EUR-Lex Πρόσβαση στο δίκαιο της Ευρωπαϊκής Ένωσης

Επιστροφή στην αρχική σελίδα του EUR-Lex

Το έγγραφο αυτό έχει ληφθεί από τον ιστότοπο EUR-Lex

Ugwaljanza, inklużjoni u parteċipazzjoni tar-Rom

Ugwaljanza, inklużjoni u parteċipazzjoni tar-Rom

 

SOMMARJU TA’:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Unjoni tal-ugwaljanza: Qafas strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni

Ir-Rakkomandazzjoni dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom

X’INHU L-GĦAN TAL-KOMUNIKAZZJONI U R-RAKKOMANDAZZJONI?

  • Il-komunikazzjoni tistabbilixxi qafas strateġiku ġdid tar-Rom tal-Unjoni Ewropea (UE) bil-għan li jżid il-ħeffa u l-progress tal-integrazzjoni tar-Rom billi jippromwovi l-ugwaljanza effettiva, l-inklużjoni soċjoekonomika u l-parteċipazzjoni sinjifikanti tar-Rom.
  • Ir-rakkomandazzjoni ssaħħaħ l-impenn tal-Istati Membri tal-UE biex jiġġieldu b’mod effettiv id-diskriminazzjoni kontra n-nies Rom u biex jippromwovu l-inklużjoni tagħhom fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-impjiegi, is-saħħa u l-akkomodazzjoni.
  • Ir-rakkomandazzjoni tikkumplimenta l-komunikazzjoni billi tistabbilixxi lista ta’ miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Istati Membri sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE. Hija toffri gwida dwar il-bini ta’ kapaċità u sħubijiet bejn il-partijiet interessati (inklużi punti ta’ kuntatt nazzjonali tar-Rom, korpi għall-ugwaljanza, is-soċjetà ċivili u l-atturi reġjonali u lokali) u dwar l-iżgurar ta’ użu aħjar tal-fondi tal-UE u dawk nazzjonali. Hija toffri wkoll gwida dwar monitoraġġ u rappurtar nazzjonali effettivi u l-evalwazzjoni tal-oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom.

PUNTI EWLENIN

Il-qafas strateġiku tar-Rom tal-UE huwa l-ewwel kontribut dirett għall-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020–2025.

Qafas Strateġiku

Il-qafas jissostitwixxi l-qafas tal-UE għall-istrateġiji nazzjonali ta’ integrazzjoni tar-Rom sal-2020. Il-qafas il-ġdid jistabbilixxi 7 oqsma ewlenin ta’ fokus — 3 orizzontali u 4 settorjali — għall-perjodu li jwassal sal-2030:

  • l-ugwaljanza
  • l-inklużività
  • il-parteċipazzjoni
  • l-edukazzjoni
  • l-impjiegi
  • is-saħħa
  • l-akkomodazzjoni.

F’kull wieħed minn dawn l-oqsma, il-Kummissjoni Ewropea tipproponi miri ġodda għall-Istati Membri u suġġerimenti dwar kif jintlaħqu.

Miri

Il-Kummissjoni tipproponi għadd ta’ miri minimi għall-2030. Dawn jinkludu:

  • it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ Rom li jesperjenzaw diskriminazzjoni b’mill-inqas nofs;
  • l-irduppjar tal-proporzjon ta’ Rom li jippreżentaw rapport meta jesperjenzaw diskriminazzjoni;
  • it-tnaqqis tad-distakk fil-faqar bejn ir-Rom u l-popolazzjoni ġenerali b’mill-inqas nofs;
  • it-tnaqqis tad-distakk fil-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni bikrija tat-tfal b’mill-inqas nofs;
  • it-tnaqqis tal-proporzjon ta’ tfal Rom li jattendu skejjel primarji segregati b’mill-inqas nofs fi Stati Membri b’popolazzjoni sinjifikanti ta’ Rom;
  • it-tnaqqis tad-differenza fl-impjiegi u d-differenza bejn is-sessi fl-impjiegi b’mill-inqas nofs;
  • it-tnaqqis tad-distakk fl-istennija tal-għomor b’mill-inqas nofs;
  • it-tnaqqis tad-differenza fin-nuqqas ta’ akkomodazzjoni b’mill-inqas terz;
  • l-iżgurar li mill-inqas 95% tar-Rom ikollhom aċċess għall-ilma tal-vit.

Il-qafas ta’ monitoraġġ tal-2020 ippubblikat mill-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jistabbilixxi fid-dettall l-objettivi u l-indikaturi l-ġodda.

Gwida u miżuri biex jintlaħqu l-miri

Il-komunikazzjoni tinkludi gwida u miżuri biex jgħinu lill-Istati Membri jiksbu dawn il-miri. Dawn il-miżuri jinkludu:

  • l-iżvilupp ta’ sistemi ta’ appoġġ għall-vittmi Rom ta’ diskriminazzjoni;
  • l-appoġġ tal-litteriżmu finanzjarju;
  • kampanji ta’ sensibilizzazzjoni fl-iskejjel;
  • il-promozzjoni tal-impjegar tar-Rom f’istituzzjonijiet pubbliċi;
  • it-titjib tal-aċċess għal kontrolli mediċi ta’ kwalità, skrinjar u ppjanar tal-familja għan-nisa Rom.

Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill

  • Ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill iġeddu u jissostitwixxu r-rakkomandazzjoni tal-2013. Hija għandha l-għan li tipprovdi lill-Istati Membri bi gwida aktar rilevanti u effettiva dwar kif jitħaffef il-progress lejn l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni għar-Rom matul l-10 snin li ġejjin.
  • Dawn jenfasizzaw għadd ta’ temi, li jinkludu:
    • l-importanza tal-parteċipazzjoni ugwali tar-Rom fis-soċjetà u tar-rwol tagħhom fit-tfassil tal-politika;
    • il-politiki ġenerali jsiru aktar sensittivi għall-ugwaljanza u l-inklużjoni tar-Rom; u
    • l-importanza tal-perspettiva tas-sessi.
  • Dawn jinkludu għadd ta’ miżuri biex jgħinu biex jintlaħqu s-7 objettivi stabbiliti fil-qafas strateġiku.
  • Huma jħeġġu lill-Istati Membri biex jadottaw oqfsa strateġiċi nazzjonali tar-Rom fi ħdan il-politiki usa’ tagħhom ta’ inklużjoni soċjali li jtejbu s-sitwazzjoni tar-Rom, u biex jikkomunikawhom lill-Kummissjoni, preferibbilment sa Settembru 2021.
  • L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jinkludu u jippromwovu d-drittijiet u l-opportunitajiet indaqs għar-Rom fil-pjanijiet nazzjonali tagħhom ta’ rkupru u reżiljenza.

SFOND

Għal aktar informazzjoni, ara:

DOKUMENTI EWLENIN

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill — Unjoni tal-Ugwaljanza: Qafas Strateġiku tal-UE għar-Rom għall-ugwaljanza, għall-inklużjoni u għall-parteċipazzjoni (COM (2020) 620 final, 7.10.2020)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta’ Marzu 2021 dwar l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-parteċipazzjoni tar-Rom (ĠU C 93, 19.3.2021, pp. 1-14)

DOKUMENTI RELATATI

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni — Unjoni ta’ ugwaljanza: Pjan ta’ azzjoni tal-UE kontra r-razziżmu 2020–2025 (COM(2020) 565 finali, 18.9.2020)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (ĠU C 378, 24.12.2013, pp. 1-7)

Id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/913/ĠAI tat-28 ta’ Novembru 2008 dwar il-ġlieda kontra ċerti forom u espressjonijiet ta’ razziżmu u ksenofobija permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 328, 6.12.2008, pp. 55-58)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22-26)

l-aħħar aġġornament 15.09.2021

Επάνω