EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regolament VIS

Regolament VIS

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 767/2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Huwa jistabbilixxi s-sistema ta’ informazzjoni dwar il-viża (VIS) kif ukoll il-proċeduri u l-kundizzjonijiet għall-iskambju ta’ data dwar viża b’rigward applikazzjonijiet ta’ viżi għal perjodu qasir bejn l-Unjoni Ewropea (UE) l-Istati Membri li ffirmaw il-Ftehim u l-Konvenzjoni ta’ Schengen.

PUNTI EWLENIN

Nota lill-qarrej: dan ir-regolament ġie emendat diversi drabi. Dan is-sommarju jirrefletti l-kontenut tar-regolament, kif emendat, fejn dawn l-emendi daħlu fis-seħħ attwalment.

Għan

L-għan tal-VIS, oriġinarjament stabbilit taħt id-Deċiżjoni 2004/512/KE, huwa li jtejjeb l-implimentazzjoni tal-politika komuni dwar il-viża, il-kooperazzjoni konsulari u l-konsultazzjonijiet bejn l-awtoritajiet ċentrali tal-viża billi:

  • jiffaċilita l-proċedura tal-applikazzjoni għall-viża;
  • jipprevjeni x-“viża shopping”;
  • jiffaċilita l-ġlieda kontra l-frodi;
  • jiffaċilita l-kontrolli fil-punti esterni ta’ qsim tal-fruntiera u fit-territorji nazzjonali;
  • jassisti fl-identifikazzjoni ta’ persuni li ma jilħqux ir-rekwiżiti biex jidħlu, joqgħodu jew jgħixu fit-terrirorji nazzjonali;
  • jiffaċilita l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, li jiddetermina l-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil ta’ ċittadin minn pajjiż mhux tal-UE (ara s-sommarju);
  • jikkontribwixxi għall-prevenzjoni ta’ theddid għas-sigurtà interna tal-Istati Membri.

F’każijiet speċifiċi, l-awtoritajiet nazzjonali u l-Europol jistgħu jitolbu aċċess għad-data li tiddaħħal fil-VIS sabiex jipprevjenu, jiskopru u jinvestigaw reati terroristiċi u kriminali.

Il-kategoriji ta’ data li ġejjin huma reġistrati fil-VIS:

  • data alfanumerika fuq l-applikant u fuq il-viżas mitluba, maħruġa, irrifjutati, annullati, revokati jew estiżi;
  • ritratti;
  • data dwar il-marki tas-swaba;
  • links għal applikazzjonijiet preċendenti għall-viża u għal fajls ta’ applikazzjoni tal-persuni li qed jivvjaġġaw f’daqqa.

Kategoriji ta’ data reġistrati fir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità

Id-data li ġejja hija reġistrata fir-repożitorju komuni ta’ informazzjoni dwar l-identità (CIR):

  • kunjom, ismijiet, data tat-twelid, sess;
  • kunjom mat-twelid (kunjom(ijiet) preċedenti), post u pajjiż tat-twelid, nazzjonalità attwali u nazzjonalità mat-twelid;
  • informazzjoni dwar id-dokument tal-vjaġġ, inkluż:
    • tip u numru,
    • pajjiż emittenti,
    • awtorità emittenti,
    • data ta’ skadenza tal-validità.

Aċċess għal-VIS

  • Persunal awtorizzat tal-awtoritajiet tal-viża biss jistgħu idaħħlu, jemendaw jew iħassru data tal-VIS;
  • Persunal awtorizzat tal-awtoritajiet tal-viża u awtoritajiet li jwettqu l-kontrolli fil-punti ta’ kontroll tal-qsim ta’ fruntieri esterni, tal-kontrolli tal-immigrazzjoni u tal-ażil biss jistgħu jikkonsultaw id-data tal-VIS.
  • Awtoritajiet bl-aċċess għall-VIS jeħtieġ li jassiguraw li:
    • l-użu tas-sistema hija limitata biss għal dawk il-ħidmiet li huma neċessarji, xierqa u proporzjonali biex iwettqu ħidmiethom;
    • fl-użu tal-VIS l-applikanti u d-detenturi tal-viża ma jiġux diskriminati u li d-dinjità u l-integrità tagħhom tiġi rispettata.

Dħul tad-data mill-awtoritajiet tal-viża

  • L-awtorità tal-viża toħloq fajl dwar l-applikazzjoni, fejn applikazzjoni hija ammissibbli skont il-Kodiċi tal-Viża kif stipulat fir-Regolament emendatorju (KE) Nru 810/2009 (ara sommarju). Din iddaħħal id-data fil-VIS kif speċifikat fl-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 767/2008.
  • L-awtorità tal-viża ser iżżid iktar data fejn ittieħdet deċiżjoni biex tinħareġ viża, bħal pereżempju:
    • l-awtorità emittenti;
    • it-tip ta’ viża;
    • in-numru tal-istiker tal-viża;
    • it-territorju fejn id-detentur tal-viża huwa intitolat li jivvjaġġa;
    • id-data tal-bidu u tat-tmiem tal-validità tal-viża;
    • l-għadd ta’ daħliet awtorizzati bil-viża fit-territorju.
  • Ir-raġunijiet fejn deċiżjoni ttieħdet jeħtieġ li jiġu speċifikati biex:
    • viża tiġi rifjutata, annullata jew rivokata; jew
    • il-perjodu ta’ validità tagħha jiġi estiż.

L-Użu tal-VIS

Il-VIS tintuża:

  • minn awtoritajiet tal-viża kompetenti li jeżaminaw l-applikazzjonijiet u d-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn l-applikazzjonijiet;
  • bejn awtoritajiet ċentrali tal-viża għal konsultazzjoni u talbiet għal dokumenti;
  • minn awtoritajiet tal-viża kompetenti għal raġunijiet ta’ rappurtar u statistika (mingħajr ma jidentifikaw applikanti individwali).

Aċċess għad-data tal-VIS minn awtoritajiet oħra

  • Ir-Regolament Emendatorju (UE) 2017/2226 li introduċa s-Sistema ta’ Dħul/Ħruġ (EES) (ara s-sommarju) irriżulta f’kontrolli iktar effiċjenti u malajr mal-fruntieri permezz ta’ kanal ta’ komunikazzjoni sikur bejn is-sistema ċentrali tal-EES u dik tal-VIS ċentrali. Konsultazzjoni diretta bejn l-EES u l-VIS hija possibbli biss meta kemm ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 kif ukoll ir-Regolament (UE) 2017/2226 jipprovdu hekk.
  • L-awtoritajiet tal-viża li qed jużaw il-VIS jistgħu jikkonsultaw l-EES mil-VIS:
    • meta jeżaminaw u jiddeċiedu dwar applikazzjonijiet tal-viża;
    • sabiex jieħdu u jesportaw data relatata mal-viża direttament mill-VIS għas-sistema tal-EES f’każ li viża tiġi annullata, revokata jew estiża.
  • L-awtoritajiet tal-Fruntieri li jużaw l-EES jistgħu jikkonsultaw il-VIS mill-EES sabiex:
    • jieħdu data relatata mal-viża direttament mill-VIS u jimpurtawha fl-EES;
    • jivverifikaw l-awtentiċità u l-validità tal-viża;
    • jiċċekkjaw jekk ċittadini mhux tal-UE li huma eżenti mill-viża u li ma jkollhomx fajl individwali għalihom irreġistrat fil-EES kienu rreġistrati fil-VIS qabel;
    • jivverifikaw l-identità tad-detentur tal-viża bil-marki tas-swaba mqabbla mal-VIS, fejn l-identità tad-detentur tal-viża ġiet verifikata permezz tal-marki tas-swaba.
  • L-Awtoritajiet kompetenti biex iwettqu kontrolli fit-territorju tal-Istati Membri jistgħu jfittxu data għall-finijiet uniċi biex jivverifikaw l-identità tad-detentur tal-viża u/jew l-awtentiċità tal-viża u/jew jekk il-kundizzjonijiet għad-dħul, għall-waqfa jew għar-residenza humiex sodisfatti.
  • L-Awtoritajiet nazzjonali responsabbli għall-ażil jistgħu jaċċessaw id-data għall-finijiet uniċi ta’:
    • determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jeżamina l-applikazzjoni għall-ażil; u
    • eżaminazzjoni ta’ applikazzjoni għall-ażil.

Operazzjoni tal-VIS

  • Sa’ minn Ġunju 2018, l-Aġenzija Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira (eu-LISA) kienet responsabbli għat-tmexxija operazzjonali tal-VIS Ċentrali u tal-interface nazzjonali li jingħaqdu mas-sistemi nazzjonali tal-Istati Membri.
  • Tmexxija Operazzjonali tal-VIS tikkonsisti fiż-żamma tal-ħidmiet kollha neċessarji biex il-VIS tibqa’ taħdem 24 siegħa kuljum, 7 ijiem fil-ġimgħa. Dan jinkludi xogħol ta’ manutenzjoni u ta’ żviluppi tekniċi neċessarji biex jiġi żgurat li s-sistema taħdem b’livell sodisfaċenti fil-kwalità operazzjonali.
  • Kull Stat Membru tal-UE huwa responsabbli għal:
    • l-iżvilupp, l-organizzazzjoni, it-tmexxija, l-operat u l-manutenzjoni tas-sistema nazzjonali tiegħu;
    • l-assigurazzjoni tas-sigurtà tad-data qabel u waqt it-trażmissjoni tad-data lill-interface nazzjonali u, għal dan il-għan, ikun hemm adozzjoni ta’ pjan ta’ sigurtà;
    • il-ġestjoni tal-aċċess minn persunal awtorizzat kif suppost mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tiegħu għall-VIS;
    • il-ħlas tal-ispejjeż imġarrba mis-sistema nazzjonali tiegħu.
  • Id-Data fil-VIS ma tistax tiġi komunikata lil pajjiżi mhux tal-UE jew lil organizzazzjonijiet internazzjonali sakemm dan mhuwiex vitali biex l-identità ta’ ċittadin mhux tal-UE tiġi attestata f’każi individwali.

Sigurtà, obbligazzjoni u protezzjoni

  • L-Istat Membru li daħħal id-data fil-VIS jeħtieġ li jassigura s-sigurtà tagħha qabel u waqt it-trażmissjoni lill-interfacea nazzjonali. Kull pajjiż jeħtieġ li jassigura s-sigurtà tad-data li jirċievi mil-VIS u li jadotta pjan ta’ sigurtà relatat mas-sistema nazzjonali tiegħu.
  • Kwalunkwe persuna jew pajjiż li sofra ħsara minħabba operazzjoni ta’ pproċessar kontra l-liġi jew kwalunkwe att inkompatibbli mar-Regolament (KE) Nru 767/2008 huwa intitolat li jirċievi kumpens mill-pajjiż responsabbli għall-ħsara mġarrba.
  • Kull pajjiż u l-eu-LISA jeħtieġ li jżommu rekords tal-operazzjoni ta’ pproċessar tad-data kollha fil-VIS, kif ukoll rekords tal-persunal li kien awtorizzat kif suppost li jdaħħal u joħroġ id-data.
  • Kull Stat Membru jeħtieġ li jitlob lill-awtorità superviżorja nazzjonali, stabbilita skont ir-Regolament (UE) 2016/679 (ara s-sommarju), jimmonitorja l-ipproċessar tad-data personali skont il-liġi minn dak il-pajjiż. Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jissorvelja l-attivitajiet tal-eu-LISA.

Applikazzjoni

Bħala strument tax-Schengen, dan ir-regolament japplika għall-Istati Membri bl-eċċezzjoni tal-Irlanda. Id-Danimarka, bħall-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera, ddeċidiet li timplimenta r-regolament.

Emendi għar-Regolament (KE) Nru 767/2008

Sabiex jiġu indirizzati l-isfidi ta’ sigurtà kif ukoll ix-xejriet ta’ migrazzjoni li qed jinbidlu, qed isiru impenji biex id-diversi sistemi ta’ informazzjoni tal-UE jsiru interoperabbli. Għaldaqstant, ir-Regolament (KE) Nru 767/2008 ġie emendat diversi drabi biex jieħu dan ix-xogħol in kunsiderazzjoni — għalkemm dawn il-bidliet mhux ser japplikaw sa’ data li għad trid tiġi deċiża u li mhix ser tkun qabel l-2023. Il-kriterji huma dawn li ġejjin.

  • Ir-Regolament (UE) 2019/817 dwar interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà (ara s-sommarju).
  • Ir-Regolament (UE) 2021/1134 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008, kif ukoll żewġ testi relatati mill-qrib, il-Kodiċi dwar ill-Viża (Regolament (KE) Nru 810/2009 — ara s-sommarju) u l-Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen (Regolament (UE) 2016/399 — ara s-sommarju). Fost affarijiet oħra, huwa jsaħħaħ il-kontrolli fl-isfond li jsiru qabel tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ viża.
  • Ir-Regolament (UE) 2021/1152 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 767/2008 relatat mal-interoperabbiltà tal-VIS mas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u Awtorizzazzjoni stabbilita taħt ir-Regolament (UE) 2018/1240 (ara s-sommarju).

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

  • L-Applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 767/2008 kellu jiġi determinat mill-Kummissjoni Ewropea skont l-Artikolu tiegħu 48(3). Il-VIS daħlet fis-seħħ fil-11 ta’ Ottubru 2011.
  • L-Artikoli tar-regolament 26, 27, 32, 45, 48(1), (2) u (4) u l-Artikolu 49 ilhom japplikaw mit-2 ta’ Settembru 2008.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) Nru 767/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Lulju 2008 dwar is-Sistema tal-Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) u l-iskambju ta’ data bejn l-Istati Membri dwar viżi għal perjodu qasir (Regolament VIS) (ĠU L 218, 13.8.2008, pp. 60-81).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 767/2008 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, pp. 99–137).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, pp. 1–71).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 1–88).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) 2016/399 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Marzu 2016 dwar Kodiċi tal-Unjoni dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni min-naħa għall-oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU L 77, 23.3.2016, pp. 1–52).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, pp. 31–59).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament (KE) Nru 810/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar il-Viżi (Kodiċi dwar il-Viżi) (ĠU L 243, 15.9.2009, pp. 1–58).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/512/KE tat-8 ta’ Ġunju 2004 li tistabbilixxi s-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) (ĠU L 213, 15.6.2004, pp. 5–7).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 03.08.2023

Top