Vyberte si experimentálne prvky, ktoré chcete vyskúšať

Tento dokument je výňatok z webového sídla EUR-Lex

Regoli u appoġġ finanzjarju għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

Regoli u appoġġ finanzjarju għall-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK

 

SOMMARJU TA’:

Regolament (UE) 2021/2115 - regoli dwar l-appoġġ għal pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri taħt il-politika agrikola komuni (pjanijiet strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Dan jistabbilixxi tal-politika agrikola komuni (PAK) tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-2023-2027, li għandha l-għan li tkun aktar ġusta, ekoloġika u bbażata fuq il-prestazzjoni. Huwa jfittex li jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-provvista u jagħti spinta lill-kompetittività fis-settur agrialimentari. Il-PAK il-ġdida għandha l-għan li:

  • ittejjeb il-kontribut tal-agrikoltura għall-għanijiet ambjentali u klimatiċi tal-UE;
  • tipprovdi appoġġ aktar immirat lill-azjedni agrikoli iżgħar; u
  • tippermetti aktar flessibbiltà għall-Istati Membri tal-UE fl-adatament ta’ miżuri għall-kondizzjonijiet lokali.

40 % tal-baġit tal-PAK għandu jkun rilevanti għall-klima u juri appoġġ għall-impenn ġenerali biex jalloka 10 % tal-baġit tal-UE lill-objettivi tal-bijodiversità sa tmiem il-qafas finanzjarju pluriennali tal-UE 2021-2027.

PUNTI EWLENIN

Ir-regolament japplika għall-għajnuna tal-UE mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) għal sottomissjonijiet magħmul mill-Istati Membri u approvati mill-Kummissjoni Ewropea, matul il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2023 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

  • L-FAEG jiffinanzja skemi ta’ appoġġ ta’ dħul għall-bdiewa u miżuri ta’ appoġġ għas-suq (miżuri li jappoġġjaw u jistabbilizzaw is-swieq agrikoli).
  • L-FAEŻR huwa l-kontribuzzjoni tal-PAK għall-appoġġ tal-UE għal intervent fl-iżvilupp rurali. Huwa jiffinanzja miżuri:
    • biex itejbu l-kompetittività agrikola;
    • biex jippromwovu l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsiu l-azzjoni klimatika; u
    • biex jiksbu l-iżvilupp territorjali bilanċjat taż-żoni rurali.
  • L-allokazzjonijiet finanzjarji fil-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027 huma:
    • EUR 291.1 biljun għall-FAEG; u
    • EUR 95.5 biljun għall-FAEŻR.

PAK aktar ġusta u ekoloġika

L-appoġġ mill-FAEG u l-FAEŻR għandu jikkontribwixxi għall-objettivi speċifiċi li ġejjin:

  • l-appoġġ għal introjtu vijabbli tal-azjendi agrikoli u reżiljenza tas-settur agrikolu madwar l-UE biex jittejbu s-sigurtà tal-ikel fit-tul u d-diversità agrikola u tiġi żgurata s-sostenibbiltà ekonomika tal-agrikoltura;
  • iż-żieda fil-kompetittività tal-azjendi agrikoli kemm fuq medda qasira kif ukoll fuq medda twila ta’ żmien, inkluża enfasi akbar fuq ir-riċerka, it-teknoloġija u d-diġitalizzazzjoni;
  • it-titjib tal-pożizzjoni tal-bdiewa fil-katina tal-valur;
  • il-kontribut għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament, għalih, inkluż billi jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, billi jittejbu l-qbid u l-ħżin tal-karbonju, u tiġi promossa l-enerġija sostenibbli;
  • it-trawwim tal-iżvilupp sostenibbli u l-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi naturali bħall-ilma, il-ħamrija u l-arja;
  • il-kontribuzzjoni għall-waqfien u t-treġġigħ lura tat-telf tal-bijodiversità, it-titjib tas-servizzi tal-ekosistemi u l-preservazzjoni tal-ħabitats u l-pajsaġġi;
  • l-attirar u s-sosteniment ta’ ġenerazzjoni ġdida ta’ bdiewa u l-iffaċilitar tal-iżvilupp sostenibbli tan-negozju rurali;
  • il-promozzjoni tal-impjiegi, it-tkabbir, l-ugwaljanza bejn is-sessi (inkluża l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja), l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp lokali f’żoni rurali, inklużi l-bijoekonomija ċirkolari u l-forestrija sostenibbli;
  • it-titjib tar-rispons tal-agrikoltura tal-UE għad-domandi tas-soċjetà dwar l-ikel u s-saħħa, inkluż billi jiġi pprovdut ikel sostenibbli ta’ kwalità għolja, sikur u nutrittiv, it-tnaqqis tal-iskart tal-ikel, it-titjib fil-benessri tal-annimali u l-ġlieda kontra r-reżistenza antimikrobika;
  • l-immodernizzar tal-agrikoltura u ż-żoni rurali permezz tal-kondiviżjoni tal-għarfien usa’, l-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni b’aċċess imtejjeb għall-bdiewa għar-riċerka u t-taħriġ;
  • it-tnaqqis tal-piż amministrattiv u s-simplifikazzjoni tal-implimentazzjoni tal-PAK.

Pjanijiet strateġiċi tal-PAK

Sabiex ikunu jistgħu jipprovdu lill-bdiewa u benefiċjarji oħra b’appoġġ mill-FAEG u l-FAEŻR, l-Istati Membri jridu jiżviluppaw pjan strateġiku tal-PAK fil-livell nazzjonali, billi jgħaqqdu firxa ta’ interventi mmirati li jindirizzaw il-ħtiġijiet speċifiċi tal-Istat Membru u li se jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-għanijiet fil-livell tal-UE, inkluż il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Ladarba jiġu sottomessi l-pjanijiet , il-Kummissjoni trid tapprovahom qabel l-implimentazzjoni tagħhom mill-1 ta’ Jannar 2023.

Il-Kummissjoni tivvaluta jekk il-pjanijiet jikkontribwixxux għal, u humiex konsistenti mal-leġiżlazzjoni u l-impenji tal-UE b’rabta mal-klima u l-ambjent, inklużi l-istrateġija mill-għalqa sal-platt u l-istrateġija tal-bijodiversità. L-Istati Membri għandhom jaġġornaw il-pjanijiet tagħhom meta tiġi modifikata l-leġiżlazzjoni dwar il-klima u l-ambjent.

F’dawn il-pjani, l-Istati Membri għandhom, fost affarijiet oħrajn, jagħmlu dan li ġej.

  • Jivvalutaw il-ħtiġijiet tad-dħul tal-bdiewa u jfasslustrateġija ta’ ridistribuzzjoni li tindirizza dawk il-ħtiġijiet. Huma jistgħu jimmobilizzaw firxa ta’ regoli u interventi bħal skema ta’ appoġġ iddedikata għall-bdiewa żgħar, appoġġ ta’ dħul ridistributtiv jew desegregazzjoni/qbid.
  • Jevalwaw kif jistgħu jżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-biedja, jindirizzaw l-isfidi għal dan u jinkludu miżuri kif xieraq.
  • Jinkludu sistema ta’ kondizzjonalità li taħtha l-bdiewa u l-benefiċjarji li jirċievu pagamenti diretti u li jibbenefikaw minn ċerti mizuri ta’ żvilupp rurali jiġu penalizzati jekk ma jikkonformawx mar-rekwiżiti ta’ gestjoni statutorja jew mal-istandards għal kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba ta’ art (KAAT) stabbiliti fil-pjanijiet strategiċi li jkopru:
    • il-klima u l-ambjent, inklużi l-ilma, il-ħamrija u l-bijodiversità tal-ekosistema;
    • is-saħħa pubblika u tal-pjanti;
    • t-trattament xieraq tal-annimali
  • Indika li sal-1 ta’ Jannar 2025, il-bdiewa u riċevituri oħra ta’ pagamenti diretti ser ikunu soggetti għal penali amministrattiva jekk jonqsu milli jipprovdu kundizzjonijiet tal-impjiegi ġusti skont il-legizlazzjoni tal-UE.

Il-Kummissjoni tappoġġja l-Istati Membri permezz tal-proċess ta’ tħejjija tal-pjan strategiku tagħhom sabiex:

  • jieżdu vantaġġ sħiħ mill-PAK il-gdida u l-istrumenti tagħha biex jappoġġjaw lill-bdiewa tagħhom fit-tranżizzjoni lejn sostenibbiltà akbar fis-sistemi tal-ikel;
  • kull pjan jinkludi stratġgija ta’ intervent li tispjega kif kull Stat Membru se juża strumenti tal-PAK biex jikseb l-għanijiet tal-PAK, f’konformità mal-ambizzjonijiet tal-Patt Ekologiku.

It-tipi ta’ interventi skont pagamenti diretti tal-FAEG

Hemm regoli dettaljati relatati ma’ dan li ġej.

  • Ħlasijiet diretti diżakkopjati
    • Appogg ta’ dħul bażiku għas-sostenibbiltà fil-forma ta’ pagament annwali għal kull ettaru eliġibbli ddikjarat minn bidwi attiv. Jekk Stat Membru jagħżel li jipprovdi appoġġ lill-bdiewa żgħar, jista’ jagħmel dan permezz ta’ somma f’daqqa jew ammont partikolari għal kull ettaru. Il-pagamenti annwali lill-bdiewa żgħar ma għandhomx jaqbżu l-EUR 1,250.
    • Appoġġ għal dħul ridistributtiv komplementari għas-sostenibbiltà — tal-inqas 10 % tal-pagamenti diretti għandhom isiru għall-għodda ta’ appoġġ ridistributtiv tad-dħul, biex jiġu indirizzati aħjar il-ħtiġijiet tad-dħul ta’ rziezet iżgħar u ta’ daqs medju. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu eċċezzjonijiet jekk ikunu jistgħu juru li l-bżonnijiet tagħhom huma aktar baxxi jew li qegħdin jimmobilizzaw interventi oħrajn sabiex jindirizzaw bżonnijiet ta’ dħul bħal dawn.
    • Appoġġ għall-introjtu komplementari għall-bdiewa żgħażagħ, li jingħata għal durata massima ta’ ħames snin. L-appoġġ jista’ jkun fil-forma ta’ pagament annwali diżakkopjat għal kull ettaru eligibbli jew ta’ pagament wieħed f’daqqa għal kull bidwi żagħżugħ. L-Istati Membri jridu jiddistribwixxu tal-anqas 3 % tal-bagit tagħhom tal-pagamenti diretti lill-bdiewa żgħażagħ, fil-forma ta’ dħul jew appoġġ ta’ investiment jew għajnuna tal-bidu.
    • Ekoskemi għall-bdiewa li jimpenjaw ruħhom li josservaw il-prattiki agrikoli ta’ benefiċċju għall-klima, l-ambjent u l-benesseri tal-annimali, u biex jiġġieldu r-rezistenza antimikrobika; mill-inqas 25 % tal-baġit għall-pagamenti diretti huwa allokat għall-ekoskemi.
  • Ħlasijiet diretti akkopati
    • Appoġġ għad-dħul akkopjat fil-forma ta’ pagament annwali, għal kull ettaru jew għal kull annimal, f’ċerti setturi jew tipi ta’ biedja ta’ importanza soċjoekonomika jew ambjentali.
    • Pagament speċifiku għall-uċuħ tar-raba’ għall-qoton fil-Bulgarija, fil-Greċja, fil-Portugall u fi Spanja.

Intervent f’ċerti setturi tas-suq

Hemm regoli dettaljati dwar it-tipi ta’ intervent fis-setturi li ġejjin:

  • frott u ħxejjex;
  • prodotti tal-apikultura;
  • l-inbid;
  • il-ħops;
  • iż-żejt taż-żebbuġa u żebbuħ tal-ikel;
  • setturi oħra stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 u s-setturi elenkati fl-Anness VI ta’ dan ir-regolament, ir-Regolament (UE) 2021/2115.

Għal kull settur, ir-regolament jistabbilixxi objettivi u jelenka t-tipi ta’ interventi eliġibbli. Skont is-settur, l-appoġġ jista’ jieħu kwalunkwe waħda minn dawn il-forom li ġejjin:

  • ir-rimbors ta’ spejjeż eliġibbli fil-fatt imġarrba minn benefiċjarju;
  • l-ispejjeż tal-unità;
  • somom f’daqqa;
  • finanzjament b’rata fissa.

It-tipi ta’ interventi għall-iżvilupp rurali taħt l-FAEZR

Hemm regoli dettaljati għall-pagamenti jew l-appoġġ għal:

  • impenji ambjentali, relatati mal-klima u ta’ ġestjoni oħra;
  • restrizzjonijiet naturali jew speċifiċi għal oqsma oħra;
  • żvantaġġi speċifiċi għall-qasam li jirriżultaw minn ċerti rekwiziti obbligatorji;
  • investimenti, inklużi investimenti fit-tisqija;
  • l-istabbiliment ta’ bdiewa żgħażagħ u ġodda u bidu ta’ negozji rurali;
  • għodod għall-ġestjoni tar-riskju;
  • kooperazzjoni (inkluzi sħubijiet u Mexxejja Ewropej għall-innovazzjon);
  • l-iskambju ta’ għarfien u t-tixrid tal-informazzjoni.

Mill-inqas 35 % tal-kontribuzzjoni totali tal-FAEZR għall-pjan strateġiku tal-PAK trid tiġi riżervata għall-interventi li jappoġġjaw għanijiet ambjentali u relatati mal-klima speċifiċi, inkluż it-trattament xieraq tal-annimali.

Biex jiġi promoss l-iżvilupp lokali, għandha ssir allokazzjoni minima ta’ mill-inqas 5 % tal-FAEZR lill-Mexxej.

Prestazzjoni, monitoragg u evalwazzjoni

Ir-regolament jintroduċi sett komuni ta’ indikaturi bħala parti minn qafas ġdid ta’ prestazzjoni, monitoraġġ u evalwazzjoni. L-indikaturi huma mmonitorjati permezz ta’ rapporti tal-prestazzjoni annwali u revizjoni biannwali tal-prestazzjoni tal-pjanijiet strategiċi tal-PAK sabiex jiġi vvalutat il-progress tal-Istati Membri biex jintlaħqu l-miri tagħhom u l-għanijiet tal-PAK.

Riżerva finanzjarja

Ir-regolament jinkludi riżerva finanzjarja għal intervent f’kriżi, li tammonta għal mill-inqas EUR 450 miljun fis-sena.

Legiżlazzjoni supplimentari

  • Att delegat, ir-Regolament (UE) 2022/126, jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-pjanijiet strateġiċi tagħhom tal-PAK. Huwa jinkludi wkoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-KAAT (dwar l-istabbiliment ta’ strixxi ta’ lqugħ matul korsijiet tal-ilma).
  • Ir-Regolament Delegat (UE) 2022/648 jemenda l-Anness XI fir-rigward tal-ammont tal-appoġġ tal-UE għal tipi ta’ intervent għall-iżvilupp rurali għas-sena finanzjarja 2023.
  • Att ta’ implimentazzjoni, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/1317, li jipprevedi eċċezzjonijiet fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards tal-KAAT 7 (dwar in-newba tal-għelejjel f’art li tinharat, hlief għall-għelejjel li jikbru taht l-ilma) u 8 (dwar is-sehem minimu ta’ zona agrikola ddedikata lil zoni jew karatteristiċi mhux demersali) għas-sena tat-talba 2023.

Tħassir ta’ legizlazzjoni preċedenti

Ir-regolament iħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 dwar l-izvilupp rurali u (UE) Nru 1307/2013 dwar pagamenti diretti lill-bdiewa.

MINN META BEDA JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Ir-regolamet ilu japplika mis-7 ta’ Diċembru 2021. Il-pjanijiet strategiċi tal-PAK huma applikabbli mill-1 ta’ Jannar 2023.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT PRINĊIPALI

Ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-politika agrikola komuni (Pjanijiet Strategiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEZR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (GU L 435, 6.12.2021, pp. 1-186).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/2115 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1475 tas-6  ta’ Settembru 2022 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u l-għoti ta’ informazzjoni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni (ĠU L 232, 7.9.2022, pp. 8-36).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/1317 tas-27 ta’ Lulju 2022 li jipprevedi derogi mir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-applikazzjoni tal-istandards għal kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba tal-art (standards tal-KAAT) 7 u 8 għas-sena tat-talba 2023 (GU L 199, 28.7.2022, pp. 1-4).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/129 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli għat-tipi ta’ intervent li jikkonċerna ż-żrieragħ żejtnin, il-qoton u l-prodotti sekondarji tal-produzzjoni tal-inbid skont ir-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u għar-rekwiżiti ta’ informazzjoni, ta’ pubbliċità u ta’ viżibilità relatati mal-appoġġ tal-Unjoni u l-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK (ĠU L 20, 31.1.2022, pp. 197-205).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/126 tas-7 ta’ Diċembru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill b’rekwiżiti addizzjonali għal ċerti tipi ta’ intervent speċifikati mill-Istati Membri fil-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu mill-2023 sal-2027 skont dak ir-Regolament kif ukoll regoli dwar il-proporzjon għall-istandard 1 tal-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba (KAAT) (ĠU L 20, 31.1.2022, pp. 52-94).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2289 tal-21 ta’ Diċembru 2021li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-preżentazzjoni tal-kontenut tal-Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK u dwar is-sistema elettronika għall-iskambju sigur ta’ informazzjoni (ĠU L 458, 22.12.2021, pp. 463-485).

Ara l-verżjoni konsolidata.

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/2290 tal-21 ta’ Diċembru 2021 li jistabbilixxi regoli dwar il-metodi għall-kalkolu tal-indikaturi komuni tal-output u tar-riżultati stabbiliti fl-Anness I tar-Regolament (UE) 2021/2115 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi regoli dwar l-appoġġ għall-pjanijiet strateġiċi li għandhom jitfasslu mill-Istati Membri skont il-Politika Agrikola Komuni (Pjanijiet Strateġiċi tal-PAK) u ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013 u (UE) Nru 1307/2013 (ĠU L 458, 22.12.2021, pp. 486-493).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni — Strategija Mill-Għalqa sal-Platt għal sistema tal-ikel ġusta, tajba għas-saħħa u favur l-ambjent (ċOM(2020) 381 final, 20.5.2020).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni — Strategija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 Inreġġgħu n-natura lura f’hajjitna (ċOM(2020) 380 final, 20.5.2020).

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Regjuni — Il-Patt Ekologiku Ewropew (ċOM(2019) 640 final,11.12.2019).

Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, pp. 671-854).

Ara l-verżjoni konsolidata.

l-aħħar aġġornament 01.01.2023

Začiatok