Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

IPA III: l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (2021–2027)

IPA III: l-Istrument tal-UE għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (2021–2027)

 

SOMMARJU TA’:

Ir-Regolament (UE) Nru 2021/1529 li jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III)

X’INHU L-GĦAN TAR-REGOLAMENT?

Ir-regolament jistabbilixxi l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA IIII) għall-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) tal-perjodu 2021–2027.

Huwa jistipula:

  • l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-politika;
  • id-daqs, forma u regoli tal-finanzjament tal-Unjoni Ewropea (UE).

PUNTI EWLENIN

IPA III:

  • ikopri l-Albanija, il-Bożnja u Ħerzegovina, l-Iżlanda, il-Kosovo*, il-Montenegro, il-Maċedonja ta’ Fuq, is-Serbja u t-Turkija (Anness I);
  • għandha l-objettiv ġenerali li tgħin lill-benefiċjarji tal-IPA III jallinjaw lilhom infushom mar-regoli, standards, politiki u prattiki tal-UE biex jippreparaw għas-sħubija mal-UE billi jippromwovu riformi politiċi, istituzzjonali, legali, amministrattivi, soċjali u ekonomiċi;
  • tidentifika l-għanijiet speċifiċi biex:
    • issaħħaħ l-istat tad-dritt, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ekonomiku u soċjali,
    • tirrinforza l-amministrazzjoni pubblika effettiva, ir-riforma strutturali u governanza tajba,
    • issawwar regoli, standards, politiki u prattiki,
    • tippromwovi l-protezzjoni ambjentali u ekonomija b’livell baxx ta’ karbonju,
    • tappoġġa l-koeżjoni territorjali u kooperazzjoni transfruntiera;
  • fiha 20 prijorità tematika, li jvarjaw mill-ugwaljanza bejn is-sessi u impjieg ta’ kwalità sa trasport intelliġenti u ikel sigur u provvisti tal-ilma (Anness II);
  • għandha tipprovdi sinerġija, tikkomplimenta u tkun konsistenti ma’ politiki u finanzjament oħra interni u esterni tal-UE;
  • topera fil-qafas tal-politika tat-tkabbir ġenerali tal-UE.

Il-baġit għall-programm ta’ seba’ snin huwa EUR14,162 biljun. Il-fondi jistgħu jintużaw għal:

  • tħejjija;
  • monitoraġġ;
  • kontroll;
  • verifiki;
  • evalwazzjoni; u
  • sistemi tat-teknoloġija tal-informazzjoni korporattiva.

Il-finanzjament lill-benefiċjarji huwa bbażat fuq:

  • qafas ta’ programmar tal-IPA, li fih l-infiq annwali li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jawtorizzaw u jqis strateġiji nazzjonali u politiki settorjali;
  • prestazzjoni (Anness IV fih lista ta’ indikaturi ewlenin) u prinċipji ta’ sehem ġust, u huwa mmirat u aġġustat għal sitwazzjonijiet speċifiċi.

Proġetti ta’ kooperazzjoni transfruntiera jibbenefikaw minn sa 3 % tal-baġit totali b’kontribuzzjoni massima mill-UE ta’ 85 %.

Stati Membri tal-UE, benefiċjarji tal-IPA III, pajjiżi fiż-Żona Ekonomika Ewropea u ż-Żona tal-Viċinat (Anness I tar-Regolament (UE) 2021/947 — ara s-sommarju) kollha huma eliġibbli għal finanzjament.

Il-benefiċjarji tal-IPA III jistgħu jiksbu fondi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Sostenibbli Plus u l-Garanzija għall-Azzjoni Esterna (taħt ir-Regolament (UE) 2021/947).

Ir-Riċevituri ta’ appoġġ tal-IPA III għandhom jirrikonoxxu l-oriġini, u jiżguraw il-viżibilità, tal-finanzjament.

Il-Kummissjoni Ewropea:

  • tista’ tadotta atti ta’ implimentazzjoni u tdelegati;
  • hija assistita minn kumitat għall-IPA u tingħata pariri minn bord strateġiku għall-Balkani tal-punent.

Att supplimentari

Ir-Regolament (UE) 2021/1529 ġie ssupplimentat bir-Regolament Delegat (UE) 2021/2128.

Atti ta’ implimentazzjoni

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/2236 jistabbilixxi regoli speċifiċi biex jiżgura l-implimentazzjoni uniformi ta’ assistenza tal-IPA III għall-benefiċjarji tal-IPA III. Huwa jistabbilixxi wkoll regoli speċifiċi għall-kooperazzjoni transfruntiera u għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali.

MINN META JAPPLIKA R-REGOLAMENT?

Dan ilu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

SFOND

L-IPA III jiżgura kontinwità mal-IPA II, li dam għaddej mill-2014 sal-2020. Huwa jikkomplimenta l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali ta’ kważi EUR 80 biljun stabbilit taħt ir-Regolament (UE) 2021/947.

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENT EWLIENI

Ir-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Settembru 2021 li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 330, 20.9.2021, pp.1–26).

DOKUMENTI RELATATI

Ir-Regolament (UE) 2021/947 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ġunju 2021 li jistabbilixxi l-Istrument ta’ Viċinat, ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u ta’ Kooperazzjoni Internazzjonali — Ewropa Globali, li jemenda u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 466/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar ir-Regolament (UE) 2017/1601 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 (ĠU L 209, 14.6.2021, pp. 1–78).

L-emendi suċċessivi għar-Regolament (UE) 2021/947 ġew inkorporati fit-test oriġinali. Din il-verżjoni konsolidata għandha valur dokumentarju biss.

Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/2128 tal-1 ta’ Ottubru 2021 li jissupplimenta r-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-istabbiliment ta’ ċerti objettivi speċifiċi u prijoritajiet tematiċi għall-assistenza taħt l-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 432, 3.12.2021, pp. 8–12).

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 2021/2236 tal-15 ta’ Diċembru 2021 dwar ir-regoli speċifiċi għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2021/1529 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi Strument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA III) (ĠU L 450, 16.12.2021, pp. 10–20).


* Din id-deżinjazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet dwar l-istatus, u hija konformi mal-UNSCR 1244/99 u l-Opinjoni tal-QIĠ dwar id-dikjarazzjoni tal-indipendenza tal-Kosovo.

l-aħħar aġġornament 01.12.2021

Top