Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (CIS)

Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (CIS)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi tal-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

  • Dan ifittex li jsaħħaħ il-kooperazzjoni amministrattiva (assistenza reċiproka) fost l-awtoritajiet nazzjonali u bejn l-awtoritajiet u l-Kummissjoni Ewropea rigward l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni doganali u agrikola tal-UE.
  • Is-sistema ta’ informazzjoni doganali (CIS) tgħin fil-prevenzjoni, fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ ksur tal-leġiżlazzjoni doganali jew agrikola tal-UE.
  • Din iżżid l-effettività tal-kooperazzjoni u tal-proċeduri ta’ kontroll tal-awtoritajiet nazzjonali bili xxerred id-data u l-informazzjoni b’mod rapidu.
  • Is-sistema tippermetti wkoll l-iskambju ta’ data dwar oġġetti li jiċċaqalqu bejn it-territorju doganali tal-UE u tal-pajjiżi mhux tal-UE.

PUNTI EWLENIN

  • Il-kundizzjonijiet li topera fihom is-CIS huma ddefiniti fir-regolament innifsu. Id-data mdaħħla fis-CIS għandha tirrigwarda biss:
    • komoditajiet (merkanzija);
    • mezzi ta’ trasport;
    • negozji;
    • persuni;
    • xejriet ta’ frodi;
    • disponibbiltà ta’ għarfien espert;
    • merkanzija miżmuma, maqbuda jew konfiskata;
    • flus kontanti miżmuma, maqbuda jew konfiskati.
  • L-organizzazzjonijiet internazzjonali jew reġjonali jistgħu jaċċessaw is-CIS permezz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill. Taħt ċerti kundizzjonijiet, id-data tista’ tiġi skambjata ma’ awtoritajiet nazzjonali oħra, ma’ pajjiżi mhux tal-UE u ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali, u/jew ma’ aġenziji tal-UE.

Protezzjoni tad-data

  • Jista’ jagħti l-każ li l-informazzjoni skambjata jkun fiha data personali*. L-iskambji ta’ data personali jseħħu biss meta jkunu meħtieġa biex jinkisbu l-objettivi tas-sistema, pereżempju, għall-iskopijiet ta’ osservar, ta’ kontrolli speċifiċi jew ta’ analiżi operattiva*.
  • Id-data kollha fis-CIS hija kunfidenzjali u tista’ tiġi riprodotta biss għal raġunijiet tekniċi bħal f’każijiet ġustifikati bit-tfittxija tal-informazzjoni. Bl-awtorizzazzjoni tal-awtorità li daħħlitha, id-data personali tista’ tiġi trażmessa lil sistemi ta’ mmaniġġjar tar-riskju użati għall-kontrolli doganali nazzjonali jew lil sistemi ta’ analiżi operattiva użati fuq livell tal-UE.

Bażi tad-data għall-identifikazzjoni tal-fajls doganali

Il-bażi tad-data għall-identifikazzjoni ta’ fajls doganali (FIDE) hija parti speċifika tas-CIS. Din tiċċentralizza l-fajls relatati ma’ persuni u negozji li ġew suspettati li għamlu, jew li nstabu ħatja ta’ xi reati.

Titjib fl-immaniġġjar tar-riskju u l-kxif u l-prevenzjoni ta’ frodi

  • Ir-Regolament (UE) 2015/1525, li ilu japplika mill-1 ta’ Settembru 2016, jemenda r-Regolament (KE) Nru 515/97 bl-għan li tittejjeb l-individwazzjoni, l-investigazzjoni u l-prevenzjoni tal-frodi relatata mad-dwana, billi l-iskambju tal-informazzjoni u tal-evidenza disponibbli jiġi ssimplifikat, u jittejjeb il-funzjonament ta-sistema stabbilita. Dan jindirizza nuqqasijiet fis-sistemi għall-individwalizzazzjoni ta’ frodi relatata mad-dwana kif ukoll jindirizza d-dewmien fl-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF).
  • Ir-Regolament (UE) 2015/1525:
    • jintroduċi direttorju ta’ messaġġi dwar l-istatus tal-kontejners (direttorju tal-MIK) rappurtati. Il-pajjiżi tal-UE għandhom l-istess livell ta’ aċċess għad-direttorju tal-MIK bħall-Kummissjoni;
    • jistabbilixxi repożitorju ċentralizzat għad-data dwar l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tranżitu;
    • jiċċara l-possibbiltà li tintuża informazzjoni miksuba permezz ta’ għajnuna reċiproka bħala evidenza fi proċeduri ġudizzjarji u amministrattivi;
    • jistabbilixxi l-proċedura li tippermetti lill-Kummissjoni biex tikseb dokumenti ta’ sostenn miżmuma min-negozji. Fuq talba tal-Kummissjoni, il-pajjiżi tal-UE jridu jipprovdu dokumenti ta’ akkumpanjamenti mad-dikjarazzjonijiet ta’ importazzjoni u ta’ esportazzjoni, u din it-talba trid tiġi pproċessata fi żmien 4 ġimgħat;
    • jissimplifika l-proċedura għall-ħżin tad-data fis-CIS billi jitneħħa l-obbligu li d-data tiġi riveduta kull sena u billi jistabbilixxi perjodu massimu ta’ ħżin ta’ ħames snin li jista’ jiżdied, jekk dan ikun ġustifikat, b’perjodu addizzjonali ta’ sentejn;
    • jitlob lill-Kummissjoni li, sad-9 ta’ Ottubru 2017, tagħmel evalwazzjoni tal-ħtieġa li jiġi estiż l-iskop tad-data tal-esportazzjoni li tinsab fid-direttorji kkonċernati, kif ukoll il-fattibbiltà li jiġi estiż l-iskop tad-data li tinsab fid-direttorju dwar it-trasport, billi tiġi inkluża data dwar l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet u t-tranżitu ta’ oġġetti fuq l-art jew bl-ajru.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mit-13 ta’ Marzu 1998.

SFOND

TERMINI EWLENIN

Data personali: kull informazzjoni rigward persuna fiżika, identifikata jew identifikabbli (dan ifisser li l-persuna tista’ tiġi identifikata kemm direttament jew indirettament, b’mod partikolari permezz ta’ numru ta’ identifikazzjoni jew permezz ta’ elementi speċifiċi għall-identità fiżika, fiżjoloġika, psikoloġika, ekonomika, kulturali jew soċjali ta’ dik il-persuna).
Analiżi operattiva: il-proċess ta’ analiżi ta’ operazzjonijiet li jikkostitwixxu, jew jidhru li jikkostitwixxu, ksur waqt bosta fażijiet bħall-ġbir ta’ informazzjoni, l-evalwazzjoni tal-affidabbiltà tal-informazzjoni, ir-rabta tal-informazzjoni, kif ukoll il-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet immirati lejn l-identifikazzjoni ta’ persuni jew negozji implikati u/jew biex jiġu skoperti reati oħra.

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 515/97 tat-13 ta’ Marzu 1997 dwar għajnuna reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi ta’ l-Istati Membri u l-koperazzjoni bejn dawn tal-aħħar u l-Kummissjoni biex ikun assigurat l-applikar korrett tal-liġi dwar materji doganali u agrikoli (ĠU L 82, 22.3.1997, pp. 1-16)

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (KE) Nru 515/97 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/757 tat-3 ta’ Frar 2016 li jiddetermina dawk l-operazzjonijiet b’rabta mal-applikazzjoni tar-regolamenti agrikoli li jeħtieġu l-introduzzjoni tal-informazzjoni fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (ĠU L 126, 14.5.2016, pp. 1-2)

Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, pp. 89-131)

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/345 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi l-frekwenza tar-rapportar ta’ Messaġġi dwar l-Istatus tal-Kontejners, il-format tad-dejta u l-metodu ta’ trażmissjoni (ĠU L 65, 11.3.2016, pp. 38-39)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/346 tal-10 ta’ Marzu 2016 li jistabbilixxi l-elementi li għandhom ikunu inklużi fis-Sistema ta’ Informazzjoni Doganali (ĠU L 65, 11.3.2016, pp. 40-48)

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/917/ĠAI tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar l-użu tat-teknoloġija tal-informatika għall-finijiet doganali (ĠU L 323, 10.12.2009, pp. 20-30)

Id-Deċiżjoni Nru 70/2008/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar ambjent mingħajr karti għad-dwana u l-kummerċ (ĠU L 23, 26.1.2008, pp. 21-26)

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 29.10.2019

Top