EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

Regoli tal-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea

 

SOMMARJU TA':

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja

X'INHU L-GĦAN TA' DAWN IR-REGOLI TA' PROĊEDURA?

  • Dawn jistabbilixxu r-regoli li jimplimentaw u li jissupplimentaw l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja deskritt fid-dettall fi Protokoll Nru 3 anness mat-trattati.
  • Dawn għandhom il-mira li jagħmlu l-proċeduri tal-Qorti aktar sempliċi u aktar ċari għal-litiganti u għall-qrati nazzjonali u għat-tribunali, kif ukoll li jitqiesu aħjar il-bidliet fl-għadd tal-każijiet.

PUNTI EWLENIN

Il-Qorti tal-Ġustizzja hija waħda miż-2 qrati li jiffurmaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-istituzzjoni ġudizzjarja tal-UE u tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. It-tieni qorti hija l-Qorti Ġenerali. Il-missjoni tagħhom hija li jiżguraw l-istat tad-dritt fl-interpretazzjoni u fl-applikazzjoni tat-trattati, inkluż bil-kontroll tal-legalità tal-atti tal-UE.

Organizzazzjoni tal-Qorti

Il-Qorti hija organizzata kif ġej.

  • Kompożizzjoni: tinkludi 28 imħallef u 11-il avukat ġenerali, eletti għal 6 snin. L-avukati ġenerali huma responsabbli milli jassistu lill-Qorti u jagħtu pariri legali. L-Imħallfin jeleġġu l-President tal-Qorti, kif ukoll il-viċi president, għal 3 snin. Il-president huwa inkarigat milli jirrappreżenta lill-Qorti u jmexxi l-ħidma tagħha u huwa mgħejun mill-viċi president.
  • Il-kostituzzjoni tal-awli u l-ħatra tal-imħallfin relaturi: il-Qorti fiha fi ħdanha awli b’ħames imħallfin, li l-president tagħhom jiġi maħtur għal tliet snin, u awli bi tliet imħallfin, li l-president tagħhom ikun maħtur għal sena. Biex jittratta każ, il-President tal-Qorti jagħżel imħallef relatur, filwaqt li avukat ġenerali jintgħażel mill-avukat ġenerali ewlieni. Jekk ikun meħtieġ, il-Qorti tista’ taħtar assistenti relaturi.
  • Ir-rwol tar-Reġistratur: il-Qorti taħtar reġistratur għal perjodu ta’ 6 snin. Dan huwa inkarigat milli jirċievi, jibgħat, iżomm id-dokumenti kollha, u l-arkivji. Barra minn hekk, huwa jgħin lill-membri tal-Qorti u jieħu ħsieb il-pubblikazzjonijiet tagħha. Fl-aħħar nett, ir-Reġistratur imexxi s-servizzi tal-istituzzjoni taħt l-awtorità tal-President tal-Qorti.
  • Kif taħdem il-Qorti: il-każijiet huma assenjati lis-seduta plenarja, lill-Awla Manja jew awla b’5 jew 3 Imħallfin. L-għadd ta' mħallfin li jindirizzaw kawża jiddependi fuq l-importanza u l-kumplessità tagħha. Ħafna mill-kawżi huma ttrattati minn 5 imħallfin, u huwa rari ħafna li l-Qorti kollha tisma' l-kawża. Diversi kawżi jistgħu jiġu deċiżi flimkien mill-istess kulleġġ ġudikanti. Id-deċiżjonijiet tal-Qorti jridu jibqgħu sigrieti.
  • Sistema lingwistika: Kull kawża għandha lingwa ta’ proċedura. Fir-rikorsi diretti r-rikorrent jista’ jagħżel lingwa minn fost l-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Fil-proċeduri għal deċiżjoni preliminari l-lingwa tal-proċedura hija dik tal-qorti nazzjonali.

Karatteristiċi tal-proċedura

Il-proċedura quddiem il-Qorti tinkludi fil-prinċipju l-fażijiet li ġejjin:

  • Il-proċedura bil-miktub: din tikkonsisti fi skambju ta’ noti bejn il-partijiet. Dawn in-noti għandhom ikollhom kontenut definit tajjeb. Ladarba l-proċedura tintemm, l-imħallef relatur jippreżenta rapport preliminari waqt il-laqgħa ġenerali tal-Qorti.
  • Miżuri istruttorji: il-Qorti tista' tiddeċiedi li li tistabbilixxi miżuri istruttorji bħad-dehra tal-partijiet, it-talba għall-informazzjoni u għad-dokumenti, il-provi permezz tax-xhieda, il-perizja jew l-aċċess fuq il-post.
  • Seduta ta' smigħ tista' sseħħ jekk ikun hemm il-ħtieġa. Il-President jiftaħ u jmexxi s-seduta ta' smigħ. Is-seduta ta' smigħ tista’ ssir fil-privat (fil-magħluq).
  • Il-konklużjonijiet tal-avukat ġenerali: l-avukat ġenerali jagħti l-konklużjonijiet f'bejn wieħed u ieħor nofs il-kawżi kollha. Jekk il-kawża ma tqajjimx punti ġodda tal-liġi, il-Qorti tista' tiddeċiedi li l-konklużjonijiet mhumiex meħtieġa.
  • Id-deċiżjoni finali: Il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi permezz ta’ sentenza jew ta’ digriet. Is-sentenza biss tinqara waqt seduta pubblika. Is-sentenzi u d-digrieti jkunu jinkludu informazzjoni varja, bħas-sommarju tal-fatti jew il-motivi. Imbagħad titqassam kopja lil kull waħda mill-partijiet. Is-sentenzi u d-digrieti huma disponibbli fuq is-sit elettroniku tal-Qorti.

Ir-regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet speċifiċi rigward id-diversi proċeduri quddiem il-qorti:

Ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari

Il-qrati nazzjonali jistgħu jintroduċu rinviju għal deċiżjoni preliminari quddiem il-Qorti sabiex jistaqsu mistoqsija dwar il-validità jew l-interpretazzjoni tal-liġi tal-UE. Fil-kuntest ta’ rinviju, jistgħu jsiru osservazzjonijiet fosthom mill-:

  • il-partijiet fil-kawża;
  • il-pajjiżi tal-UE;
  • il-Kummissjoni Ewropea;
  • l-istituzzjoni li tkun adottat l-att li l-validità tiegħu tkun ikkontestata.

Appell kontra d-deċiżjonijiet tal-Qorti Ġenerali

Jista’ jsir appell kontra deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali. F’dan il-każ, għandha tiġi indirizzata talba lir-Reġistratur u din għandha tinkludi fost l-oħrajn il-mezzi u l-argumenti tal-liġi invokati. Din it-talba għandu jkollha l-għan li tannulla id-deċiżjoni kollha jew parti minnha.

META JAPPLIKAW IR-REGOLI TA' PROĊEDURA?

Dawn applikaw mill-1 ta' Novembru 2012

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Regoli ta' Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ġurnal Uffiċjali L 265, 29.9.2012, pp. 1-42).

Emenda tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti ta' Ġustizzja (Ġurnal Uffiċjali L 265, 26.6.2013, p. 65).

ATT(I) RELATAT(I)

Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/300 tad-29 ta' Frar 2016 li jistabbilixxi l-emolumenti tad-detenturi ta' uffiċjali pubbliċi ta' livell għoli tal-UE. (Ġurnal Uffiċjali L 58, 4.3.2016, pp. 1-12)

Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 tal-Istatut dwar il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Ġurnal Uffiċjali L 341, 24.12.2015, pp 14-17).

l-aħħar aġġornament 11.08.2016

Top