Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Sensji kollettivi: informazzjoni u konsultazzjoni tal-persunal

Sensji kollettivi: informazzjoni u konsultazzjoni tal-persunal

 

SOMMARJU TAD-DOKUMENT:

Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE dwar l-approssimizzazzjoni tal-liġijiet tal-pajjiżi tal-UE li jirrigwardaw is-sensji kollettivi

X’INHU L-GĦAN TAD-DIRETTIVA?

  • Din teħtieġ li min iħaddem jinforma u jikkonsulta mar-rappreżentanti tal-persunal f’każ ta’ sensji kollettivi*.
  • Tispeċifika l-punti li dawn il-konsultazzjonijiet għandhom ikopru u l-informazzjoni li min iħaddem jeħtieġ li jipprovdi.
  • Tistipula wkoll ir-regoli ta' proċedura għas-sensji kollettivi.

PUNTI EWLENIN

Id-direttiva ma tapplikax għal:

  • sensji kollettivi li jsiru skont kuntratti tax-xogħol konklużi għal perjodi limitati taż-żmien jew għal xogħlijiet speċifiċi, ħlief meta dawn is-sensji jseħħu qabel id-data ta’ skadenza jew it-tlestija ta’ dawn il-kuntratti;
  • ħaddiema impjegati minn korpi amministrattivi pubbliċi jew minn stabbilimenti rregolati minn liġi pubblika.

Barra minn hekk, id-drittijiet tal-ħaddiema meta s-sjieda tan-negozju tinbidel jew in-negozju jsir insolventi huma koperti minn regoli oħra tal-UE.

Konsultazzjonijiet

Kull impjegatur li qed iqis l-għoti ta’ sensji kollettivi għandu jikkonsulta mar-rappreżentati tal-ħaddiema fi żmien tajjeb bl-iskop li jintlaħaq ftehim. Mill-inqas, il-konsultazzjonijiet għandhom ikopru l-mezzi u miżuri biex:

  • jiġu evitati sensji kollettivi jew jitnaqqas in-numru ta’ impjegati affettwati; u
  • jittaffew il-konsegwenzi billi jkun hemm rikors għal miżuri soċjali li jakkumpanjawhom immirati b'mod partikolari, inter alia, li jgħinu għall-impjieg jew it-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema mingħajr xogħol.

Il-Kunsill tax-Xogħol Ewropew itejjeb id-drittijiet tal-ħaddiema għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni transnazzjonali ma’ kumpaniji li joperaw madwar l-UE.

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta minn min iħaddem

Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jdaħħlu miżuri li jgħinu lir-rappreżentanti tal-ħaddiema biex jużaw is-servizzi tal-esperti, skont ir-regoli nazzjonali. Min jimpjega għandu jipprovdi lir-rappreżentanti tal-ħaddiema bl-informazzjoni relevanti kollha matul il-konsultazzjonijiet u għandu jinnotifikahom b’dan li ġej bil-miktub:

  • ir-raġunijiet għas-sensji;
  • il-perjodu meta se jingħataw is-sensji;
  • in-numru u l-kategoriji tal-ħaddiema normalment impjegati;
  • in-numru tal-kategoriji ta’ ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;
  • il-kriterji użati għas-selezzjoni ta’ dawk il-ħaddiema li se jisfaw bla xogħol;
  • il-metodu użat biex jiġi kkalkulat il-kumpens (fejn applikabbli).

Proċedura għal sensji kollettivi

Min jimpjega għandu jsegwi l-proċedura li ġejja:

  • Jinnotifika lill-awtorità pubblika kompetenti bil-miktub dwar kull pjan ta’ sensji kollettivi. Din in-notifika għandu jkollha l-informazzjoni rilevanti kollha li tikkonċerna s-sensji u l-konsultazzjonijiet li saru, minbarra l-metodu użat biex jiġi kkalkolat il-kumpens.
  • Jekk l-impjegati jkunu ekwipaġġ ta’ bastimenti fuq il-baħar, min jimpjega għandu jinnotifika lill-awtoritajiet tal-pajjiż li fih il-bastiment huwa rreġistrat.
  • Jibgħat kopja tan-notifika lir-rappreżentati tal-ħaddiema, li jistgħu jibagħtu kummenti lill-awtorità pubblika kompetenti.
  • Is-sensji kollettivi jidħlu fis-seħħ — mill-aktar fis possibbli — 30 ġurnata wara n-notifika; l-awtorità pubblika kompetenti tuża dan il-perjodu biex issib soluzzjonijiet.
  • Il-pajjiżi tal-UE jistgħu jagħtu s-setgħa lill-awtorità pubblika kompetenti sabiex tnaqqas dan il-perjodu msemmi jew testendih għal 60 ġurnata wara n-notifika, f’każijiet fejn il-problemi ma jistgħux jiġu solvuti fi żmien il-perjodu inizjali. Jistgħu jingħataw setgħat iktar wiesgħa ta’ estensjoni.
  • Min iħaddem għandu jkun infurmat bl-estensjoni u l-bażi tagħha qabel ma jiskadi l-perjodu tal-bidu.

META TAPPLIKA D-DIRETTIVA?

Hija ilha tapplika mill-1 ta’ Settembru 1998.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

* TERMINI EWLENIN

Sensji kollettivi: sitwazzjoni fejn min iħaddem jieħu deċiżjoni li jagħti s-sensja lil grupp ta' impjegati.

DOKUMENT EWLIENI

Direttiva tal-Kunsill 98/59/KE tal-20 ta’ Lulju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li għandhom x’jaqsmu ma’ redundancies kollettivi (ĠU L 225, 12.8.1998, p. 16-21)

Emendi suċċessivi għad-Direttiva 98/59/KE ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

l-aħħar aġġornament 04.12.2016

Top