Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Suq intern u għajnuna mill-Istat — servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

Suq intern u għajnuna mill-Istat — servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Ir-regolament li huwa magħruf bħala r-regolament dwar l-obbligu ta’ servizz pubbliku (OSP), jistabbilixxi kundizzjonijiet skont liema l-operaturi tat-trasport jistgħu jiġu kkumpensati jew jingħataw drittijiet esklużivi mill-awtoritajiet pubbliċi biex jipprovdu servizzi ta’ trasport pubbliku li huma fl-interess ġenerali iżda altrimenti ma jkunux kummerċjalment vijabbli. Billi jistabbilixxu obbligi ta’ servizz pubbliku, l-awtoritajiet għandhom l-għan li jiżguraw li l-passiġġieri jista’ jkollhom aċċess għal servizzi ta’ trasport pubbliku sikuri, effiċjenti, attraenti u ta’ kwalità għolja għall-passiġġieri.
  • Huwa jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70. Huwa ġie mmodifikat l-aħħar mir-Regolament (UE) 2016/2338.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament OSP jistabbilixxi:

  • obbligu għall-awtoritajiet li jikkonkludu kuntratti ta’ servizz pubbliku meta huma
    • jagħtu drittijiet esklużivi li jintitolaw lil operatur tat-trasport pubbliku jipprovdi ċerti servizzi ta’ trasport pubbliku ta’ passiġġieri fuq rotta jew netwerk partikolari jew f’żona partikolari, esklużi l-operaturi l-oħra kollha u/jew
    • jagħtu kumpens lill-operaturi tat-trasport pubbliku biex ikopru l-ispejjeż li jsiru biex jipprovdu obbligi ta’ servizz pubbliku;
  • regoli dwar kif għandhom jingħataw kuntratti ta’ servizz pubbliku;
  • regoli dwar kif jiġi kkalkulat l-ammont ta’ kumpens.

Kamp ta’ applikazzjoni

Ir-regolament japplika għas-servizzi tat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja u bil-ferrovija. Madankollu, il-pajjiżi tal-UE jistgħu wkoll japplikawh għat-trasport pubbliku tal-passiġġieri bil-passaġġi fuq l-ilma interni u l-ilmijiet tal-baħar nazzjonali.

Kuntratti għal servizzi pubbliċi u regoli ġenerali

  • L-awtorità li hija kompetenti għal qasam partikolari trid tikkonkludi kuntratt ta’ servizz pubbliku li jagħti lill-operatur dritt esklużiv u/jew kumpens bi skambju biex jipprovdi OSP.
  • Jistgħu jiġu imposti wkoll obbligi li jiġu applikati tariffi massimi għall-kategoriji kollha ta’ passiġġieri jew uħud minnhom permezz ta’ regoli ġenerali, li japplikaw għall-operaturi kollha mingħajr diskriminazzjoni.
  • L-awtorità tagħti kumpens biex tibbilanċja l-impatt tal-obbligi tas-servizz pubbliku fuq l-ispejjeż u d-dħul tal-operatur.
  • Il-kuntratti tas-servizz pubbliku (u r-regoli ġenerali) jiddefinixxu:
    • l-obbligi tas-servizz pubbliku li għandhom jitwettqu;
    • ir-regoli għall-kalkolu tal-kumpens u n-natura u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ kwalunkwe dritt esklużiv;
    • kumpens żejjed għandu jiġi evitat;
    • kif għandhom jiġu allokati l-ispejjeż marbuta mal-provvista tas-servizz (spejjeż tal-persunal, enerġija, infrastruttura, materjal fuq ir-roti, manutenzjoni, eċċ);
    • kif għandu jiġi allokat d-dħul mill-bejgħ tal-biljetti (kemm jekk huwa miżmum mill-operatur, imħallas lura lill-awtorità, jew maqsum).
  • It-tul ta’ żmien ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku ma għandux ikun aktar minn 10 snin għal servizzi ta’ karozza tal-linja u kowċ, u 15-il sena għal trasport bil-ferrovija jew forom oħra ibbażati fuq linji ferrovjarji.

Għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku

  • Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku għandhom jingħataw skont ir-regoli ta’ dan ir-regolament. Madankollu, għall-għoti ta’ ċerti servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-karozza tal-linja jew bit-tram, il-proċeduri ta’ akkwist pubbliku tad-Direttivi 2014/25/KE (ara s-sommarju Xiri pubbliku — regoli għas-setturi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u dak postali) u 2014/24/KE japplikaw (ara s-sommarju Kuntratti pubbliċi — stipular ta’ regoli bażi ċari).
  • Bħala regola ġenerali, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu kuntratti ta’ servizz pubbliku permezz ta’ proċeduri kompetittivi trasparenti u mhux diskriminatorji.
  • Madankollu, l-obbligu li jingħataw kuntratti permezz ta’ proċedura kompetittiva ma japplikax:
    • fejn awtorità lokali tipprovdi servizzi tat-trasport pubbliku hi stess jew tassenjahom lil operatur tat-trasport intern (korp separat, li l-awtorità lokali tikkontrolla b’mod simili għal wieħed mid-dipartimenti tagħha stess);
    • fejn il-volum tal-kuntratt huwa modest
      • valur annwali medju stmat ta’ inqas minn EUR 1 miljun jew
      • inqas minn 300 000 kilometru ta’ servizzi pubbliċi ta’ trasport tal-passiġġieri;
    • fejn jittieħdu miżuri ta’ emerġenza jew jiġu imposti kuntratti bħala rispons għal interruzzjonijiet attwali jew potenzjali tas-servizz.

Kuntratti ta’ servizz pubbliku fis-settur ferrovjarju

Ir-Regolament (UE) 2016/2338 emenda dan ir-regolament billi introduċa l-prinċipju ta’ għoti kompetittiv anke għal kuntratti ta’ servizz pubbliku fis-settur tal-ferrovija, li qabel kien eskluż. Ġew permessi perjodi twal ta’ tranżizzjoni sabiex l-awtoritajiet u l-operaturi jkunu jistgħu jadattaw għar-regoli l-ġodda.

L-għoti dirett ta’ kuntratti ferrovjarji jibqa’ possibbli f’ċirkostanzi eċċezzjonali u f’dawk definiti sew, l-aktar fejn:

  • huwa ġġustifikat minn karatteristiċi strutturali u ġeografiċi tas-suq u tan-netwerk (daqs, karatteristiċi tad-domanda, kumplessità tan-netwerk, iżolament tekniku u ġeografiku, tip ta’ servizzi); u
  • jirriżulta f’titjib fil-kwalità tas-servizzi jew fil-kosteffiċjenza, jew it-tnejn, meta mqabbel mal-kuntratt preċedenti;
  • il-volum tal-kuntratt huwa modest
    • valur annwali medju stmat inqas minn EUR 7.5 miljun fis-sena jew
    • inqas minn 500 000 kilometru.

Perjodu ta’ tranżizzjoni

Għotjiet diretti inkondizzjonati ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku bil-ferrovija mhux se jibqgħu jkunu possibbli mill-25 ta’ Diċembru 2023.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2009, ħlief għall-Artikolu 5 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ servizz pubbliku, li ilu japplika mit-3 ta’ Diċembru 2019.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, 3.12.2007, pp. 1-13)

Emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 1370/2007 ġew inkorporati fid-dokument oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva 2014/23/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 1-64)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-għoti ta’ kuntratti ta’ konċessjoni u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 65-242)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU L 94, 28.3.2014, pp. 243-374)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-linji gwida interpretattivi li jikkonċernaw ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bit-triq (ĠU L 92, 29.3.2014, pp. 1-21)

l-aħħar aġġornament 01.10.2019

Top