EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-Unjoni Ewropea

Is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA’:

Id-Direttiva 2006/112/KE — is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud tal-Unjoni Ewropea

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

Hija tfassal mill-ġdid u tħassar is-sitt direttiva dwar it-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT), sabiex tikkjarifika l-leġiżlazzjoni attwali dwar il-VAT fl-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

Il-VAT tiġi applikata għat-tranżazzjonijiet kollha li jitwettqu fl-UE għal ħlas minn persuna taxxabbli, (jiġifieri kwalunkwe individwu jew negozju li jipprovdu merkanzija u servizzi fil-kors tax-xogħol tagħhom). L-importazzjonijiet minn kwalunkwe persuna huma wkoll soġġetti għall-VAT.

Tranżazzjonijiet taxxabbli jinkludu l-provvisti ta’ merkanzija jew servizzi fl-UE, l-akkwisti ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri tal-UE (merkanzija pprovduta u mibgħuta jew trasportata minn Stat Membru wieħed lil negozju f’pajjiż ieħor) u l-importazzjonijiet ta’ merkanzija lejn l-UE minn pajjiżi mhux tal-UE.

  • Il-post ta’ tassazzjoni jiddependi min-natura tat-tranżazzjoni, it-tip ta’ prodott ipprovdut u jekk hemmx trasport involut.
    • Provvista ta’ merkanzija. Fejn il-merkanzija tiġi fornuta.
    • Akkwist ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri. Fejn il-merkanzija tiġi mwassla (jiġifieri l-Istat Membru fejn finalment tasal il-merkanzija wara trasport minn Stat Membru ieħor).
    • Importazzjonijiet ta’ oġġetti. Normalment l-Istat Membru fejn tasal il-merkanzija.
    • Provvista ta’ servizzi. Fejn is-servizzi jitqiesu li huma pprovduti. Dan ma jiddependix biss mit-tip ta’ servizz ipprovdut iżda wkoll fit-tip ta’ klijent li jkun qed jirċievi s-servizz. Ir-regola ġenerali hija li servizz jiġi ntaxxat fil-post tal-klijent, jekk ikun negozju, jew fil-post tal-fornitur, jekk il-klijent ikun individwu privat. Sabiex ikun żgurat li s-servizz jiġi ntaxxat fil-post fejn jiġi effettivament ikkunsmat, hemm xi eċċezzjonijiet minn dawn ir-regoli ġenerali, bħal dawn li ġejjin:
      • servizzi li jikkonċernaw proprjetà immobbli (proprjetà);
      • trasport ta’ passiġġieri;
      • attivitajiet relatati mal-kultura, l-isports, l-edukazzjoni u d-divertiment;
      • servizzi ta’ ristorant.
  • Il-VAT tiġi imposta meta l-merkanzija jew is-servizzi jiġu pprovduti, skont in-natura tat-tranżazzjoni. Il-VAT tista’ tiġi imposta għal akkwist ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri meta titlesta l-provvista tal-merkanzija lill-Istat Membru rilevanti. Għal importazzjonijiet lejn l-UE, il-VAT hija imposta meta l-merkanzija tiddaħħal fi Stat Membru.
  • L-ammont taxxabbli għall-provvista ta’ merkanzija u servizzi u għall-akkwist ta’ merkanzija bejn l-Istati Membri jinkludi l-pagamenti kollha lill-fornitur. Fejn qed tiġi importata merkanzija, dan l-ammont ikun il-valur tagħha għal finijiet doganali. Dazji, taxxi u imposti oħrajn huma inklużi fl-ammont taxxabbli iżda l-VAT infisha, skontijiet fuq il-prezz u ribassi mogħtija lill-klijent huma esklużi.
  • Ir-rata standard tal-VAT li għandha tiġi applikata mill-Istati Membri fuq il-merkanzija u s-servizzi hija ta’ mill-inqas 15 %. L-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa waħda, jew tnejn minnhom, ta’ mill-inqas 5 % rigward oġġetti jew servizzi speċifiċi elenkati fl-Anness III tad-Direttiva. Numru ta’ eċċezzjonijiet għal dawn ir-regoli (eż. rati aktar baxxi, fuq merkanzija jew servizzi oħrajn) japplikaw ukoll skont ċerti kundizzjonijiet.
  • Id-Direttiva tippermetti li jkun hemm eżenzjonijiet mill-VAT. Il-biċċa l-kbira ta’ dawn huma eżenzjonijiet mingħajr id-dritt għal tnaqqis, (eż. il-kura medika, is-servizzi soċjali jew is-servizzi finanzjarji u tal-assigurazzjoni). Madankollu, eżenzjonijiet bid-dritt għal tnaqqis jeżistu wkoll, (eż. il-provvista ta’ oġġetti bejn l-Istati Membri jew l-esportazzjonijiet ta’ oġġetti lejn pajjiż mhux tal-UE). Il-maġġoranza tal-eżenzjonijiet huma obbligatorji għall-Istati Membri, iżda xi wħud mhumiex obbligatorji.
  • Persuna taxxabbli tista’ tnaqqas l-ammont tal-VAT imħallas fuq merkanzija jew servizzi akkwistati li jintużaw għal tranżazzjonijiet intaxxati fl-Istat Membru fejn tiġi akkwistata din il-merkanzija jew dawn is-servizzi. Il-VAT tal-input tista’ titnaqqas mill-VAT li għandha titħallas fuq tranżazzjonijiet taxxabbli (eż. provvisti domestiċi ta’ merkanzija jew servizzi). Ġeneralment, m’hemmx dritt ta’ tnaqqis f’każ ta’ attività ekonomika eżentata mill-VAT, jew jekk il-persuna taxxabbli tikkwalifika għal ċerti skemi speċjali. F’ċerti każijiet, it-tnaqqis jista’ jiġi limitat jew aġġustat.
  • Id-Direttiva tistipula l-obbligi tal-persuni taxxabbli u ta’ ċerti persuni mhux taxxabbli. Ġeneralment, il-VAT titħallas minn persuna taxxabbli li tagħti servizz jew tforni oġġett taxxabbli. L-eċċezzjonijiet jinkludu tranżazzjonijiet speċifiċi fejn il-klijent iħallas il-VAT (eż. servizzi pprovduti lil negozju minn fornitur f’pajjiż ieħor, u tranżazzjonijiet fejn l-Istat Membru jista’ jagħżel li jinnomina l-klijent li jħallas il-VAT, bħal fil-każ ta’ ċerti provvisti sensittivi għall-frodi).
  • Id-direttiva tippermetti eċċezzjonijiet mir-regoli tal-VAT standard mill-Istat Membru, (eż. għall-prevenzjoni ta’ ċerti tipi ta’ evażjoni tat-taxxa). Hemm ukoll skemi speċjali tal-VAT imfassla għat-tnaqqis tax-xogħol amministrattiv, (p.e. għan-negozji ż-żgħar u għall-bdiewa).
  • Barra minn hekk, tippermetti lill-Istati Membri li huma l-aktar affettwati mill-frodi tal-VAT biex japplikaw temporanjament treġġigħ lura b’mod ġenerali tar-responsabbiltà tal-VAT. Dan jinvolvi ċ-ċaqliq tar-responsabbiltà għall-ħlas tal-VAT mill-fornitur għall-klijent. L-Istati Membri jistgħu jużaw din il-miżura biss għall-provvisti ta’ merkanzija u servizzi fil-pajjiż tagħhom ta’ ’l fuq minn EUR 17 500 għal kull tranżazzjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2022 biss, u taħt kundizzjonijiet stretti ħafna.

Saru għadd ta’ emendi għad-Direttiva 2006/112/KE, inklużi xi emendi minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

  • Id-Direttiva (UE) 2020/284 temenda d-direttiva, u tintroduċi ċerti rekwiżiti dwar il-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament biex jinżammu rekords ta’ pagamenti transfruntiera relatati mal-kummerċ elettroniku. Id-data mbagħad tkun disponibbli għall-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa taħt kundizzjonijiet stretti, inklużi dawk relatati mal-protezzjoni tad-data. Dawn ir-rekwiżiti japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2024.
  • Id-Direttiva Emendatorja (UE) 2020/285 tintroduċi regoli simplifikati biex jitnaqqsu l-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità għan-negozji ż-żgħar u biex jinħoloq ambjent tat-taxxa aktar vantaġġuż biex jgħinhom jikbru u jagħmlu kummerċ transfruntier b’mod aktar effiċjenti. In-negozji żgħar se jkunu jistgħu jikkwalifikaw għal regoli simplifikati tal-konformità mal-VAT fejn il-fatturat annwali tagħhom jibqa’ taħt il-limitu stabbilit mill-Istat Membru kkonċernat, li ma jistax ikun aktar minn EUR 85 000. F’ċerti kundizzjonijiet, in-negozji żgħar minn Stati Membri oħra, li ma jaqbżux dan il-limitu, se jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-iskema simplifikata, jekk il-fatturat annwali totali tagħhom fl-UE kollha ma jkunx aktar minn EUR 100 000. Dawn ir-regoli l-ġodda japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2025.
  • Il-pakkett dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku (id-Direttivi (UE) 2017/2455 u (UE) 2019/1995 li jemendaw id-Direttiva 2006/112/KE) introduċew simplifikazzjonijiet ġodda għall-kumpaniji li jwettqu bejgħ transfruntier ta’ oġġetti jew servizzi. Dan jiżgura li l-VAT fuq provvisti bħal dawn titħallas b’mod korrett lill-Istat Membru tal-klijent, f’konformità mal-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru destinatarju tal-UE. L-ewwel miżuri daħlu fis-seħħ fl-2015 u koprew biss is-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u dawk elettroniċi. In-negozji li jipprovdu provvisti ta’ merkanzija jew servizzi minn negozju għall-konsumatur fl-UE issa jistgħu jiddikjaraw u jħallsu l-VAT f’sistema simplifikata (punt uniku ta’ servizz).
  • Bħala konsegwenza tal-pandemija tal-COVID-19, id-Deċiżjoni (UE) 2020/1109 tipposponi d-data tad-dħul fis-seħħ tat-tieni pakkett mill-1 ta’ Jannar 2021 għall-1 ta’ Lulju 2021 biex tippermetti lill-pajjiżi u n-negozji tal-Istati Membri aktar żmien biex iħejju għar-regoli l-ġodda.
  • Id-Direttiva (UE) 2020/1756 temenda d-Direttiva 2006/112/KE, wara l-ħruġ tar-Renju Unit (RU) mill-UE, bl-introduzzjoni ta’ numri ta’ identifikazzjoni tal-VAT fl-Irlanda ta’ Fuq bi prefiss speċifiku biex issir distinzjoni bejn:
    • persuni taxxabbli u persuni ġuridiċi mhux taxxabbli li t-tranżazzjonijiet tagħhom li jinvolvu merkanzija fl-Irlanda ta’ Fuq huma soġġetti għal-leġiżlazzjoni tal-VAT tal-UE;
    • persuni li jwettqu tranżazzjonijiet oħra li għalihom huma identifikati għall-finijiet tal-VAT fir-Renju Unit.
  • Id-Direttiva (UE) 2020/2020 temenda d-direttiva biex tiżgura aċċess aktar affordabbli għall-provvisti ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u apparat mediku dijanjostiku in vitro (kits għall-ittestjar) b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 fl-Ewropa. Mit-12 ta’ Diċembru 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022, tippermetti lill-Istati Membri:
    • jiġu eżentati mill-VAT bid-dritt għal tnaqqis il-provvista ta’ vaċċini kontra l-COVID-19 u apparat mediku dijanjostiku in vitro u servizzi relatati mill-qrib ma’ dawn il-vaċċini u l-apparat;
    • japplikaw rata mnaqqsa ta’ VAT għal apparat mediku dijanjostiku in vitro u servizzi relatati tal-COVID-19, kif diġà huwa l-każ għall-vaċċini.
  • Id-Direttiva (UE) 2021/1159 temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward ta’ eżenzjonijiet temporanji fuq l-importazzjonijiet u fuq ċerti provvisti, b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19. Dan se jagħmilha aktar faċli għall-Kummissjoni Ewropea u għall-aġenziji tal-UE biex jixtru oġġetti u servizzi sabiex iqassmuhom mingħajr ħlas (jiġifieri bħala donazzjonijiet) lill-Istati Membri fil-kuntest tal-kriżi tas-saħħa pubblika li għaddejja bħalissa.

Riforma tas-sistema tal-VAT

Bħala parti mir-riforma proposta fil-pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT tal-Kummissjoni fl-2016, id-Direttiva emendatorja (UE) 2022/542 temenda d-Direttiva 2006/112/KE permezz ta’:

  • taġġorna l-lista tal-oġġetti u tas-servizzi għal fejn tiġi permessa rata mnaqqsa tal-VAT (Anness III); minkejja dan, in-numru ta’ oġġetti għal xiex rati mnaqqsa jistgħu jiġu applikati huwa limitat biex proliferazzjoni ta’ rati mnaqqsa tiġi evitata;
  • tiftaħ l-eċċezzjonijiet eżistenti li jħallu ċerti Stati Membri li japplikaw rati preferenzjali għal ċerti prodotti għall-Istati Membri kollha, diment li dawn ikunu kompatibbli mal-prinċipji li ġew miftiehma;
  • ineħħu bil-mod il-perjodi ta’ rati mnaqqsa jew eċċezzjonijiet li japplikaw għal prodotti b’impatt negattiv fuq l-ambjent (p.e. fuq il-fjuwils fossili u oġġetti oħra b’impatt simili fuq l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra li ma jibqgħux japplikaw iktar sa mill-iktar tard l-1 ta’ Jannar 2030 u fuq il-fertilizzanti u l-pestiċidi kimiċi li ma jibqgħux japplikaw sa mill-iktar tard l-1 ta’ Jannar 2032);
  • iħallu l-Istati Membri japplikaw rata mnaqqsa, partikolarment:
    • servizzi għall-aċċess tal-internet biex jindirizzaw il-kopertura baxxa ta’ dawn is-servizzi u jippromwovu l-iżvilupp tagħhom,
    • pannelli solari, roti elettriċi u servizzi tar-riċiklaġġ tal-iskart ikkunsidrati li huma oġġetti u servizzi li ma jagħmlux ħsara l-ambjent,
    • oġġetti u servizzi li għandhom għanijiet ta’ politika soċjali u kulturali speċifiċi.

MINN META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Id-Direttiva 2006/112/KE ilha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2007 u kellha ssir liġi fl-Istati Membri sal-1 ta’ Jannar 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • VAT (il-Kummissjoni Ewropea).

DOKUMENT PRINĊIPALI

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 347, 11.12.2006, pp. 1-118).

L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 2006/112/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, pp. 13-23).

Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/284 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE rigward l-introduzzjoni ta’ ċerti rekwiżiti għall-fornituri ta’ servizzi ta’ pagament (ĠU L 62, 2.3.2020, pp. 7-12).

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar pjan ta’ azzjoni dwar il-VAT lejn żona unika tal-VAT fl-UE - Żmien biex niddeċiedu (COM(2016) 148 finali, 7.4.2016).

Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, pp. 1-18).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/132/KE tad-19 ta’ Ottubru 2009 li tiddetermina l-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 143(b) u (c) tad-Direttiva 2006/112/KE dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud fuq l-importazzjoni finali ta’ ċerti oġġetti (ĠU L 292, 10.11.2009, pp. 5-30).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2008/9/KE tat-12 ta’ Frar 2008 li tistabbilixxi regoli dettaljati għar-rifużjoni tat-taxxa fuq il-valur miżjud, prevista fid-Direttiva 2006/112/KE, għal persuni taxxabbli mhux stabbiliti fl-Istat Membru ta’ rifużjoni iżda stabbiliti fi Stat Membru ieħor (ĠU L 44, 20.2.2008, pp. 23-28).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva tal-Kunsill 2007/74/KE tal-20 ta’ Diċembru 2007 dwar l-eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud u d-dazju tas-sisa fuq oġġetti importati minn persuni li jkunu qed jivvjaġġaw minn pajjiżi terzi (ĠU L 346, 29.12.2007, pp. 6-12).

Id-Direttiva tal-Kunsill 2006/79/KE tal-5 ta’ Ottubru 2006 dwar eżenzjonijiet mit-taxxi applikabbli għall-importazzjoni ta’ kunsinni żgħar ta’ merkanzija ta’ natura mhux kummerċjali minn pajjiżi terzi (verżjoni kodifikata) (ĠU L 286, 17.10.2006, pp. 15-18).

l-aħħar aġġornament 26.04.2022

Top