Il-protezzjoni tal-bijodiversità tal-Ewropa (Natura 2000)
SOMMARJU TAD-DOKUMENT:
Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa
X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?
-
Din tfittex li tikkontribwixxi biex tiżgura l-bijodiversità fl-Unjoni Ewropea bil-konservazzjoni tal-:
-
ħabitats naturali, u
-
l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġi.
-
Din tistabbilixxi n-netwerk “Natura 2000”, l-akbar netwerk ekoloġiku fid-dinja. Natura 2000 huwa magħmul minn żoni speċjali ta’ konservazzjoni ddeżinjati mill-pajjiżi tal-UE taħt din id-Direttiva. Natura 2000 jinkludi wkoll ż-żoni ta’ protezzjoni speċjali kklassifikati taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE).
PUNTI EWLENIN
Protezzjoni ta’ siti (in-netwerk Natura 2000)
-
L-Annessi I u II tad-Direttiva jelenkaw it-tipi ta’ ħabitats u speċi ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjni li l-konservazzjoni tagħhom tirrikjedi d-deżinjazzjoni ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjni*. Xi wħud minn dawn huma definiti bħala ħabitats jew speċi ta’ “prijorità” li jinsabu fil-periklu li jisparixxu u li għalihom hemm regoli speċifiċi.
-
L-Anness III jelenka l-kriterji għall-għażla ta’ siti eliġibbli għall-identifikazzjoni bħala siti ta’ importanza Komunitarja u għal deżinjazzjoni bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni.
-
Il-proċess ta’ deżinjazzjoni għandu 3 stadji:
-
1.
Filwaqt li juża l-kriterji fl-annessi, kull pajjiż tal-UE jfassal lista ta’ siti li jospitaw ħabitats naturali u fawna u flora selvaġġi.
-
2.
Abbażi tal-listi nazzjonali u bi qbil mal-pajjiżi tal-UE, il-
Kummissjoni Ewropea mbagħad tadatta
lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għal kull wieħed mid-
9 reġjuni bijoġeografiċi tal-UE:
-
3.
Fi żmien 6 snin mill-għażla ta’ sit ta’ importanza Komunitarja, il-pajjiż tal-UE kkonċernat irid jiddeżinjah bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni.
Proċedura ta' konsultazzjoni
-
Fejn il-Kummissjoni tikkunsidra li jkun tneħħa sit ta’ tip ta’ ħabitat naturali jew speċi ta’ prijorità minn lista nazzjonali, tista’ ssir proċedura ta' konsultazzjoni bejnha u l-pajjiż inkwistjoni. Jekk ir-riżultat ma jkunx sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta lill-Kunsill dwar l-għażla ta’ sit bħala wieħed ta’ importanza Komunitarja.
Objettivi u miżuri tal-konservazzjoni
-
Ladarba jkunu ġew deżinjati żoni speċjali ta’ konservazzjoni, il-pajjiżi tal-UE jridu jintroduċu objettivi u miżuri tal-konservazzjoni xierqa. Dawn għandhom jagħmlu dak kollu possibbli biex:
-
jiggarantixxu l-konservazzjoni tal-ħabitats f'dawn iż-żoni;
-
jevitaw id-deterjorament tagħhom u kwalunkwe disturb sinifkanti għall-ispeċi.
-
Il-pajjiżi tal-UE jridu wkoll:
-
jinkoraġġixxu l-ġestjoni xierqa tal-karatteristiċi tal-pajsaġġ li huma essenzjali għall-migrazzjoni, it-tixrid u l-iskambju ġenetiku tal-ispeċi selvaġġi;
-
iwettqu sorveljanza kemm tal-ħabitats kif ukoll tal-ispeċi.
Valutazzjoni tal-pjanijet/proġetti
-
Kwalunkwe pjan jew proġett li għandu probabbiltà li jkollu impatt sinifikanti fuq sit ta’ Natura 2000 jenħtieġ li jkun soġġett għal valutazzjoni xierqa. Il-pajjiżi tal-UE jridu jaqblu dwar pjan jew proġetti biss wara li jkun aċċertaw li dan mhux se jkollu impatt sinifikanti fuq l-integrità tas-siti protetti.
-
Fin-nuqqas ta’ alternattivi oħra, xi proġetti li se jikkawżaw impatt negattiv sinifikanti xorta jistgħu jitħallew għal raġunijiet imperattivi biex jingħeleb l-interess pubbliku (jiġifieri, raġunijiet soċjali jew ekonomiċi). Meta jsir dan, il-pajjiżi tal-UE jridu jintroduċu miżuri ta’ kumpens sabiex jiżguraw il-koerenza globali tan-netwerk Natura 2000.
Protezzjoni tal-ispeċi
Il-pajjiżi tal-UE jridu:
-
jistabbilixxu sistemi ta’ protezzjoni stretta għall-ispeċi tal-annimali u l-pjanti li huma partikolarment mhedda (l-Anness IV), li jipprojbixxu
-
il-forom kollha ta’ qbid jew ta’ qtil intenzjonat tal-kampjuni ta’ dawn l-ispeċi fl-ambjent selvaġġ
-
id-disturb intenzjonat ta’ dawn l-ispeċi, partikolarment matul il-perjodu tat-tnissil, tat-trobbija, tal-ibernazzjoni u tal-migrazzjoni
-
il-qerda intenzjonata jew it-teħid intenzjonat tal-bajd mill-ambjent selvaġġ
-
id-deterjorazzjoni jew il-qerda ta’ siti ta’ tnissil jew ta’ postijiet ta’ mistrieħ;
-
jipprojbixxu l-użu ta’ metodi mhux selettivi tat-teħid, il-qbid jew il-qtil ta’ ċerti speċi tal-annimali u l-pjanti (l-Anness V);
-
jistabbilixxu sistema biex jimmonitorjaw il-qbid u l-qtil inċidentali tal-ispeċi ta’ annimali elenkati fl-Anness IV(a);
-
jirrappurtaw il-miżuri li jkunu ħadu lill-Kummissjoni kull 6 snin. Il-Kummissjoni mbagħad toħroġ rapport kompost li jkun ikopri l-UE kollha.
META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?
Din ilha tapplika mill-10 ta’ Ġunju 1992. Il-pajjiżi tal-UE kellhom jinkorporawha fil-liġi nazzjonali sal-10 ta' Ġunju 1994.
SFOND
In-netwerk Natura 2000 jirrappreżenta kważi kwint taż-żona tal-art tal-UE u aktar minn 250 000 km2 taż-żona tal-baħar.
Ara wkoll:
* TERMINI EWLENIN
Żona speċjali ta’ konservazzjoni: sit ta’ importanza Komunitarja (jiġifieri, l-UE) iddeżinjat mill-pajjiżi tal-UE fejn il-miżuri ta’ konservazzjoni meħtieġa jittieħdu sabiex jiġi żgurat li l-istatus ta’ konservazzjoni favorevoli tal-ħabitats naturali u/jew tal-popolazzjonijiet tal-ispeċi li għalihom jiġi ddeżinjat is-sit jinżamm jew jiġi restawrat.
DOKUMENT EWLIENI
Id-Direttiva Tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni ta’ l-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU L 206, 22.7.1992, pp. 7-50)
L-emendi suċċessivi għad-Direttiva 92/43/KEE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni kkonsolidata hija biss ta’ valur dokumentarju.
DOKUMENTI RELATATI
Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi (ĠU L 20, 26.1.2010, pp. 7-25)
Ara l-verżjoni konsolidata.
Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew — Il-qagħda tan-natura fl-Unjoni Ewropea — Rapport dwar l-istatus u x-xejriet għat-tipi ta' ħabitats u għall-ispeċijiet li jkopru d-Direttiva tal-Għasafar u d-Direttiva tal-Ħabitats għall-perjodu 2007-2012 bħalma jeżiġi l-Artikolu 17 tad-Direttiva tal-Ħabitats u bħalma jeżiġi l-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Għasafar (COM(2015) 219 final, 20.5.2015)
l-aħħar aġġornament 21.02.2017