L 9, 12.1.2008, p. 23-24)

l-aħħar aġġornament 24.08.2015

Top