Miżuri restrittivi biex jiġi miġġieled it-terroriżmu
SOMMARJU TA’:
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu
X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?
Dan għandu l-għan li jipprevjeni u jipprojbixxi l-finanzjament ta’ atti terroristiċi*.
Dan ir-Regolament ġie adottat abbażi tal-Pożizzjoni Komuni 2001/931/CFSP.
PUNTI EWLENIN
- Il-pajjiżi tal-UE jiddeċiedu b’mod unanimu l-individwi, il-gruppi u l-entitajiet koperti mil-leġiżlazzjoni.
- Il-lista tikkonsisti minn individwi fiżiċi jew ġuridiċi, grupp jew entitajiet li jikkommettu, jew jippruvaw jikkommettu, jipparteċipaw fi jew jiffaċilitaw xi att ta’ terroriżmu, jew ikkontrollati minn, jew jaġixxu fl-interess ta’, wieħed minn dawk il-gruppi.
- Il-fondi, l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi* kollha li jappartjenu għal, li huma ta’ jew li jinżammu minn kwalunkwe persuna jew xi ħadd fil-lista preskritta jiġu ffriżati u ma jistgħux isiru disponibbli għal xi ħadd ieħor.
- L-evitar tal-iffriżar ta’ xi assi b’mod konxju u intenzjonalment, huwa offiża.
- Pajjiżi tal-UE jistgħu jippermettu li l-fondi ffriżati jintużaw, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, għal:
- bżonnijiet personali essenzjali, bħal ħlas għal ikel, mediċini jew akkomodazzjoni;
- taxxi, primjums tal-assigurazzjoni u utilitajiet pubbliċi bħall-gass, l-ilma, id-dawl u telekomunikazzjoni, u spejjeż tal-bank;
- kuntratti konklużi qabel daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni.
- Banek, kumpaniji tal-assigurazzjoni u istituzzjonijiet finanzjarji oħra għandhom jipprovdu kwalunkwe informazzjoni relevanti dwar kontijiet iffriżati lill-awtoritajiet nazzjonali.
- Il-leġiżlazzjoni tapplika:
- ġewwa l-UE, inkluż l-ispazju tal-ajru tagħha u fuq xi inġenji tal-ajru jew xi bastimenti taħt il-ġurisdizzjoni ta’ pajjiż tal-UE;
- għal kull ċittadin ta’ pajjiż tal-UE;
- għal kull persuna, grupp jew entità legali bbażata fi, jew li tagħmel kummerċ, ġewwa l-UE.
- F’Diċembru 2001, il-gvernijiet tal-UE qablu li jfasslu lista ta’ individwi, gruppi u entitajiet involuti f’atti terroristiċi li l-fondi u l-assi finanzjarji tagħhom għandhom jiġu ffriżati (il-Pożizzjoni Komuni 2001/931/CFSP).
MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?
Dan ilu japplika mit-28 ta’ Diċembru 2001.
SFOND
F’Settembru 2001, wara l-attakki ta’ 11/9, il-mexxejja tal-gvernijiet għamlu l-ġlieda kontra t-terroriżmu waħda mill-prijoritajiet tal-UE. Il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu hija mod ewlieni kif dan jista’ jinkiseb. Fl-istess xahar, il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti appoġġja ffriżar fuq l-assi finanzjarji u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jintużaw biex jitwettqu atti terroristiċi.
TERMINI EWLENIN
Atti terroristiċi: azzjonijiet intenzjonati li jistgħu jagħmlu ħsara serja lil pajjiż jew organizzazzjoni internazzjonali u li jitqiesu bħala reat taħt il-liġi nazzjonali.
Fondi, assi finanzjarji oħrajn u riżorsi ekonomiċi: assi ta’ kull tip, sew jekk tanġibbli jew mhux tanġibbli, mobbli jew immobbli.
DOKUMENT EWLIENI
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2580/2001 tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar miżuri restrittivi speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bil-għan li jiġi miġġieled it-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, pp. 70-75).
L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.
DOKUMENTI RELATATI
Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/CFSP tas-27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU L 344, 28.12.2001, pp. 93-96)
Ara l-verżjoni konsolidata.
l-aħħar aġġornament 13.04.2022
Top