Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)

Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)

 

SOMMARJU TA’:

il-konklużjonijiet tal-Kunsill li bihom stieden l-introduzzjoni tal-Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI)

X’INHU L-GĦAN TAL-KONKLUŻJONIJIET?

Il-leġiżlazzjoni hija disponibbli b'mod wiesa’ fuq l-internet u aċċessibbli b’diversi formati diġitali. Madankollu, il-mod ta’ kif inhi organizzata u kklassifikata l-informazzjoni legali jvarja bejn is-sistemi legali differenti. Il-konklużjonijiet jindirizzaw din il-kwistjoni billi jagħtu opinjoni favorevoli dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Leġiżlazzjoni (ELI), inizjattiva biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini u l-professjonisti tal-liġi jingħataw aċċess imtejjeb għall-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni, sew fil-livell reġjonali kif ukoll f’dak nazzjonali jew tal-UE.

L-ELI jħaffef l-aċċess u l-kondiviżjoni ta’ din l-informazzjoni u b’hekk jikkontribwixxi lejn l-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja komuni tal-UE.

PUNTI EWLENIN

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-pajjiżi tal-UE jadottaw is-sistema tal-ELI sabiex l-informazzjoni dwar il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali tkun deskritta b’mod armonizzat madwar is-sistemi leġiżlattivi. Għaċ-ċittadini u għall-utenti professjonali, dan se jfisser titjib rigward is-sejbien tal-informazzjoni, l-aċċess għaliha u l-użu tagħha mill-ġdid.

Kif jaħdem l-ELI?

L-ELI huwa bbażat fuq:

  • l-użu tal-Identifikatur Uniformi tar-Riżorsa (Uniform Resource Identifier, URI) biex jiġi identifikat post għall-informazzjoni legali fuq il-web;
  • sett ta’ metadejta strutturata li jintuża għad-deskrizzjoni tal-informazzjoni legali tal-UE u dik nazzjonali;
  • l-użu ta’ lingwa komuni għall-iskambju tal-informazzjoni legali b’formati jinqraw mill-magni bil-għan li jsir użu mill-ġdid* aħjar.

Is-sistema tal-ELI ġiet żviluppata bil-għan li tiġi standardizzata l-komunikazzjoni legali, li jiġi promoss l-interkambju u li tiżdied l-interoperabbiltà bejn is-sistemi tal-informazzjoni legali fil-livell tal-UE u f’dak nazzjonali filwaqt li jisseddqu l-ispeċifiċitajiet tas-sistema legali u leġiżlattiva ta’ kull pajjiż.

X’jenħtieġ li jagħmlu l-pajjiżi tal-UE sabiex jintroduċu l-ELI?

L-introduzzjoni tal-ELI hija fakultattiva, volontarja u gradwali. Għall-adozzjoni tal-ELI, jenħtieġ li l-pubblikaturi tal-leġiżlazzjoni:

  • jassenjaw identifikaturi u metadejta tal-ELI lil-leġiżlazzjoni tagħhom;
  • jippubblikaw, b’format speċifiku, il-metadejta tal-ELI assenjata lil-leġiżlazzjoni tagħhom.

L-implimentaturi tal-ELI huma mistiedna jaħtru koordinatur nazzjonali tal-ELI u jikkondividu l-informazzjoni dwar l-implimentazzjoni rispettiva tagħhom tal-ELI. Din l-informazzjoni trid issir disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tal-ELI mtella’ fuq il-portal EUR-Lex: http://eurlex.europa.eu/eli.

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-2017

F’Novembru tal-2017, il-Kunsill adotta sett ġdid ta’ konklużjonijiet dwar l-ELI abbażi tal-konklużjonijiet tal-2012.

Dawn il-konklużjonijiet jipprovdu rapport tal-progress dwar l-inizjattiva tal-ELI:

  • Is-sistema tal-ELI ntużat f’għadd ta’ sistemi nazzjonali ta’ pubblikazzjoni tal-leġiżlazzjoni,
  • l-ELI ġie applikat għal-leġiżlazzjoni tal-UE ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-portal EUR-Lex operat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-UE,
  • u l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, li jaġixxi b’konformità mad-Deċiżjoni 2009/496/KE, integra l-ELI fil-portal EUR-Lex. L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet, fil-portal tiegħu EUR-Lex, jospita u jieħu ħsieb reġistru tal-koordinaturi nazzjonali tal-ELI, informazzjoni dwar il-format u l-użu tal-ELI fil-pajjiżi parteċipanti u dokumentazzjoni utli oħra.

Il-konklużjonijiet jistiednu lill-grupp ta’ ħidma tal-Kunsill dwar il-leġiżlazzjoni elettronika jieħu għadd ta’ miżuri mmirati biex imexxu ’l quddiem is-sistema tal-ELI, u b’mod partikolari:

  • lit-Task Force (TF) tal-ELI jiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet relatati mal-ELI u jiżgura l-iżvilupp futur tagħhom;
  • lill-grupp ta’ esperti dwar l-ELI tal-grupp ta’ ħidma dwar il-leġiżlazzjoni elettronika javvanza din l-inizjattiva billi:
    • jippermetti li l-pajjiżi tal-UE jwettqu skambju ta’ esperjenzi u prattiki tajbin dwar l-użu tal-ELI;
    • jinforma lill-pajjiżi tal-UE dwar il-ħidma tat-TF tal-ELI;
    • jirrapporta lill-grupp ta’ ħidma dwar il-leġiżlazzjoni elettronika dwar it-tħassib u l-ħtiġijiet tal-pajjiżi tal-UE fid-dawl tal-ELI;
    • jirrapporta l-kontenut tal-laqgħat lill-grupp ta’ ħidma dwar il-leġiżlazzjoni elettronika.

Hemm anness li fih wieħed isib l-elementi ewlenin ta’ informazzjoni u r-referenzi:

  • dwar l-implimentazzjoni nazzjonali;
  • l-elementi tal-ELI;
  • siti ta’ referenza tal-ELI.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

  • Dwar l-ELI (l-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet).

TERMINI EWLENIN

Użu mill-ġdid: il-possibbiltà li ċ-ċittadini u l-kumpaniji jerġgħu jużaw il-materjal bla ħlas, saħansitra għal skopijiet kummerċjali, u mingħajr ma jkollhom għalfejn jitolbu permess biex jagħmlu dan. L-informazzjoni tista’ tiġi riprodotta, adattata, tradotta eċċ. Dan l-użu mill-ġdid jista’ jkun soġġett għal kundizzjonijiet. Pereżempju, il-politika ġenerali dwar l-użu mill-ġdid tal-Kummissjoni Ewropea titlob li dawk li jerġgħu jużaw l-informazzjoni jirrikonoxxu s-sors tagħha u jiżguraw li ma jitgħawwiġx it-tifsir oriġinali tagħha. Madankollu, hemm ċerti eċċezzjonijiet mill-politika ġenerali dwar l-użu mill-ġdid tal-Kummissjoni, bħal-logos, is-softwer eċċ.

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill li jistiednu l-introduzzjoni tal-Identifikatur tal-Leġislazzjoni Ewropea (ELI) (ĠU C 325, 26.10.2012, pp. 3-11)

DOKUMENTI RELATATI

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Novembru 2017 dwar l-Identifikatur Ewropew tal-Leġislazzjoni (ĠU C 441, 22.12.2017, pp. 8-12)

Deċiżjoni 2009/496/KE, Euratom tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill, tal-Kummissjoni, tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-Qorti Tal-Awdituri, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-26 ta’ Ġunju 2009 dwar l-organizzazzjoni u l-funzjonament tal-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 168, 30.6.2009, pp. 41-47)

Emendi suċċessivi għad-Deċiżjoni 2009/496/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata hija ta’ valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 09.02.2018

Top