Il-Poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 rigward il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet
Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4)
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENTI?
- Regolamenti (KE) Nru. 2532/98 u (KE) Nru. 2157/1999 (BĊE/1999/4) jistabbilixxu l-qafas li fuq il-bażi tagħhom, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jista’ jimponi sanzjonijiet* f’forma ta’multi* jew pagamenti perjodiċi ta’ penali* fuq kull impriża* li ma jkunux konformi ma’ obbligi li joħorġu mill-atti legali tal-BĊE u tal-Unjoni Ewropea (UE) fl-oqsma varji ta’ kompetenza tal-BĊE.
PUNTI EWLENIN
Limiti għal multi/ħlasijiet perjodiċi bħala penali li l-BĊE tista’ timponi bħala konsegwenza ta’ ksur*
- Il-limitu massimu għal multi għal impriżi hu ta’ €500,000 jew, fil-każ ta’ sanzjonijiet imposti b’rabta mal-kompiti superviżjorji tal-BĊE, id-doppju tal-ammont tal-qligħ miksub jew ta’ telf evitat minħabba l-ksur jew 10% tal-ammont totali tal-fatturat tal-impriża.
- Il-limitu massimu għal pagamenti perjodiċi ta’ penali hu ta’ €10,000 għal kull jum ta’ ksur jew, fil-każ ta’ sanzjonijiet relatati mal-kompiti superviżjorji tal-BĊE, 5% tal-fatturat medju ta’ kuljum għal kull jum ta’ ksur. Pagamenti ta’ penali perjodiċi jistgħu jkunu imposti għal massimu ta’ 6 xhur mill-jum tan-notifika tad-deċiżjoni li timponi dawn il-penali.
Pubblikazzjoni
- Il-BĊE jippubblika kull deċiżjoni li timponi sanzjonijiet fuq il-website tiegħu wara n-notifika. Il-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni hi anonimizzata jekk din x’aktarx:
- tipperikola l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji jew investigazzjoni kriminali kontinwa;
- tikkawża ħsara sproporzjonata lill-impriża kkonċernata;
- twassal għall-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li kieku tpoġġi f’riskju l-interessi leġittimi pubbliċi fis-sigurtà, bħas-sigurtà u l-protezzjoni tal-integrità ta’ karti ta’ flus ewro jew l-immaniġġjar sikur ta’ riskji ċiber jew operattivi lis-sistema ta’ ħlas sistemikament importanti* (ara s-sommarju).
- Fejn iċ-ċirkostanzi t’hawn fuq x’aktarx ikunu maħsuba li jieqfu f’ perjodu raġonevoli ta’ żmien, il-pubblikazzjoni tista’ tiġi diferuta għal dak il-perjodu ta’ żmien. Madanakollu, f’każ li l-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni kunfidenzjali li kieku tpoġġi f’riskju l-interessi leġittimi pubbliċi fis-sigurtà, il-BĊE jista’ jagħżel li ma jippubblikax deċiżjoni li timponi sanzjoni fejn iqis li r-riskju għall-interessi leġittimi pubbliċi fis-sigurtà jista’ ma jitnaqqasx billi jippubblika d-deċiżjonijiet rilevantii fuq bażi anonimizzata jew billi jipposponi l-pubblikazzjoni tagħhom.
- Jekk appell lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ deċiżjoni li timponi sanzjoni hu pendenti, il-BĊE jippubblika, mingħajr dewmien żejjed, informazzjoni dwar l-istatus tal-appell in kwistjoni u l-eżitu tiegħu fuq is-sit tal-internet uffiċjali tiegħu.
- L-informazzjoni ppubblikata tibqa’ disponibbli għal tal-inqas 5 snin.
Kriterji li jridu jkunu kkunsidrati
Meta tqis sanzjoni, il-BĊE hu ggwidat mill-prinċipju tal-proporzjonalità u jqis:
- il-bona fide u sinċerità tal-impriża involuta u l-grad ta’ diliġenza u kooperazzjoni, jew, bil-maqlub, l-ingann apposta tagħha.
- il-gravità tal-impatt tal-ksur;
- it-tennija, il-frekwenza jew id-durata tal-ksur;
- il-qligħ li l-impriża tkun kisbet mill-ksur;
- id-daqs ekonomiku tal-impriża;
- kwalunkwe sanzjoni preċedenti imposta fuq l-impriża għall-istess ksur minn awtoritajiet kompetenti oħra.
Proċeduri kontra l-ksur
- Id-deċiżjoni dwar jekk għandhiex tinbeda proċedura kontra l-ksur trid tittieħed mill-BĊE, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq il-bażi ta’ mozzjoni għal dak l-effett indirizzata lilu mill-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru tal-UE li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu sar il-ksur allegat.
- L-istess deċiżjoni tista’ tittieħed, fuq l-inizjattiva tiegħu jew fuq il-bażi ta’ mozzjoni għal dak l-effett indirizzat lilu mill-BĊE, mill-bank ċentrali nazzjonali ta’ Stat Membru tal-UE li fil-ġuriżdizzjoni tiegħu sar il-ksur allegat.
- L-impriża konċernata trid tingħata mhux inqas minn 30 jum biex tippreżenta d-difiża tagħha.
- Il-Bord Eżekuttiv jadotta deċiżjoni motivata dwar jekk jimponix sanzjonijiet fuq l-impriża.
- Fi żmien 30 jum minn meta tirċievi d-deċiżjoni, l-impriża tista’ titlob li l-Kunsill Governattiv biex jagħmel rieżami tad-deċiżjoni. Jekk ma tittieħed ebda deċiżjoni sa xahrejn id-deċiżjoni ssir finali.
- Il-Kunsill Governattiv jista’ jitlob lill-impriża involuta, lill-Bord Eżekuttiv jew lill-bank ċentrali nazzjonali kompetenti biex jipprovdi informazzjoni addizzjonali sabiex jagħmel rieżami tad-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv. Il-Bord Governattiv jista’ jemenda d-deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv u jimmodifika l-ammont tas-sanzjoni li ser tkun imposta, ir-raġunijiet li wasslu għall-ksur u jekk u sa liema grad is-sanzjoni ser tkun ippubblikata.
- L-impriża konċernata hi notifikata dwar il-konklużjoni u dwar id-dritt għal rimedju ġudizzjarju.
- Il-proċedura tal-ksur trid tkun inizzjata sa sena minn meta l-ksur sar magħruf mill-BĊE jew lill-bank ċentrali nazzjonali tal-ġuriżdizzjoni fejn ġara u, dejjem, sa 5 snin minn meta sar il-ksur. Barra minn dan, id-dritt li tittieħed id-deċiżjoni biex timponi sanzjoni fir-rigward ta’ ksur tiskadi sena wara d-deċiżjoni li tinizzja l-proċedura.
- Regoli speċifiċi japplikaw għal sanzjonijiet imposti fl-eżerċizju tal-kompiti superviżorji tal-BĊE. Meta titlesta l-investigazzjoni, il-BĊE jgħarraf lill-impriża involuta, jissettja limitu raġunevoli ta’ żmien għal sottomissjonijiet u jista’ jistedinha għas-smigħ orali. Il-Bord Superviżorju tal-BĊE jipproponi deċiżjoni abbozz lill-Kunsill Governattiv. Wara l-adozzjoni, id-deċiżjoni tista’ tkun riveduta mill-Bord Amministratti ta’ Rieżami.
- Il-limitu ta’ żmien għal sanzjonijiet imposti mill-BĊE fl-eżerċizju tal-kompiti superviżorji tiegħu hu 5 snin. Dan jista’ jkun interrott u estiż b’azzjonijiet meħuda mill-BĊE għall-iskopijiet tal-proċedimenti.
MINN META JIBDEW JAPPLIKAW IR-REGOLAMENTI?
- Ir-regolament (KE) Nru 2532/98 ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 1999, barra minn Artikolu 6(2), li ilu japplika mis-27 ta’ Novembru 1998.
- L-Artikolu 6(2) jippermetti lil-BĊE biex jadotta regolamenti biex jtispeċifika iktar l-arranġamenti biex sanzjonijiet ikunu jistgħu jiġu imposti, flimkien ma’ linji gwida biex jikkoordina u jarmonizza l-proċeduri fir-rigward tal-proċedura kontra l-ksur.
- Regolament (KE) Nru. 2157/1999 (BĊE/1999/4) ilu japplika mit-23 ta’ Settembru 1999.
SFOND
Abbażi ta’ Artikolu 34.3 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, sal-limiti u taħt il-kundizzjonijiet adottati mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-BĊE hu intitolat jimponi multi jew ħlasijiet perjodiċi bħala penali fuq impriżi għal nuqqas ta’ konformità ma’ obbligi taħt ir-regolamenti u deċiżjonijiet tiegħu. Ir-regolamenti għandhom l-għan li jiżguraw approċċ uniformi għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet f’oqsma varji ta’ kompetenza tal-BĊE u jistabbilixxu l-prinċipji u l-proċeduri relatati mal-impożizzjoni ta’ tali sanzjonijiet.
Għal aktar informazzjoni, ara:
TERMINI EWLENIN
Sanzjonijiet. Multi u pagamenti perjodiċi ta’ penali.
Multa. Ammont uniku ta’ flus li impriża hi obbligata tħallas bħala sanzjoni.
Pagamenti perjodiċi ta’ penali. Ammonti ta’ flus li, fil-każ ta’ ksur kontinwu, impriża hi obbligata tħallas jew bħala kastig jew bl-għan li tisforza l-persuni kkonċernati biex jikkonformaw mar-regolamenti u d-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE.
Impriżi. Persuni naturali jew ġuridiċi, privati jew pubbliċi, bl-eċċezzjoni ta’ persuni pubbliċi fl-eżerċizzju tal-poteri pubbliċi tagħhom, li huma suġġetti għal obbligi li joħorġu mir-regolamenti u mid-deċiżjonijiet tal-BĊE.
Ksur.Kull nuqqas minn impriża li twettaq obbligu li jiriżulta minn regolamenti jew deċiżjonijiet tal-BĊE.
Sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti. Sistemi maġġuri ta’ pagamenti bħal TARGET2, sistema ta’ pagament li tippermetti lill-banek tal-UE li jittrasferixxu flus bejn xulxin f’ħin reali (ara
s-sommarju).
DOKUMENTI PRINĊIPALI
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2532/98 tat-23 ta’ Novembru 1998 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (ĠU L 318, 27.11.1998, pp. 4–7).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2532/98 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (KE) Nru 2157/1999 tat-23 ta’ Settembru 1999 dwar il-poteri tal-Bank Ċentrali Ewropew li jimponi sanzjonijiet (BĊE/1999/4) (ĠU L 264, 12.10.1999, pp. 21–26).
Ara l-verżjoni konsolidata.
DOKUMENTI RELATATI
Id-Deċiżjoni (UE) 2021/1815 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-7 ta’ Ottubru 2021 dwar il-metodoloġija applikata għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għan-nuqqas ta’ konformità mar-rekwiżit biex jinżammu riżervi minimi u rekwiżiti relatati tar-riżervi minimi (BĊE/2021/45) (ĠU L 367, 15.10.2021, pp. 4–8).
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/2097 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Novembru 2017 dwar il-metodoloġija għall-kalkolu ta’ sanzjonijiet għall-ksur tar-rekwiżiti tas-sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2017/35) (ĠU L 299, 16.11.2017, pp. 31–33).
Ir-Regolament tal-Bank Ċentrali Ewropew (UE) Nru 795/2014 tat-3 ta’ Lulju 2014 dwar ir-rekwiżiti ta’ sorveljanza għal sistemi ta’ ħlas sistemikament importanti (BĊE/2014/28) (ĠU L 217, 23.7.2014, pp. 16–30).
Ara l-verżjoni konsolidata.
Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma’ awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, pp. 1–50).
Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠUJ L 287, 29.10.2013, pp. 63–89).
l-aħħar aġġornament 06.10.2023