EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

L-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni

L-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni

 

SOMMARJU TA’:

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill — l-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni

X’INHU L-GĦAN TAL-KONKLUŻJONIJIET?

  • Id-dokument jistabbilixxi l-kwistjonijiet marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni*. Din hija importanti għall-ħolqien ta’ soċjetà koeżiva u biex l-individwi jsiru ċittadini attivi u li jkollhom suċċess f’ħajjithom, u biex dawn jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
  • Hija tistieden lill-pajjiżi tal-UE u lill-Kummissjoni Ewropea biex jieħdu serje ta’ miżuri sabiex jilħqu dawn il-miri.

PUNTI EWLENIN

  • L-edukazzjoni hija importanti għall-integrazzjoni tal-migranti fis-soċjetà tal-UE. F’kull livell, jinħtieġu miżuri speċifiċi u flessibbiltà akbar, li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ studenti bi sfond ta’ migrazzjoni, u jipprovdu appoġġ u opportunitajiet għall-iżvilupp tal-potenzjal kollu tagħhom.
  • Is-sistemi tal-edukazzjoni li jpoġġu enfasi qawwija kemm fuq l-ekwità kif ukoll fuq il-kwalità, u jiffavorixxu approċċi inklużivi fil-livelli kollha, jidher li huma l-aktar effettivi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni.
  • Id-diversità kulturali għandha tintlaqa’ bħala sors ta’ vitalità u arrikkiment. Il-promozzjoni tal-edukazzjoni interkulturali, filwaqt li tirrispetta l-identità tal-pajjiż ospitant, taqsam l-għarfien u żżid fil-livell ta’ kemm nifhmu l-kulturi ta’ xulxin, kif ukoll tibni rispett reċiproku u tiġġieled il-preġudizzju, se tipprovdi benefiċċji li jdum igawdi minnhom kulħadd.

Ir-responsabbiltajiet tal-pajjiżi tal-UE

Kull pajjiż tal-UE għandu jieħu azzjoni fil-livell lokali, reġjonali jew nazzjonali, inkluż billi:

  • jiżviluppa approċċ ta’ politika integrata biex jilħaq dawn l-objettivi;
  • jistabbilixxi jew isaħħaħ mekkaniżmi kontra d-diskriminazzjoni bil-għan li jippromwovi l-integrazzjoni soċjali u ċ-ċittadinanza attiva;
  • jagħmel l-edukazzjoni aktar aċċessibbli billi jneħħi l-ostakli fis-sistemi tal-iskejjel;
  • itejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni, inkluż bi sforzi biex jattira u jżomm l-aqwa għalliema u jsaħħaħ it-tmexxija fi skejjel li ma jkunux qed jilħqu l-livell mixtieq;
  • jiżgura aċċess għal edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal ta’ kwalità għolja;
  • joffri aktar tagħlim personalizzat u appoġġ individwali, b’mod partikolari għal tfal ta’ migranti b’livelli edukattivi milħuqa baxxi;
  • jipprovdi taħriġ speċjalizzat f’kompetenzi interkulturali u jimmaniġġja d-diversità lingwistika u kulturali għall-mexxejja tal-iskejjel, l-għalliema u l-persunal amministrattiv;
  • jiżviluppa politiki għat-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ospitant u jqis il-possibbiltajiet li l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni jibqgħu jużaw u jiżviluppaw il-lingwa materna tagħhom;
  • jiżgura kurrikuli ta’ kwalità għolja li jkunu rilevanti għall-istudenti kollha, irrispettivament minn fejn ġejjin, u jqis il-ħtiġijiet tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni fl-għażla tal-metodi u l-materjali tat-tagħlim;
  • jiżviluppa sħubijiet ma’ komunitajiet ta’ migranti u jżid l-isforzi mmirati lejn it-titjib fil-komunikazzjoni mal-ġenituri bi sfond ta’ migrazzjoni;
  • jipprovdi appoġġ speċifiku għall-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni li għandhom ukoll bżonnijiet speċjali;
  • jiġbor u janalizza data biex jinforma t-tfassil tal-politika;
  • jaqsam prassi tajba fil-livell xieraq biex itejjeb il-politiki u l-azzjonijiet;
  • juża l-programm ta’ tagħlim tul il-ħajja, il-Fond Soċjali Ewropew u riżorsi oħra bħall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, biex jappoġġa proġetti tal-edukazzjoni interkulturali u l-edukazzjoni ta’ studenti bi sfond ta’ migrazzjoni.

Ir-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni Ewropea

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni għandha:

  • tappoġġja l-kooperazzjoni fost il-pajjiżi tal-UE fuq kwistjonijiet li tqajmu f’dawn il-konklużjonijiet, inkluż il-qsim tal-esperjenza u l-prassi tajba u l-użu tal-programmi tal-UE eżistenti;
  • tqis kif l-objettivi tad-direttiva dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti jistgħu jintlaħqu bl-aħjar mod fil-kuntest dejjem jevolvi tal-migrazzjoni;
  • tissorvelja l-lakuna fl-eżiti tat-tagħlim bejn studenti lokali u studenti bi sfond ta’ migrazzjoni, bl-użu tad-data u l-indikaturi eżistenti;
  • tikkoopera mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet internazzjonali oħra dwar kwistjonijiet li huma marbuta mal-edukazzjoni u l-migrazzjoni, bħall-Kunsill tal-Ewropa, l-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) u l-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżviluppi Ekonomiċi (OECD);
  • tiżgura li kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni jiġu trattati b’mod adegwat fi programmi tal-UE rilevanti u inizjattivi tal-edukazzjoni u t-taħriġ oħra, inkluża l-edukazzjoni għolja;
  • tiżgura li l-kwistjonijiet marbuta mal-edukazzjoni tat-tfal bi sfond ta’ migrazzjoni jkunu trattati fil-proċess tal-protezzjoni soċjali u l-inklużjoni soċjali.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

TERMINI EWLENIN

bi sfond ta’ migrazzjoni it-tfal tal-persuni kollha li jgħixu f’pajjiż tal-UE li ma jkunux twieldu fih, irrispettivament minn jekk humiex ċittadini ta’ pajjiż terz, ċittadini ta’ pajjiż ieħor tal-UE jew sussegwentement sarux ċittadini tal-pajjiż ospitant.

DOKUMENT EWLIENI

Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta’ Novembru 2009 dwar l-edukazzjoni ta’ tfal bi sfond ta’ migrazzjoni (ĠU C 301, 11.12.2009, pp. 5-8)

DOKUMENTI RELATATI

Id-Direttiva tal-Kunsill 77/486/KEE tal-25 ta’ Lulju 1977 dwar l-edukazzjoni tat-tfal ta’ ħaddiema migranti (ĠU L 199, 6.8.1977, pp. 32-33)

Green Paper — Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE (COM(2008) 423 final, 3.7.2008)

Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar il-Green Paper — Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi u l-opportunitajiet għas-sistemi ta’ edukazzjoni tal-UE (ĠU C 218, 11.9.2009, pp. 85-90)

Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Pjan ta’ Azzjoni dwar Minorenni Mhux Akkumpanjati (2010-2014) (COM(2010) 213 final, 6.5.2010)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Il-protezzjoni tat-tfal migranti (COM(2017) 211 final, 12.4.2017)

l-aħħar aġġornament 14.11.2017

Top