Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Ftehim bejn l-UE u d-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe

Ftehim bejn l-UE u d-Danimarka u l-Gżejjer Faeroe

 

SOMMARJU TA’:

Il-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra

Id-Deċiżjoni 97/126/KE dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra

X’INHU L-GĦAN TAL-FTEHIM U TAD-DEĊIŻJONI?

L-għanijiet ewlenija huma li:

  • jippromwovu l-espansjoni ta’ kummerċ reċiproku;
  • irawmu attività ekonomika;
  • itejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol;
  • iżidu l-produttività u l-istabbiltà finanzjarja;
  • jipprovdu kundizzjonijiet ġusti għall-kompetizzjoni fil-kummerċ;
  • jikkontribwixxu għat-tneħħija tal-ostakoli għall-kummerċ u jinkoraġġixxu l-iżvilupp armonjuż u l-espansjoni tal-kummerċ dinji.

Id-Deċiżjoni 97/126/KE tagħti l-approvazzjoni tal-Komunità Ewropea (issa l-Unjoni Ewropea — UE) għall-ftehim.

PUNTI EWLENIN

Il-ftehim:

  • ikopri l-elementi kollha fil-Kapitoli 25-97 tas-Sistema Armonizzata tal-Organizzazzjoni Dinjija Doganali;
  • jabolixxi d-dazji doganali, ir-restrizzjonijiet kwantitattivi u spejjeż jew miżuri ta’ effett ekwivalenti bejn il-Gżejjer Faeroe u l-UE;
  • jipprevedi trattament u arranġamenti speċifiċi ta’ tariffi għal elementi elenkati fil-protokolli 1 (ħut u prodotti tas-sajd), 2 (prodotti agrikoli proċessati) u 4 (ċerti prodotti agrikoli).

Il-protokoll 3 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u arranġamenti ta’ kooperazzjoni amministrattiva.

Il-protokoll 5 ikopri l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet amministrattivi dwar kwistjonijiet doganali.

Il-Gzejjer Faeroe u l-UE jaqblu li:

  • irawmu kummerċ armonizzat fi prodotti agrikoli;
  • ma jiddiskriminawx permezz ta’ regoli veterinarji, tas-saħħa jew tal-pjanti;
  • jagħtu lil xulxin trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit fl-ambitu tal-GATT tal-1994 (Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ, issa parti mill-Ftehim tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ);
  • jevitaw taxxi interni li jiddiskriminaw kontra l-prodotti ta’ xulxin;
  • jaċċettaw il-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet fuq l-importazzjonijiet, l-esportazzjonijiet jew il-merkanzija fi tranżitu biex jipproteġu:
    • il-moralità, l-liġi u l-ordni pubblika jew is-sigurtà pubblika,
    • il-ħajja u s-saħħa tal-bnedmin, tal-annimali u tal-pjanti,
    • it-teżori nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku,
    • il-proprjetà industrijali u kummerċjali,
    • ir-regoli dwar id-deheb u l-fidda;
  • jippermettu miżuri meqjusa meħtieġa għall-prevenzjoni tal-iżvelar ta’ informazzjoni li tmur kontra l-interessi tas-sigurtà essenzjali ta’ kwalunkwe parti;
  • jiddikjaraw illegali:
    • il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma kollha maħsuba biex jipprevjenu, jirrestrinġu jew jgħawġu l-kompetizzjoni fil-produzzjoni jew il-kummerċ tal-merkanzija,
    • l-abbużi ta’ pożizzjoni dominanti ta’ kumpanija,
    • l-għajnuna pubblika li tfixkel il-kompetizzjoni;
  • jippermettu li kwalunkwe parti tieħu azzjoni xierqa jekk żieda fl-importazzjonijiet tista’ tagħmel ħsara serja lill-produzzjoni proprja jew jekk diffikultajiet ekonomiċi, bħal problema fill-bilanċ tal-pagamenti, tista’ tagħmel ħsara serja lil reġjun.

L-UE taqbel li tikkunsidra t-talbiet tal-Gżejjer Faeroe biex jittejjeb l-aċċess għal prodotti speċifiċi jew biex jiġu estiżi konċessjonijiet tat-tariffi għal speċijiet ta’ ħut jew prodotti tas-sajd ġodda.

Il-ftehim jistabbilixxi kumitat konġunt mar-rappreżentanti tal-Gżejjer Faeroe u tal-UE biex:

  • jamministra l-ftehim u jiżgura l-implimentazzjoni xierqa tiegħu;
  • jagħmel rakkomandazzjonijiet u jieħu deċiżjonijiet;
  • jaġixxi bħala forum għall-konsultazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni.

Kwalunkwe parti tista’ ttemm il-ftehim billi tinnotifika lill-oħra. Dan jintemm 12-il xahar wara n-notifika.

DATA TAD-DĦUL FIS-SEĦĦ

Il-ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1997.

SFOND

L-UE hija l-akbar sieħeb kummerċjali tal-Gżejjer Faeroe. Il-gżejjer huma inklużi fil-politika tal-UE dwar l-Artiku, li fiha l-UE timpenja ruħha li tinvesti fill-futur tan-nies li jgħixu fiż-żona, u tistimula edukazzjoni aħjar, tkabbir sostenibbli u impjiegi.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI PRINĊIPALI

Ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faeroe, min-naħa l-oħra (ĠU L 53, 22.2.1997, pp. 2–135).

L-emendi suċċessivi għall-ftehim ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 97/126/KE tas-6 ta’ Diċembru 1996 dwar il-konklużjoni ta’ ftehim bejn il-Komunità Ewropea, minn naħa waħda, u l-Gvern tad-Danimarka u l-Gvern Lokali tal-Gżejjer Faroe, min-naħa l-oħra (ĠU L 53, 22.2.1997, p. 1).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 17.02.2023

Top