Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika tal-UE

Il-Kumitat tal-Politika Ekonomika tal-UE

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/604/KE — il-kompożizzjoni u l-istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika

X’INHU L-GĦAN TAD-DEĊIŻJONI?

  • Din tikkonferma l-kompiti, il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-operazzjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika tal-Unjoni Ewropea (UE), kumitat li oriġinarjament inħoloq fl-1974.
  • Din id-deċiżjoni kienet issegwi l-pass tal-UE għall-istadju finali tal-unjoni ekonomika u monetarja (UEM) meta r-rati tal-kambju ġew iffissati b’mod irrevokabbli u l-munita unika, jiġifieri l-euro, ġiet introdotta fis-swieq tal-muniti barranin u għall-pagamenti elettroniċi.
  • Hija ġiet emendata sussegwentement fl-2003 biex jittieħed inkunsiderazzjoni t-tkabbir tal-UE tal-2004.

PUNTI EWLENIN

Il-ħidma tal-kumitat

  • Il-kumitat ġie stabbilit sabiex:
    • jikkontribwixxi għall-ħidma tal-Kunsill (u aktar speċifikament tal-ministri tal-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji tal-UE — l-Ecofin) fuq il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u l-baġits tal-UE u tal-pajjiżi tal-UE;
    • jagħti pariri liIl-Kummissjoni Ewropea;
    • iħejji xi ftit mill-ħidma tal-Grupp tal-Euro.
  • Il-kumitat:
    • iwettaq analiżi ekonomiċi;
    • jippreżenta opinjonijiet dwar il-metodoloġiji;
    • imexxi fit-tħejjija tal-ħidma tal-Kunsill dwar is-Semestru Ewropew, inkluża l-formulazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet ta’ politika lill-pajjiżi tal-UE bbażati fuq abbozzi tal-Kummissjoni;
    • jifformula rakkmandazzjonijiet politiċi, bħal gwidi wesgħin tal-politika ekonomika li huma ddisinjati biex itejbu l-ħolqien tal-impjiegi u l-potenzjal ta’ tkabbir tal-UE;
    • jikkontribwixxi għas-sorveljanza multilaterali tal-politiki ekonomiċi nazzjonali billi jwettaq reviżjonijiet regolari tar-riformi strutturali tal-pajjiżi tal-UE;
    • jipprovdi pariri dwar il-politiki fir-rigward tal-parti tal-pjan ta’ investiment għall-Ewropa li timmira sabiex tneħħi l-ostakoli regolatorji għall-investiment kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-UE.
  • B’mod partikolari, il-kumitat jiffoka fuq:
    • l-operat tas-swieq tal-merkanzija, tal-kapital, tas-servizzi u tax-xogħol tal-UE, li jinkludu żviluppi fil-pagi, fil-produttività, fl-impjiegi u fil-kompetittività ;
    • ir-rwol u l-effiċjenza tas-settur pubbliku u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi fuq terminu twil;
    • l-implikazzjonijiet għall-ekonomija kollha ta’ politiki speċifiċi, bħal dawk li jirrelataw għall-ambjent, għar-riċerka u l-iżvilupp u għall-koeżjoni soċjali.
  • Il-kumitat jappoġġa l-ħidma tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju. Din tinvolvi, fost affarijiet oħrajn, il-monitoraġġ ta’ żviluppi makroekonomiċi fit-terminu qasir jew medju kemm fil-livell tal-UE kif ukoll fil-livell nazzjonali. Huwa jipprovdi analiżi u opinjonijiet dwar l-interazzjoni bejn il-politiki strutturali u makroekonomiċi u dwar l-iżviluppi fil-pagi.
  • Iservi wkoll bħala forum għal diskussjonijiet makroekonomiċi tekniċi mal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju, il-Kumitat tal-Impjiegi, il-Kummissjoni u l-imsieħba soċjali.

Kompożizzjoni u operat

  • Hemm żewġ rappreżentanti għal kull pajjiż tal-UE, u tnejn kull wieħed mill-Kummissjoni u l-BĊE.
  • Meta l-kumitat jiltaqa’ fil-forma tal-Grupp tal-Euro, dan ikun jinkludi r-rappreżentanti tal-Kummissjoni, tal-BĊE u ta’ dawk il-pajjiżi li għandhom l-euro bħala l-munita tagħhom.
  • Jiġi elett president kull sentejn u segretarjat jappoġġa l-ħidma tal-kumitat.
  • Il-laqgħat huma kunfidenzjali iżda r-rapporti u l-opinjonijiet normalment ikunu disponibbli għall-pubbliku.
  • Meta l-opinjonijiet jew ir-rapporti tal-kumitat ikunu suġġetti għal votazzjoni, dawn iridu jiġu adottati mill-maġġoranza tal-membri. Il-kumitat irid jirrapporta wkoll dwar opinjonijiet tal-minoranza jew dissententi espressi fil-kors tad-diskussjonijiet.
  • Meta r-rapporti jkunu jikkonċernaw kwistjonijiet li dwarhom il-Kunsill jista’ jieħu deċiżjoni sussegwentement, il-membri minn banek ċentrali u mill-Kummissjoni ma jistgħux jieħdu sehem fil-votazzjoni.
  • Il-kumitat stabbilixxa diversi gruppi ta’ ħidma li jeżaminaw kwistjonijiet speċifiċi:

MINN META TAPPLIKA D-DEĊIŻJONI?

Din ilha tapplika mit-12 ta’ Ottubru 2000.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Deċiżjoni tal-Kunsill 2000/604/KE tad-29 ta' Settembru 2000 dwar il-kompożizzjoni u l-istatuti tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika (ĠU L 257, 11.10.2000, pp. 28–31)

L-emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2000/604/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 11.04.2017

Top